REGINA MARTYRUM
(DULURI FUQ IL-KALVARJU)
Id-dalma xxoqq il-blata tal-Qorriegħa,
U d-dmugħ mad-demm iserrep għal ġox-xquq.
Ix-xita tkarwat bikja ta’ mogħdrija
Biex trattab qalb l-ilpup illi sallbuh.
U int, O Mara ġwejda, b’sejf minfuda
Tħares lejn Ibnek safi fuq salib,
Tilmaħ lil dak li b’kelmtu sawwar kollox
Imut itturufnat, għajr għal ħabib.
Biss lilek kellu, ma’ xi nisa twajba
Li ma beżgħux mill-għajb u lsien in-nies,
U lilek ra bil-ħarsa kiebja tiegħek
Titfagħlu l-bews tal-Omm li tħobb bla qies.
Kun int, O Omm, li tfarraġ il-qlub tagħna;
Kun int, Bambina, is-sultana tagħna.
29 ta’ Awwissu, 2018
L-Għanja ta’ Ħabib, Charles J. Scicluna
“F’din id-damma ta’ poeżiji nixtieq naqsam mal-qarrej il-lehma ta’ żgħożiti, il-ħolm, ix-xewqat, it-turufnament u l-faraġ tal-adolexxenza. Dan huwa mument awtobijografiku. Fil-poeżiji li ktibt fiż-żgħożija tiegħi hemm ukoll rifless iż-żmien li għext fih u l-aspirazzjonijiet tal-ġenerazzjoni tiegħi. Hemm ukoll l-imħabba li ssawret f’qalbi għall-kampanja Maltija, għall-patrimonju kulturali tagħna l-Maltin, għall-fidi safja ta’ missirijietna.”
+ Charles J. Scicluna,
Arċisqof ta’ Malta
