Il-Ġimgħa, 2 ta’ Ottubru 2026: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fit-Tifkira tal-Anġli Kustodji Mqaddsa. Kappella tal-Kurja, Floriana.
Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi
“Se nibgħat anġlu quddiemek biex iħarsek fit-triq” (Eżodu 23:20). Dan hu li smajna llum fl-Ewwel Qari, mill-Ktieb tal-Eżodu, u jispjega b’mod tajjeb ħafna x’jiġifieri meta nagħmlu l-festa tal-Anġli Kustodji. “Kustodju” jfisser li jħarisna, u l-festa llum hi ta’ dawn l-anġli li l-Mulej jibgħat lilna f’ħajjitna biex iħarsuna. Ġesù jsemmi fl-Evanġelju anke l-anġli tat-tfal iż-żgħar (ara Mt 18:10). U għalhekk tajjeb li llum naraw: x’funzjoni għandhom dawn l-anġli? X’ifissru fil-ħajja tagħna? Ħa nsemmi xi punti li joħorġu mill-Kelma ta’ Alla.
L-ewwel nett, qegħdin hemm biex jipproteġuna. L-anġlu kustodju tagħna hu espressjoni ta’ dan il-ħarsien u l-protezzjoni ta’ Alla – jiġifieri, Alla ma jitlaqniex waħedna, Alla ma jabbanduniex, Alla jrid li jkun qrib tagħna. U hi proprju din il-viċinanza ta’ Alla fil-ħajja tagħna. Aħna min aħna – mhux għax inti xi persuna speċjali, il-Mulej jagħtik l-anġlu kustodju, u lil ħaddieħor le. Tant hu hekk li Ġesù jsemmi anke lit-tfal iż-żgħar, biex juri li l-anġlu kustodju qiegħed hemm biex iħares u jipproteġi lill-persuna, hi min hi.
Imbagħad, l-anġlu kustodju jgħinna wkoll fil-ħajja tagħna biex nagħrfu nagħżlu dak li hu tajjeb, u nwarrbu dak li hu ħażin. Għalhekk meta aħna ngħidu “jipproteġi”, mhux biss jipproteġi mill-ħsara u mid-deni ta’ xi ħadd, imma kultant jipproteġina minna nfusna. Li aħna ma nitqarrqux, ma niżbaljawx, imma li nagħrfu nimxu fit-triq it-tajba. Kemm għandna bżonn din l-għajnuna fil-ħajja tagħna ta’ kuljum! U l-anġlu qiegħed hemm biex jgħinna f’dan.
Jgħinna, speċjalment, biex nagħrfu ngħixu bħalma jridna ngħixu Ġesù – u għalhekk anke bl-istess valuri tiegħu. Illum, mad-dinja kollha qed niċċelebraw dan il-Jum Internazzjonali tan-Non-vjolenza, jiġifieri kif aħna għandna ngħixu b’qalb mimlija bil-paċi u nkunu strumenti ta’ paċi mal-oħrajn. Nafu kemm hi meħtieġa din mad-dinja kollha, għax kuljum nisimgħu b’xi ġlieda ’l hawn u ’l hemm, b’konflitti, li jħallu ħafna vittmi f’diversi postijiet. U jsiru qisu parti mill-ħajja ta’ kuljum. Imma importanti li nagħrfu li t-triq li l-Mulej iridna nimxu fiha hija t-triq tal-paċi – kif, fuq kollox, ħabbru l-anġli meta twieled Ġesù: “paċi fl-art lill-bnedmin ta’ rieda tajba” (Lq 2:14). U rrid ngħid kelma jien fuq il-paċi fi kliemna – li kliemna ma jkunx vjolenti, mimli mibegħda. Hi ħaġa li tolqtok illum kemm f’dak li tisma’, kemm f’dak li taqra: kliem vjolenti, mimli mibegħda, li jħalli ħafna ħsara. Imma li juri wkoll x’hemm ġewwa, għax il-kliem li aħna ngħidu juri x’hemm f’qalbna. Jekk aħna ngħidu kliem ta’ ħdura, ħiereġ minn qalb mimlija ħdura. Jekk aħna ngħidu kliem ta’ mibegħda, ħiereġ minn qalb mimlija mibegħda. U għalhekk l-anġlu kustodju tagħna jgħinna biex nagħrfu nimxu fit-triq it-tajba, speċjalment ukoll b’attenzjoni fi kliemna.
L-anġlu jgħinna wkoll nagħrfu l-valur tal-ħajja ordinarja. L-anġlu kustodju mhux qiegħed hemm biex sempliċiment jgħinna f’xi mumenti kbar li jiġru tal-ħajja tagħna, imma fil-mumenti ordinarji tal-ħajja tagħna. Biex nagħrfu l-valur ta’ dak li hu ordinarju, sempliċi, tal-ħajja ta’ kuljum. U ta’ kemm nistgħu nagħmlu ġid – kultant b’kelma li tgħid, xi ħadd li toqgħod tisimgħu jew tismagħha, b’għajnuna li tista’ tagħti. Dawn l-affarijiet iż-żgħar ta’ kuljum proprju juru kemm qed ngħixu tassew kif iridna l-Mulej.
Xi ħaġa oħra li jurina l-anġlu kustodju tagħna hu kif aħna mbagħad inkunu għall-oħrajn bħal anġlu kustodju. Dan il-ħarsien, l-għajnuna li jagħtina tgħinna biex nagħrfu kif aħna nistgħu nkunu, għal persuni oħra, bħal anġlu kustodju, jiġifieri magħhom biex inkunu ta’ appoġġ, ta’ sapport għalihom. Bil-libertà kollha, bħalma jħalli l-anġlu lilna, imma fl-istess waqt dejjem hemm, dejjem lesti li ngħinu.
Nitolbu lill-Mulej illum, aħna u nagħmlu din il-festa sabiħa tal-Anġli Kustodji Mqaddsa, biex aħna nagħrfu kif l-anġlu li tana l-Mulej iħarisna, u kif hu espressjoni ta’ din l-imħabba ta’ Alla, tal-viċinanza ta’ Alla magħna, u ta’ kemm Alla jixtieq jiggwidana dejjem fit-triq it-tajba.
✠ Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju