Minn D. Edward Vella
Hija parti min-natura tal-bniedem li jippjana l-futur, u joħlom futur sabiħ. Żgur li fil-pjanijiet tagħna ma jidħolx is-salib u t-tbatija għad li nafu li dawn jagħmlu parti minn ħajjitna.
Il-profeta Ġeremija għex fi żmien diffiċli ħafna madwar 600 Q.K.: il-poplu tbiegħed minn Alla u ma riedx jisma’. Alla bagħat lil dan il-profeta biex ixandar il-Kelma tiegħu lil dan il-poplu ta’ ras iebsa, poplu li waqqgħu għaċ-ċajt, każbru u ppresegwitah kemm felaħ kif smajna fl-ewwel qari tal-lum: ‘Jien sirt id-daħka ta’ kuljum, kulħadd jiddieħak bija’. Meta l-Mulej sejjaħlu, il-profeta ma fehemx kemm tbatija kienet ser iġġib magħha l-missjoni tiegħu, ‘Qarraqtni Mulej, u jien tqarraqt: kont aqwa minni, u għelibtni.’ Għad li lmenta ħafna ma’ Alla, huwa qatt ma waqaf jippriedka u fuq kollox jitlob, ‘f’qalbi hemm bħal nar jaqbad, magħluq f’għadmi. Għejejt inżommu magħluq ġo fija, ma niflaħx aktar għalih’. Dan in-nar kien il-ħeġġa li kellu biex ixandar il-Kelma tal-Mulej.
Is-Salm tal-lum jurina li għall-bniedem ta’ Fidi l-ewwel u qabel kollox f’ħajtu tiġi r-relazzjoni tiegħu ma’ Alla: din tiġi saħansitra qabel l-interessi tiegħu u ħajtu stess. Għad li ħadd ma jħobb it-tbatija, iżda l-bniedem t’Alla, meta fi triqtu jiltaqgħa mas-salib, ma jitlaqx ’l Alla u anqas jabbanduna l-missjoni tiegħu. ‘Għax it-tjieba tiegħek aħjar mill-ħajja,… Għalhekk inbierkek tul ħajti kollha;…’ Għall-bniedem ta’ fidi li jwettaq ir-rieda tal-Mulej f’ħajtu hija aktar importanti milli ma jbatix u saħansitra aktar importanti minn ħajtu stess.
San Pawl fit-tieni qari tal-lum jispjegalna dan: ‘offru ġisimkom b’sagrifiċċju ħaj, qaddis, jogħġob lil Alla,… Timxux max-xejra ta’ din id-dinja,… biex iseħħilkom tagħrfu x’inhi r-rieda ta’ Alla…’ Fit-tpaxxija tal-ġisem, u l-aptiti tiegħu, ma jistax ikun hemm ir-rieda t’Alla għalina. Anke fejn jidħlu s-suċċessi ta’ din id-dinja, ma nistgħu nakkwistaw xejn mingħajr sagrifiċċju, iżjed u iżjed fejn jidħlu l-affarijiet ta’ Alla. Il-bniedem li jrid jeħles mit-tbatija akkost ta’ kollox la jista’ jħobb ’l Alla, la lil għajru u anqas lilu nnifsu.
Is-salib ma jagħmilx parti mill-pjanijiet tagħna u anqas ma kien fl-immaġinazzjoni ta’ Pietru u l-appostli l-oħra. Iżda Ġesù, fl-Evanġelju tal-lum, iċanfar lil Pietru, ‘Itlaq minn quddiemi, ja xitan! Int tfixkil għalija,’ u lilna, u jgħidlu li fil-pjan ta’ Alla għalih (għal Ġesù) hemm is-salib. Pietru bata biex fehem li l-fatt li Ġesù huwa ‘l-Messija l-Iben t’Alla l-ħaj’ ma kienetx xi dinjità iżda kienet il-missjoni t’Alla l-Missier għalih u dan kien ifisser li jeħtieġlu jagħti ħajtu fuq salib għall-bnedmin kollha. Ġesù jaċċetta s-salib għax ried, jew aħjar għax iħobbna; aħna mhux hekk, it-tbatija tagħmel parti mill-ħajja tagħna, rridu jew ma rridux: l-għażla tagħna ma tikkonsistix nagħżlux it-tbatija għall-ħajjitna jew le, l-għażla tagħna hija naffrontawx it-tbatija kif jgħallimna Ġesù, ‘Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja’, jew kif tgħallimna d-dinja; ta’ l-ewwel tagħti għall-ħajja u l-imħabba, tat-tieni għad-disperament x’ħin nindunaw li ma nistgħux naħarbu t-tbatija għal dejjem. ‘Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha, imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isibha.’ Nistaqsu lilna nfusna: liema hu s-salib tiegħi, liema hija dik il-parti minn ħajti li qed insibha diffiċli ħafna biex naċċettaha, u li forsi ilni ħafna naħrab minnha? Quddiem is-salib tiegħi jien x’qed nagħżel it-triq ta’ Ġesù jew tad-dinja?
Mulej Ġesù, inti taf kemm ibeżżana s-salib, u kemm ħafna drabi nfittxu li naħarbuh minflok nagħżlu t-triq tiegħek: għinna ħalli nifhmu li miegħek, u miegħek biss, niskopru l-qawwa t’Alla fis-salib tagħna, u li ma teżistix imħabba vera mingħajru. Ammen.