Jekk ikollok kikkra kafè f’idek u jgħaddi xi ħadd jgħaġġel minn warajk, jaħbat miegħek u jtajjarlek il-kafè; ta’ min ikun it-tort li xtered il-kafè? Ovvjament tgħidli, ta’ min ħabat miegħi. Iżda dan mhux eżatt: kieku fil-kikkra kellek te flok kafè, mhux kafè kien jixtered, iżda te. Interessanti t-tagħlima: jekk xi ħadd ‘jaħbat’ miegħi jew b’xi mod iweġġagħni x’joħroġ minni: rabja, għajjat, tgħajjir, forsi wkoll dgħa, jew paċenzja, komprensjoni u maħfra? Jekk xi ħadd jagħmilli xi ħaġa li ma nieħux gost biha, minni ser joħroġ dak li jkun hemm ġo qalbi.
X’għerf fih il-ktieb ta’ Bin Sirak li smajna silta minnu fl-ewwel qari tal-lum: ‘Għadab u qilla, dawn ukoll ta’ min jistmerrhom, u l-bniedem midneb mimli bihom…’ Il-Mulej illum qed ikellemna fuq xi ħaġa tassew diffiċli, jiġifieri li naħfru lil xulxin. L-ewwel ħaġa li jeħtieġ nitkellmu dwarha hi l-importanza li wieħed jitlob maħfra meta jonqos jew iweġġgħa lil xi ħadd ieħor. Interessanti li s-sinjur fil-parobbola li smajna llum, ma jaħfirx lill-qaddej li kellu jagħtih 10,000 talent qabel dan jitolbu maħfra bil-ħniena. Forsi wieħed mill-iżbalji li għamilna aħna, anke bħala Knisja, huwa li ma nsistejniex biżżejjed fuq in-neċessità li wieħed jitlob maħfra lil min weġġgħa qabel, jew tal-anqas wara li jqerr biex jinħafirlu dnubu.
Fi żmien Ġesù talent wieħed kien ekwivalenti għal 6000 dinar, u dinar kien il-paga ta’ ġurnata xogħol: allura talent wieħed kien paga ta’ ħaddiem għal 20 sena xogħol. Dan ifisser li d-dejn li kellu l-ewwel qaddej lejn is-sid qatt ma setgħa jroddu lura għax kienet somma enormi. Minn naħa l-oħra it-tieni qaddej li kellu jagħti 100 dinar, jiġifieri paga ta’ 100 jum xogħol, huwa ammont li wieħed jista’ jħallsu lura. Id-dejn li għandna aħna ma’ Alla, dejn li hu għax iħobbna ħafirulna, huwa bil-wisq aktar minn dak li xi ħadd ieħor jista’ jkollu magħna. Jekk aħna ma aħniex lesti li naħfru lil min għandu jagħtina 100 dinar kif nistgħu nippretendu li jaħfrilna Alla li d-dejn tagħna miegħu hu ta’ 10,000 talent?
Minkejja dan kollu li qed ngħidu jibqa l-fatt li l-maħfra tibqa’ ħaġa tassew iebsa; il-Kelma t’Alla għalina llum tagħtina xi pariri siewja ħafna. L-ewwel parir: aħna ma naħfrux għax min naqasna ħaqqu jew ma ħaqqux, aħna naħfru għax nixtiequ li Alla jaħfer lilna; ‘Ma mexiex magħna skond ma ħaqqhom ħtijietna; ma ħallasniex skond ma ħaqqha ħżunitna.’ Dan smajna fis-salm tal-lum. It-tieni parir: meta naħfru, il-pjaċir ma nkunux għamilnieh biss lil min naqasna, iżda l-ewwel u qabel kollox inkunu għamilnieh lilna nfusna. Jekk jien f’qalbi nżomm il-weġgħa, jekk inżomm l-imrar u s-saħna kif tista’ qalbi tbierek il-Mulej kif jgħidilna s-salm? ‘Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej, u la tinsiex il-ġid kollu li għamel miegħek.’ Inkun nista’ mbierek il-Mulej biss jekk f’qalbi għandi spirtu ta’ maħfra, komprensjoni u umiltà.
San Pawl fit-tieni qari qalilna, ‘Jekk ngħixu, ngħixu għall-Mulej; jekk immutu, immutu għall-Mulej.’ Min jgħix għall-Mulej ma jħalli xejn itellfu fir-relazzjoni tiegħu miegħU u ma’ ħutu l-bnedmin. Fuq kollox il-maħfra hija grazzja t’Alla: meta nsibuha diffiċli naħfru importanti li nitolbu lil Alla kemm għal min weġġagħna u kemm għalina nfusna biex nilqgħu l-grazzja tal-maħfra li Alla żgur li jrid jagħtihielna. Nistaqsu lilna nfusna: Jien f’qalbi x’hemm, rabja, imrar, spirtu ta’ vendetta, jew paċi, komprensjoni u maħfra?
Mulej Ġesù, inti taf min xiex aħna magħġuna, taf kemm aħna ta’ sikwit nirfsu l-kallijiet ta’ xulxin, u nsibuha diffiċli li naħfru u ma neħlux mal-weġgħa li tkun saritilna. Għinna Mulej ħalli waqt li nżommu għajnejna fuq is-salib tiegħek, niftakru li int, minn dak is-salib, mhux biss ħfirt lil min għamillek tant ħsara iżda wkoll skużajtu: ‘Missier aħfrilhom, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu’. Ammen.