Malta 50 sena oħra: l-Identità tagħna bħala Nazzjon. Diskors mill-Arċisqof Charles J. Scicluna

Il-Ġimgħa, 4 ta’ Settembru 2026: Diskors mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fil-konferenza ‘L-Istat tan-Nazzjon’. Palazz ta’ Sant’Anton, Ħ’Attard.

Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Immaġinaw għal ftit tifel u tifla jduru Malta 50 sena oħra.

X’se jaraw dawk it-tfal? X’lingwa se jitkellmu? U x’se jifhmu bil-kelma “Malti”? Se jħossu li jagħmlu parti minn poplu, minn storja, minn kultura, minn post… jew se jsibu ruħhom mitlufa f’deżert? U x’se jaħsbu fuqna?

Għax Malta li se jirtu dawk it-tfal qed tissawwar — jew titkisser — minna bħalissa. Id-deċiżjonijiet li nieħdu llum dwar il-familji tagħna, l-ekonomija tagħna, l-ambjent tagħna, l-istituzzjonijiet tagħna u l-valuri tagħna se jsawru n-nazzjon li se ngħaddulhom.

It-titlu ta’ din il-konferenza annwali ‘L-Istat tan-Nazzjon’ huwa partikolarment f’waqtu. Għax Malta mhijiex sempliċiment pajjiż bi fruntieri u gvern żviluppat bħala nazzjon ta’ nies li jħossu li jappartjenu flimkien — marbuta b’kultura, storja, lingwa, tradizzjonijiet u identità komuni.

L-identità tagħna bħala Maltin — bħala Ulied din l-Art Ħelwa — hija xi ħaġa fdata f’idejna. Irċivejnieha mingħand dawk li ġew qabilna, inżommuha għal xi żmien, u xi darba rridu ngħadduha lil dawk li jiġu warajna.

Għalhekk, il-ħarsien ta’ din l-identità huwa kwistjoni ta’ ġustizzja: ġustizzja ma’ missirijietna, iżda wkoll mal-ġenerazzjonijiet li għadhom ma twildux.

U dan kollu jiddependi minn kemm nagħtu valur lill-ġenerazzjonijiet li jmiss.

It-tfal m’għandhomx jitqiesu bħala piż, iżda bħala rigal u barka. Il-familji għandhom iħossu li meta jġibu t-tfal fid-dinja, is-soċjetà tapprezza dan u tagħtihom l-appoġġ tagħha.

Dan jitlob politika li ssaħħaħ lill-familji, fosthom diskussjoni serja dwar il-leave tal-ġenituri. Iċ-childcare huwa importanti, iżda għandna noħolqu wkoll kundizzjonijiet li jippermettu lil aktar ġenituri jibqgħu ma’ wliedhom matul dawk l-ewwel snin kruċjali.

U rridu nagħtu valur ukoll lill-ħidma tal-ġenituri. Ġenitur li jibqa’ d-dar biex jieħu ħsieb ibnu jew bintu mhux qed “jieqaf jaħdem”, iżda qed jinvesti fil-futur ta’ dak it-tifel — u fil-futur tas-soċjetà.

Irridu ngħożżu wkoll l-identità tagħna. Matul is-sekli, aħna l-Maltin assorbejna influwenzi minn ħafna popli differenti. Iżda minn dan kollu ħarġet xi ħaġa li tingħaraf bħala Maltija. Aħna Mediterranji, iżda fl-istess ħin distinti u uniċi.

Din l-identità għandha tagħtina l-kunfidenza li niltaqgħu ma’ kulturi oħra u nistagħnew bihom, mingħajr ma nitilfu min aħna. Dawk li jiġu fostna b’rieda tajba, li jissetiljaw u jaħdmu fostna u jrabbu l-familji tagħhom hawnhekk, għandhom jintlaqgħu b’dinjità. Iżda għandhom jiġu mħeġġa wkoll japprezzaw dak li jagħmel lil dawn il-gżejjer uniċi u jsiru parteċipanti fir-responsabbiltajiet, kif ukoll fl-opportunitajiet, tas-soċjetà Maltija.

U fl-aħħar mill-aħħar, biex inħarsu dak li jagħmilna Maltin, irridu niżguraw li jkun hemm ġenerazzjoni ġdida li tiret dan kollu. Dan ifisser li noħolqu l-kundizzjonijiet biex inreġġgħu lura r-rata tat-twelid tagħna, li niżlet għal livell allarmanti.

Iżda l-wirt mhuwiex biss dak li nħarsu mill-passat tagħna. Huwa wkoll il-kundizzjoni li fiha nħallu n-nazzjon tagħna għall-futur. Għalhekk nerġa’ lura għall-mistoqsija skomda: x’tip ta’ nazzjon se ngħaddu lil dawk li jiġu warajna?

Fl-2003, Warren Buffett kiteb lill-kapijiet tal-kumpaniji tiegħu. Qalilhom:

“Nistgħu nifilħu nitilfu l-flus, anke ħafna flus… iżda ma nistgħux nifilħu nitilfu r-reputazzjoni, lanqas biċċa żgħira minnha.”

Qalilhom biex iġibu ruħhom bħallikieku kull ħaġa li jagħmlu setgħet tidher fil-faċċata ta’ gazzetta nazzjonali, f’artiklu miktub minn ġurnalist li ma jkunx ħabib tagħhom, iżda li jkun intelliġenti.

U mbagħad waslet it-twissija:

“Domna 37 sena biex bnejna r-reputazzjoni tagħna, iżda nistgħu nitilfuha f’37 minuta.”

Jiena konxju ħafna li l-Knisja mhijiex immuni minn dan. U sfortunatament għandna d-drawwa li din il-lezzjoni nitgħallmuha ‘the hard way’.

Iżda nazzjon ukoll jista’ jitlef ir-reputazzjoni tiegħu. Ikun tassew għaqli li niffaċċjaw dak li qed jiġri lir-reputazzjoni tagħna.

Smajna diversi drabi b’rakkonti inkwetanti dwar negozjanti li għax għandhom il-flus għandhom il-poter; politiċi u uffiċjali pubbliċi li jiġu korrotti; uffiċjali tal-Pulizija li jgħinu lill-kriminali; u ġurnalisti li, minflok jikxfu l-ħażin, jieħdu sehem fih, filwaqt li b’mod qarrieqi jippreżentaw ruħhom bħala gwardjani bona fide tar-Raba’ Setgħa.

Din ir-realtà mgħawġa għandha tinkwieta lil kull wieħed u waħda minna. Għax hija ferm akbar minn każ wieħed jew istituzzjoni waħda. Tqajjem il-possibbiltà ta’ networks ta’ poter li fihom il-flus, l-aċċess, l-informazzjoni, il-pjaċiri u l-protezzjoni jiċċirkolaw bejn persuni li suppost joperaw indipendentement minn xulxin.

Irridu nistaqsu x’jgħidilna dan kollu dwar is-saħħa tan-nazzjon tagħna. Kulħadd f’Malta huwa għall-bejgħ? U jekk mhux kulħadd, kemm huma dawk li jistgħu jinxtraw? Kemm hawn nies lesti jibqgħu siekta, ipattu pjaċir bi pjaċir, jew sempliċiment jagħlqu għajnejhom?

Irid ikollna l-kuraġġ nistaqsu jekk fis-soċjetà tagħna humiex qed jiżviluppaw networks li joperaw kważi bħal fratellanzi magħluqa, fejn il-lealtà, il-protezzjoni reċiproka u l-aċċess privileġġat isiru aktar importanti mil-lealtà lejn l-istituzzjonijiet u l-ġid komuni.

Meta networks informali jsiru aktar b’saħħithom mill-istituzzjonijiet formali, il-periklu ma jibqax sempliċiment il-korruzzjoni. Il-periklu jsir il-ħtif tan-nazzjon innifsu – State Capture.

U forsi l-aktar mistoqsija fundamentali hija din:

Ċedejna għas-seduzzjoni tal-flus bħala l-kejl ewlieni tal-progress tagħna u tal-kwalità tal-ħajja tagħna?

Fl-Evanġelju skont San Mattew, l-għażla titqiegħed quddiemna b’mod ċar: “Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-mammon” (Mt 6:24).

Mammon ifisser flus, ġid materjali u possedimenti.

M’hemm xejn ħażin fil-prosperità fiha nnifisha. Tista’ tagħtina sigurtà, opportunitajiet, edukazzjoni u dinjità.

Iżda l-prosperità ġġib magħha wkoll responsabbiltà. Il-periklu jibda meta l-prosperità ma tibqax mezz u ssir l-għan tagħna.

Dan l-aħħar erġajt qrajt wieħed mill-kotba favoriti tiegħi, ‘Il-Prinċep iż-Żgħir’ (‘The Little Prince’) ta’ Antoine de Saint-Exupéry.

Il-Prinċep iż-Żgħir jivvjaġġa minn pjaneta għal oħra u jiltaqa’ ma’ adulti maqbudin fid-dinjiet żgħar tagħhom — fl-echo chambers tagħhom, kif forsi nsejħulhom illum.

Fuq pjaneta minnhom jiltaqa’ ma’ negozjant ossessjonat jgħodd il-kwiekeb, għax jemmen li jekk ikunu tiegħu, ikun sinjur.

Il-Prinċep iż-Żgħir ma jistax jifhem x’sens hemm li tippossjedi xi ħaġa sempliċiment biex tkun tiegħek.

It-tifel jispjega li dak li għandu, jieħu ħsiebu wkoll: isaqqi l-warda tiegħu u jieħu ħsieb il-vulkani tiegħu. “Il-fatt li hija tiegħi huwa ta’ siwi għall-warda tiegħi,” jgħid lin-negozjant. Iżda n-negozjant mhu ta’ ebda siwi għall-kwiekeb.

Huwa skambju sempliċi b’messaġġ qawwi: dak li jgħodd mhuwiex dak li għandna, iżda dak li nieħdu ħsiebu, inkabbruh u nagħmluh ta’ siwi. U dan jgħodd għal Malta wkoll.

Mal-ġid dejjem jikber tagħna, u mal-possibbiltajiet kollha li jġib miegħu, tiġi r-responsabbiltà li nieħdu ħsieb, nipproteġu u nippjanaw għall-futur. U li ngħożżu l-ħajja umana mit-tnissil sal-mewt naturali tagħha.

Il-mudell ekonomiku tagħna għandu jaqdi lis-soċjetà, il-politika soċjali tagħna għandha tappoġġja lil dawk li għandhom bżonnha, u jrid ikollna l-kuraġġ naħsbu lil hinn mis-sena d-dieħla, mill-elezzjoni li jmiss jew mill-istatistika ekonomika li jmiss.

Mela ejjew nerġgħu lura għal dawk it-tfal li, 50 sena oħra, se jkunu qed iħarsu lejn Malta.

X’se nkunu ħallejnielhom? Pajjiż aktar sinjur, forsi. Imma se jkun nazzjon aħjar?

Se nkunu ħarisna l-art u l-baħar tagħna, l-irħula tagħna, il-lingwa, il-wirt u s-sbuħija ta’ dawn il-gżejjer? L-istituzzjonijiet tagħna — il-Pulizija, il-Qrati, is-servizz pubbliku, il-politiċi u l-ġurnalisti, il-Knisja — se jkunu jistħoqqilhom il-fiduċja tagħhom?

Se jgħidu li sirna aktar sinjuri fil-flus, iżda aktar fqar f’dak kollu li verament kien jgħodd?

Jew se jgħidu li, meta verament kien importanti, għamilna dak li kien sewwa?

Bħall-warda tal-Prinċep iż-Żgħir, il-valur ta’ Malta ma jinsabx sempliċiment fil-fatt li hija tagħna, iżda fil-mod kif nieħdu ħsiebha.

Malta hija darna. Xi darba, se tkun darhom.

Ejjew niżguraw li l-ġenerazzjoni tagħna ma tkunx il-ġenerazzjoni li tiddiżappuntahom, iżda dik li tkun ħasbet biex tagħtihom tama.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta

Sors: www.knisja.mt
Ritratt: www.knisja.mt/ritratti

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading