Nihil obstat u Imprimatur

X’ifissru l-kliem “Nihil obstat” u “Imprimatur” li jkun hemm fil-pubblikazzjonijiet Kattoliċi?

Min qatt fetaħ ktieb reliġjuż Kattoliku, speċjalment wieħed dwar it-teoloġija, il-katekeżi jew xi devozzjoni, x’aktarx innota li f’waħda mill-paġni ta’ quddiem ikun hemm dawn il-kelmiet bil-Latin, Nihil obstat u Imprimatur. Għalkemm mhumiex dejjem preżenti f’kull pubblikazzjoni, dawn jibqgħu parti importanti mit-tradizzjoni editorjali tal-Knisja Kattolika u għandhom tifsira preċiża.

Dawn il-kliem huma bil-Latin, li għal bosta sekli kienet il-lingwa uffiċjali tal-Knisja Kattolika.

Nihil obstat tfisser litteralment li dak fit-test ta’ dak il-ktieb ma hemm xejn ta’ oġġezzjoni – ma hemm xejn li jista’ jfixkel. Il-kelma “nihil” tfisser “xejn”, filwaqt li “obstat”, mill-verb obstare, tfisser “ostaklu”. Allura, fil-kuntest ekkleżjastiku, din il-frażi tfisser li r-reviżur teoloġiku ma sab xejn fil-kitba li jista’ jkun ta’ tfixkil jew ta’ ostaklu kontra l-fidi u l-morali Kattolika.

Imprimatur tfisser li dik il-pubblikazzjoni tista’ tkun stampata u ppublikata. Hija forma tal-verb Latin imprimere “jistampa”, u tintuża bħala awtorizzazzjoni uffiċjali biex il-pubblikazzjoni toħroġ għall-istampa.

Min jagħti n-Nihil obstat u l-Imprimatur?

Normalment, il-proċess jibda meta l-manuskritt jiġi eżaminat minn teologu jew persuna esperjenzata fil-qasam tad-duttrina, magħruf bħala ċensur teoloġiku (censor librorum – ċensur ta-kotba). Jekk dan jikkonkludi li l-kitba ma fiha ebda tagħlim li jmur kontra l-fidi jew il-morali tal-Knisja, allura jagħti n-Nihil obstat tiegħu.

Wara dan, l-Isqof tad-djoċesi jew l-awtorità ekkleżjastika kompetenti mqabbda minnu tista’ tagħti l-Imprimatur, jiġifieri l-permess uffiċjali biex il-ktieb jiġi ppubblikat.

Spiss, taħt dawn il-frażijiet wieħed isib ukoll l-isem tal-persuna li tat l-approvazzjoni u d-data li fiha tkun ingħatat.

Xi jfissru fil-prattika?

Huwa importanti li wieħed jifhem x’jimplikaw dawn l-approvazzjonijiet u x’ma jimplikawx. In-Nihil obstat u l-Imprimatur ma jfissrux li kull opinjoni jew interpretazzjoni tal-awtur hija neċessarjament l-aħjar jew l-unika waħda possibbli. Lanqas ma jfissru li l-awtorità tal-Knisja taqbel ma’ kull dettall jew stil letterarju tal-ktieb. Lanqas ma huma ċertifikat grammatiku tal-kitba.

Minflok, dawn ifissru li, wara eżami xieraq, ma nstab xejn fil-pubblikazzjoni li jmur kontra d-duttrina jew il-morali Kattolika. Huma, għalhekk, garanzija ta’ ortodossija bażika aktar milli approvazzjoni sħiħa ta’ kull argument jew opinjoni.

Għadhom jintużaw illum?

Iva, għalkemm mhux f’kull pubblikazzjoni reliġjuża, l-Imprimatur għadu jintuża b’mod partikolari għal kotba tal-katekiżmu, kotba tat-talb, testi liturġiċi (meta applikabbli), u xogħlijiet oħra li jittrattaw direttament il-fidi u l-morali. F’każijiet oħra, speċjalment f’pubblikazzjonijiet akkademiċi jew ta’ riċerka teoloġika, mhux dejjem jintalab.

Għaliex naraw ukoll in-Nihil obstat u l-Imprimatur fuq Enċikliċi u Dokumenti tal-Papa?

F’dawn il-każi, in-Nihil obstat u l-Imprimatur ma tkunx qed tiġi mogħtija għat-test oriġinali tad-dokument miktub u ppublikat mill-Papa nnifsu, imma biss għat-traduzzjoni tat-test f’dik il-lingwa partikolari. Ikunu qed ifissru li f’dik il-verżjoni tal-Enċiklika ma’ hemm xejn oġġezzjonabbli f’dak li għandu x’jaqsam mal-fidi u l-morali nisranija.

Għalhekk, in-Nihil obstat u l-Imprimatur huma wirt antik tat-tradizzjoni editorjali tal-Knisja Kattolika. Minkejja li huma espressjonijiet qosra bil-Latin, jirrappreżentaw proċess serju ta’ eżami u dixxerniment. L-ewwel jiddikjara li ma nstab xejn kontra l-fidi jew il-morali; it-tieni jagħti l-awtorizzazzjoni uffiċjali għall-pubblikazzjoni.

Għalhekk, meta naraw dawn il-kliem fuq il-paġni tal-bidu jew tat-tmiem ta’ ktieb Kattoliku, nistgħu nifhmuhom bħala sinjal li l-opra, jew dik it-traduzzjoni/verżjoni tagħha għaddiet minn reviżjoni ekkleżjastika u nstabet konformi mat-tagħlim tal-Knisja.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading