L-Impatt tal-Knisja fuq il-Letteratura (1)

Il-kontribut tal-Knisja Kattolika fl-istorja

Kitba ta’ Joe Galea

Xi darba, il-letteratura pagana kienet ħaġa glorjuża. Omero, Sofokle, Virġilju, Ċiċerun, kienu ismijiet li jibqgħu ħajjin, sakemm in-nies jibqgħu jaqraw il-kotba. Ma’ żmien Kostantinu, din il-letteratura ma baqgħetx li kienet. Madwar is-snin 300, il-letteratura kienet li jimitaw l-istil ta’ awturi ta’ qabilhom. Li tikteb fuq xi ħaġa li, ngħidu aħna, Ċiċerun ma kitibx dwarha, kien żvantaġġ. Iktar kien riċiklaġġ milli ikkupjar.

Biex nieħdu eżempju, forma letterarja kienet dik imsejħa ‘Cento’, magħmula minn linji ta’ poeżiji oħra. Wieħed jaqbad versi mill-‘Iliade’  u jqiegħdhom f’ordni ġdid wara xulxin. Dan kien jitlob ħila kbira u enċiklopedija ta’ memorja. Imma l-punt kollu hu li kienu jevitaw xi ħaġa ġdida.

Omero, Sofokle, Virġilju, Ċiċeru

Kienu ħafna l-Insara li kibru bl-istess kultura tal-ġirien pagani tagħhom u kitbu bl-istess stil artifiċjali. Imma l-aqwa fost il-kittieba Nsara kellhom xi ħaġa x’joffru. Jekk dan kien li jivvintaw forma ġdida għal kollox ta’ letteratura, dan kien li kellhom jagħmlu.

Santu Wistin jistqarr ħajtu

Il-lista’ ta’ awturi kbar mis-snin 300 sal-400 hi mimlija b’isimijiet ta’ nies Insara. Kien hemm San Ġwann Griżostmu, li l-prietki tiegħu kienu hekk memorabbli li kienu mfittxija f’Kostantinopli, hekk li lil Ġwanni laqqmuh ‘Fomm tad-Deheb’, kif ifisser l-isem Griżostmu.

Kien hemm San Ġlormu, mhux raffinat imma brillanti, li ttraduċa l-Bibbja mil-lingwi oriġinali għal-Latin u ħoloq il-verżjoni li għadna nużaw bħala ‘standard’ uffiċjali llum. Sab ħin ukoll biex jikteb ittri li għadhom jidhru bħala mudelli ta’ korrispondenza eleganti.

Imma mill-awturi kollha ta’ dak iż-żmien, l-aktar influwenti kien Santu Wistin. Il-kitbiet tiegħu ta’ teoloġija kienu hekk brillanti li San Ġlormu jżomm li “stabbilixxa l-fidi antika bħala ġdida”. Minbarra l-ittri u t-trattati fuq it-Teoloġija, għandu xogħol li kisiblu post bħala l-aktar ktieb stmat ta’ kull żmien, l-ewwel bijografija.

Hu miktub bħala stqarrija lil Alla. L-‘Istqarrijiet’ hu l-istorja tal-ħajja ta’ Santu Wistin mill-ġewwa tiegħu. Qatt qabel ma deher bħalu u probabbli lanqas jidher. Kien hemm bijografiji, fosthom dik ta’ Ġulju Ċesare, ktieb li kienu jitgħallmuh fl-iskola ta’ dak iż-żmien. Imma m’għandux il-valur tal-‘Istqarrijiet’, ukoll għax f’din il-bijografija Ġulju Ċesare m’għamel l-ebda żball f’ħajtu.

Dak li kien ġdid f’Santu Wistin kienet l-idea Nisranija tad-dnub. Wistin, Isqof ta’ Hippo, provinċja fl-Afrika, li hu ma kienx jippretendi li kien dejjem perfett għaliex l-Insara kienu jżommu li ħadd mhu ħieles middnub. Santu Wistin ħaseb b’attenzjoni kbira dwar ħajtu tal-imgħoddi. Jitlob lil Alla: “Ħenn għall-bniedem, għax int ma qegħidtx id-dnub ġo fih. X’kien id-dnub tiegħi?” U jsemmi fejn naqas. “Dak iż-żmien ma ħassejtx il-ħażin li qed nagħmel.” “Tarbija li tgħir qabel ma bdiet titkellem; tgħir għal tarbija oħra li qed terda.” Jgħid: “L-ommijiet u l-infermiera jafu dan.”

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading