Ġwanni Pawlu II fi Trinidad-Tobago, Quddiesa f’Port of Spain

VJAĠĠ APOSTOLIKU FIL-VENEZUELA,
ECUADOR, PERÙ, TRINIDAD-TOBAGO

QUDDIESA F’PORT OF SPAIN

OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II

Trinidad-Tobago – It-Tlieta, 5 ta’ Frar 1985

1. Glorja lilek, o Trinità!

Ħallu li qabel kollox jiena nirrendi unur, ħuti għeżież, lit-Trinità. Li isimha jġib Pajjiżkom: “Trinidad u Tobago. Jisimkom b’isem Alla, wieħed u tlieta, isem Alla li hu mħabba. U f’dan l-isem imqaddes tinsab il-glorja tagħkom.

F’isem is-santissma Trinità – Missier, Iben u Spirtu Santu – insellmilkom ilkoll. Insellmilkom bħala l-Isqof ta’ Ruma, suċċessur ta; San Pietru, li bil-pellegrinaġġi tiegħu jżur il-komunitajiet tal-Knisja fil-partijiet differenti tad-dinja. Aċċettaw din iż-żjara u l-ministeru apostoliku espress minnha bħala sinjal ta’ mħabbti pastorali fi Kristu.

Dan huwa pjaċir kbir għalija li nistà niċċelebra l-Ewkaristija flimkien ma ġabra hekk kbira ta’ fidili tal-Knisja kattolika f’dan in-nazzjon. Irrid fl-istess ħin nestendi tislima speċjali lir-rappreżentanti ta’ komunitajiet oħra nsara u lill-fidili ta’ reliġjonijiet oħra miġbura llum flimkien magħna. Lilkom ilkoll nesprimi ir-rispett u l-istima fraterna tiegħi.

Waqt li niżżi ħajr lil Alla għal dan il-waqt imbierek, irrid ngħidilkom ilkoll kemm jiddispjaċini li ma nistax nieqaf magħkom iktar fit-tul. B’mod partikolari, il-limitazzjoni taż-żmien timpedini milli nżur il-gżira ta’ Tobago. Madankollu jiena tassew kuntent bil-preżenza ta’ tant persuni li ġew minn Tobago biex jieħdu sehem f’din iċ-ċelebrazzjoni ewkaristika, u ninkarigakom biex twasslu lil qrabatkom u l-ħbiebkom it-tislim u l-awguri tal-Papa, bl-assikurazzjoni tat-talb tiegħu.

2. Fil-Vanġelu li smajna, Ġesù jgħid lid-dixxipli tiegħu: “Ejjew inmorru band’oħra, fl-irħula tal-qrib, ħalli nippriedka hemmhekk ukoll għax għalhekk ħriġt!” (Mk 1, 38).

Tul is-snin tal-ministeru pubbliku tiegħu, Ġesù ta’ Nażżaret qasam ħinu bejn it-talb u x-xandir tal-Vanġelu. Folol kbar spiss dawruh, bosta drabi l-morda u l-ippersegwitati mill-ispirti ħżiena. Huwa dan li seħħ dik id-darba li Ġesù, wara li kien fejjaq lill-kunjata ta’ Xmun Pietru, waqaf għal xi żmien f’darha. “Il-belt kollha inġabret quddiem il-bieb” jgħidilna Marku “u hu fejjaq ħafna li kienu milquta minn  kull xorta ta’ mard” (Mk 1, 33). Imma wara waqfa qasira huwa telaq, biex ikun jistà jmur f’postijiet oħra tal-Galilea bil-kelma tal-Vanġelu u l-ministeru tas-salvazzjoni. Il-kliem ppronunzjat dak iż-żmien minn Xmun Pietru kien tassew profetiku: “Kulħadd jistaqsi għalik” (Mk 1, 37).

3. Il-ministeru tal-bxara t-tajba kien imbagħad mgħoddi lill-Appostli, li min-naħa tagħhom ħassu l-istess bżonn li jsiru “kollha għall-bnedmin kollha”.

Fl-ewwel Ittra lill-Korintin San Pawl spiega kif kellu jippriedka l-Vanġelu. Jikteb b’konvinzjoni profonda: “Ħażin għalija jekk ma nxandarx l-Evanġelju” (1 Kor 9, 16). Jenfasizza l-fatt li “Jippriedka b’xejn il-Vanġelu”. U jżid: “Sirt kollox ma’ kulħadd, biex insalva lil kulħadd  . . . Sirt dgħajjef mad dgħajfin . . . Nagħmel dan kollu minħabba l-Evanġelju, biex ikolli sehem minnu” (1 Kor 9, 19.22-23).

4. Il-Kelma ta’ Alla fil-liturġija tallum tfakkarna fil-bidu stess tal-evanġelizzazzjoni, sabiex ikun ċar għalikom, ħuti għeżież, li intom imsejħa biex tkunu parteċipi tal-Vanġelu u tal-barkiet tiegħu. Dan jikkonfermah l-isem stess ta’ Pajjiżkom: Trinidad u Tobago, il-Pajjiż tat-Trinità Qaddisa!

L-ewwel tentattivi tax-xandir tal-Vanġelu sabu ma’ wiċċhom diffikultajiet u insuċċessi gravi. L-ewwel missjunarji li waslu fil-Pajjiż kienu żewġ patrijiet Dumnikani. Fl-1513 ġew maqtula traġikament għaliex kienu meqjusa  bħala traffikanti tal-iskjavi li kienu jaqbdu l-indiġeni biex ibigħuhom bħala skjavi f’pajjiżi oħra.

Għaddew iktar minn ħamsin sena qabel mal-Vanġelu reġa ġie ppridkat. Fost il-missjunarji l-ġodda kien hemm San Luigi Bertrand. Imma wara perijodu relattivament qasir kien interrott mill-ġdid. Iktar tard il-Franġiskani, il-Ġiżwiti u l-Kapuċċini, minbarra d-Dumnikani, minkejja d-diffikultajiet gravi fittxew li jiżirgħu ż-żerriegħa tal-Vanġelu fil-qalb tal-antenati tagħkom  .

Fl-ewwel nofs tas-seklu XIX, grazzi għall-isforzi validi tal-mssjunarji, saret possibli bil-grazzja ta’ Alla in-nomina tal-ewwel vigarju apostoliku. Finalment fl-1850 kienet ikkostitwita l-arċidijoċesi ta’ Port of Spain u l-vigarju Patrick Smith kien innominat l-ewwel arċisqof. L-opra tal-evanġelizzazzjoni ipproċediet minn dak iż-żmien b’iktar ħeffa. Kontribut important kien mogħti, barra li mir-reliġjużi diġa msemmija, mill-Agostinjani tal-kongregazzjoni tal-Ispirtu Santu, mill-irħieb Benedittini, mill-fratelli tal-Preżentazzjoni, mill-fratelli De La Salle, mis-sorijiet ta’ San Ġużepp di Cluny, mis-sorijiet Karmelitani tal-Corpus Cristu, mis-sorijiet tas-Santa Fede, mis-sorijiet u l-irħieb kontemplattivi Dumnikani, mis-sorijiet tal-karità u u mis-sorijiet tal-Madre dolorosa.

Hemm bżonn ukoll insemmu l-isforzi u ż-żelu tal-missjunarji anglikani u nsara oħra mhux cattoliċi.

5. Il-frott abbundanti ta’ din l-evanġelizzazzjoni huwa llum evidenti b’mod ċar, L-arċidijoċesi ta’ Port of Spain, bit-380.000 fidil, hija l-ikbar tad-dijoċesijiet tal-komferenza episkopali tal-Antille. Għandkom ċentri pastorali u kateketiċi, ċentru radju-televiżiv attrezzat tajjeb, rivista settimanali kattolika u pubblikazzjonijiet oħra mportanti. Barra minn dan hawn organizzazzjonijiet lajċi fjorenti numerużi, u jeżistu diversi proġetti ta’ żvilupp komunitarju għall-assistenza għaż-żgħożija u għall-foqra. Tistgħu tkunu mkabbra bl-organizzazzjoni eċċellenti tagħkom ta’ skejjel kattoliċi u bil-programmi kateketiċi aġġornati, grazzi għall-kontribut prezzjuż tal-għalliema lajċi tagħkom u għax-xhieda żelanti evanġelika tar-reliġjużi kollha li jservukom  b’ġenerożità kbira. Imma, fuq kollox, intom komunità magħquda fl-imħabba ta’ Kristu u fl-għaqda tal-Knisja tiegħu. Kont partikolarment kuntent insir naf b’liema mpenn il-lajċi assumew irwol attiv krexxenti fil-missjoni tal-Knisja f’dan il-Pajjiż.

Mottiv ieħor ta’ pjaċir profond huwa n-numru krexxenti ta’ vokazzjonijiet għas-saċerdozju u għall-ħajja reliġjuża. Is-seminarju reġjonali ta’ Trinidad u Tobago jipprovdi għall-formazzjoni tas-saċerdoti dijoċeżani mhux biss għal Pajjiżkom imma wkoll għal dijoċesijiet oħra tal-Karibew.

6. Waqt li l-frott tal-evanġelizzazzjoni, hekk ovvju u abbundanti fin-nazzjon tagħkom,huwa magħruf minn kulħadd bi gratitudni, għad fadal xi problemi sinifikattivi li għandkom tiffaċċjaw waqt li riesaq lejn tmiemu s-seklu għoxrin, Jeżistu tant ostakli li jheddu l-ħajja familjari fil-Pajjiżi kollha tad-dinja, u sfortunatament Pajjiżkom mhuwiex eċċezzjoni. Il-familji huma milquta minn ħażen bħall-infedeltà  konjugali u d-divorzju, waqt li l-ħajja stess qabel it-twelid tiġi mitfija mill-misħut delitt tal-abort. La tinsew qatt li r-rispett lejn is-sagrilità tal-ħajja huwa garanzija ta’ stabilità għall-komunità tal-bnedmin. Ebda soċjetà ma tistà tibqà teżisti, ebda nazzjon ma jistà jibqà, jekk il-ħajja umana kollha ma tiġix onorata u protetta.

Linqas l-attrattiva ingannevoli tal- materjaliżmu u tal-konsumiżmu ma ħallitkom  immuni, bil-wegħdiet tagħha ta’ feliċità li minflok iwasslu għad-delużjoni u għat-telfien tad-dinjità. Iż-żgħażagħ b’mod speċjali huma vulnerabli għas-solleċitazzjoni perikoluża tad-droga, tal-alkoħol u tas-sess ta’ qabel iż-żwieġ. Imma jiena nħeġġiġkom, għeżież żgħażagħ ta’ Trinidad u Tobago, biex timbuttaw l-ingann tal-ħażin, u biex minflok tfittxu li tibnu l-futur tagħkom mhux fuq sisien hekk bla saħħa imma fuq il-blat tal-valuri morali u reliġjużi awtentiċi, fuq l-imħabba ġeneruża, fuq il-verità sħiħa tal-Vanġelu ta’ Ġesù Kristu, l-Iben ta’ Alla u Salvatur tad-dinja. Huwa hu li permezz tal-Vanġelu tiegħu jgħallimna ngħixu skont ir-rieda ta’ Missierna li huwa fis-smewwiet.

Waqt li l-Knisja ssib ruħha trid tiffaċċja dawn il-problemi u oħrajn, jiena  nqawwi qalbi għaliex naf li intom imġedda fl-isforzi tagħkom minn spirtu san ta’ ekumeniżmu fost l-insara, u minn sens awtentiku ta’ koperazzjoni fraterna ma’ dawk li jappartienu għal reliġjonijiet oħra. Inħeġġiġkom biex tieħdu qawwa wkoll fil-velje tat-talb ta’ billejl u fis-Sena speċjali ta’ talb, sawm u  ndiema li bdejtu ftit ilu.

7. “Sebbaħ, Ġerusalem, il-Mulej / faħħar ‘l Alla tiegħek, Sijon!” (Sal 147, 12).

Dan il-kliem tas-salm li kantajna fil-liturġija tallum jirrifletti l-ferħ ta’ Ġerusalem: il-belt partikolarment maħbuba u miżura minn Alla. Il-Knisja tieħu dan l-istess kant ta’ tifħir, u bħal Ġerusalem issebbaħ lil Alla għall-opri kollha tiegħu fil-ħolqien, għall-ordni kollha tal-univers. Imma l-Knisja, fuq l-eżempju ta’ Ġerusalem, issebbaħ qabel kollox lil Alla għall-kelma tar-rivelazzjni tiegħu:

“Hu jxandar kelmtu lil Ġakobb, / il-liġijiet u d-digrieti tiegħu lil Iżrael. / Ma għamel hekk ma ebda poplu, / lil ħadd ma għarraf id-digrieti tiegħu” (Sal 147, 19-20).

F’din iż-żjara pastorali tiegħi tallum, irrid li dan l-iżżi ħajr ta’ Ġerusalem ikun ripetut hawn flimkien magħkom. Ejjew flimkien nirrendu grazzi lil Alla, lit-Trinità Qaddisa, għad-don tar-rivelazzjoni u għall-grazzja tal-fidi, li tgħammar għal ħafna ġenerazzjonijiet f’ruħna  .

Ejjew nirrendu grazzi lil Ġesù Kristu, għaliex l-Appostli waslu hawn fil-persuna tas-suċċessuri tagħhom. Ejjew nirrendu grazzi lil Marija Ommu, għaliex saret Omm il-poplu ta’ Trinidad u Tobago. Ejjew infaħħru lil Alla għal San Luiġi Bertrand u għall-missjunarji żelanti kollha li xandru l-bxara t-tajba tas-salvazzjoni f’dan il-Pajjiż. Tkun imfaħħra t-Trinità Qaddisa talli tat d-don prezzjuż tal-fidi lil kull wieħed u waħda minnkom u lill-antenati tagħkom. B’qalb waħda u b’leħen wieħed napplawdu: “Sebbaħ, Ġerusalem, il-Mulej! “ (Sal 147, 12).

8. Hija x-xewqa ferventi tiegħi li l-legat tal-Vanġelu jibqà dejjem fostkom: bil-qawwa tiegħu li jgħolli lill-maħqurin u l-għajjenin, li jġib fejqan u tama, li jagħti sens lill-ħajja, bil-qawwa tiegħu li tipproduċi konverżjoni u rikonċiljazzjoni, U nitlob li dan il-Vanġelu ta’ salvazzjoni jixtered permezz tal-katekeżi u jitħaddan dejjem iżjed pjenament fil-ħajja nisranija. Hija din ix-xewqa tiegħi l-iktar ferventi għall-komunità kollha tagħkom.

Jiena grat profondament għall-ospitalità tagħkom u għall-merħba kordjali tagħkom. Jalla din il-laqgħa ssaħħaħ l-għaqda tagħkom mal-Knisja ta’ Ruma, li tibqà ċ-ċentru tal-għaqda universali (cf. Sant’Ireneo, Adversus haereses, 3, 3, 2).

Mill-ġdid għal darb’oħra, bil-kliem ta’ San Pawl, irrid nassikurakom li jiena ġejt “għall-Vanġelu” (1 Kor 9, 23), sabiex tistgħu tkunu parteċipi tal-barkiet tiegħu!

L-imħabba ta’ Alla l-Missier, il-grazzja ta’ Sidna Ġesù Kristu u l-komunjoni tal-Ispirtu Santu jkunu magħkom ilkoll! Amen.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?