Omelija tal-Qdusija tiegħu l-Papa Ljun XIV, fl-10 anniversarju minn Amoris Lætitia

QUDDIESA FL-X ANNIVERSARJU MILL-EŻORTAZZJONI APPOSTOLIKA

AMORIS LÆTITIA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV

(moqrija mill-Kardinal Luis Antonio Tagle, Dekan tal-Kulleġġ Kardinalizju)

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 14 ta’ Ottubru 2026

“Il-ferħ tal-imħabba fil-familji hu wkoll il-ferħ tal-Knisja” (Franġisku, Eżortazzjoni appostolika Amoris lætitia, 19 ta’ Marzu 2016, 1). Hekk il-Papa Franġisku, għaxar snin ilu, fetaħ l-Eżortazzjoni appostolika Amoris lætitia (AL).

Illum qed niċċelebraw l-Ewkaristija u nippreżentaw lill-Mulej il-frott tal-ħidma mwettqa fuq id-Dokument f’dan il-perjodu, waqt li nfittxu kif nassimilaw l-għana tiegħu u nwettqu l-indikazzjonijiet pastorali li joffri.

F’dan ir-rigward, il-Liturġija tal-lum toffrilna xi spunti għar-riflessjoni. Smajna, fl-Ewwel Qari, l-“innu lill-imħabba” ta’ San Pawl (ara 1 Kor 12:31–13:13), li l-Eżortazzjoni, fir-raba’ kapitlu, tqiegħed bħala l-bażi ta’ meditazzjoni fuq il-virtujiet taż-Żwieġ Nisrani, rabta “affettiva, spiritwali u sagrifikali” (AL, 120) u ikona tal-imħabba ta’ Alla (ara AL, 121). Fil-fatt hu permezz ta’ dawn il-valuri li l-għarajjes, fuq ix-xbieha tat-Trinità u bl-għajnuna tal-grazzja, ifittxu flimkien, jum wara l-ieħor, li jimmaturaw kull wieħed u waħda fil-partikularità tagħhom u, fl-istess waqt, jaslu għal dak ix-xebh reċiproku li jikber permezz tal-“proġett stabbli li huma jaqsmu u jibnu flimkien għal ħajjithom kollha” (AL, 123). Hekk, il-veru ferħ tal-imħabba jikkonsisti f’li ftit ftit jintgħaġnu flimkien, fejn l-uniċità ta’ wieħed twarrad, fl-għotja, permezz tal-preżenza tal-ieħor.

Mill-bqija, l-Appostlu kien qed ilissen kliemu lil komunità għanja fid-doni u l-kariżmi (ara 1 Kor 12:4-11), imma li teħtieġ timmatura fl-imħabba. Fakkar lill-Korintin li mingħajrha, imqar bit-talenti kollha li rċieva, il-bniedem ikun qisu “strument tar-ram iżarżar jew platti jċekċku” (1 Kor 13:1): vuċi mingħajr imħabba, widna li mhix kapaċi twassal messaġġi lill-qalb, individwalità mbiegħda, kiesħa, impenetrabbli.

Aħna ma aħniex maħluqin għal dan. Dan fakkarhulna wkoll is-Salm responsorjali, meta sejħilna “poplu” u “merħla” ta’ Alla li “mħabbtu hi għal dejjem” u l-fedeltà tiegħu tinfirex “minn nisel għal nisel” (Salm 99:5), ta’ Sid li jħobb mingħajr qatt ma jħares lura, bla qatt jieqaf ifittixna, jagħtina l-fiduċja tiegħu u jġeddilna l-ħbiberija tiegħu.

Din hija l-imħabba li l-Amoris lætitia tistedinna nqiegħdu bħala bażi għall-familji tagħna. Hija l-imħabba vera li għaliha ssejħilna, b’mod partikulari, biex nedukaw liż-żgħażagħ li qed jitħejjew għaż-Żwieġ, u ngħallmuhom “l-importanza tal-virtujiet”, b’post speċjali fosthom għall-kastità, “kundizzjoni prezzjuża biex tabilħaqq tista’ tikber l-imħabba bejn żewġ persuni” (AL, 206). Għal dan l-iskop, ta’ min ifaħħar il-mixjiet li jsiru b’tant impenn fuq livell parrokkjali jew ta’ żoni pastorali. Imma niftakru li dawn il-mixjiet waħidhom mhumiex biżżejjed, jekk ma jkunx hemm qabilhom jew ma jiġux imwieżna minn edukazzjoni għall-imħabba li ssieħeb il-proċess tal-maturazzjoni kollu, sa mit-tfulija. Il-Papa Franġisku, dwar dan, osserva li “li titgħallem tħobb lil xi ħadd mhix xi ħaġa spontanja, lanqas tista’ tkun il-mira ta’ kors qasir qabel iċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ” (AL, 208). U fisser: “Fir-realtà, kull persuna titħejja għaż-żwieġ sa minn twelidha” (ibid.), u dak kollu li żagħżugħ jgħix f’familja għandu jikkontribwixxi biex jgħinha “tkun lesta tidħol għal impenn sħiħ u dejjiemi” (ibid.).

Hekk l-imħabba fid-dar, konkreta, mhux nieqsa minn mumenti ta’ taħbit, ta’ żbalji u ta’ waqgħat, u fl-istess waqt mill-isbaħ fil-ħajja ta’ kuljum imprevedibbli tagħha, hija l-ewwel skola tal-affetti, l-ewwel apprentistat prezzjuż u insostitwibbli tal-“ferħ tal-imħabba”. Għalhekk jixirqilhom li jiġu mogħtija valur u jiġu mwieżna dawk l-isforzi ta’ tant familji li, fil-bliet u fil-pajjiżi tagħna, jgħixu s-sejħa u l-missjoni tagħhom jum wara jum, bla xejn storbju, imma b’fedeltà xi drabi erojka. Huma tweġiba ġeneruża u li tinftiehem minn kulħadd għall-kliem ta’ Ġesù li għadna kemm smajna fil-Vanġelu: “Mhux intom għażiltu lili, imma jien għażilt lilkom, u ħtartkom biex tmorru tagħmlu l-frott u l-frott tagħkom jibqa’” (Ġw 15:16). Permezz tax-xhieda ta’ dawn il-ġenituri, ulied, nanniet, żgħażagħ u anzjani, kbar u żgħar, il-messaġ ta’ verità u ta’ milja ta’ ħajja tal-Vanġelu jixtered b’mod effikaċi fid-dinja.

L-Evanġelista Ġwanni tana l-konsenja sempliċi u ċara li ħallielna Ġesù fi tmiem il-ħajja tiegħu fuq din l-art: “Dan hu l-kmandament tiegħi: li tħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien” (Ġw 15:12). Ejjew inqegħduha fil-prattika, biex nikbru bħala Knisja li hi “familja tal-familji” (AL, 87), fi klima ta’ għożża reċiproka li minnha lkoll ingawdu: il-miżżewġin żgħar, li jħossuhom inkuraġġiti huma u jibdew il-mixja konjugali tagħhom; il-ġenituri, li jsibu l-għajnuna biex jaffrontaw l-isfidi impenjattivi marbuta mal-maturazzjoni tal-ulied u l-ġestjoni tal-ħajja familjari; l-anzjani, li jaraw rikonoxxut u vvalorizzat ir-rwol tagħhom ta’ xhieda ta’ għerf u ta’ virtù, waqt li s-saħħa fiżika tibda tonqos. Hawn isib appoġġ u motivazzjoni anki min hu l-aktar dgħajjef, jew jgħix sitwazzjonijiet diffiċli u mumenti ta’ kriżi, imdawwar mill-imħabba u protett minn ġudizzji u preġudizzji. Ejjew niftakru li, “tkun kemm tkun midruba familja, din dejjem tista’ tikber jekk hemm l-imħabba” (l-XIV-il Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet, Relatio finalis, 10).

F’din l-imħabba, fundamentali għall-istess eżistenza u ħajja tagħna flimkien bħala bnedmin, iniżżlu mbagħad l-għeruq tagħhom ukoll il-valuri tal-ftuħ u tar-rispett lejn il-ħajja, mit-tnissil sat-tmiem naturali. Ta’ dawn il-valuri l-familja hi depożitarja per eċċellenza, bħal musbieħ għall-ġid tal-umanità. Il-Papa Franġisku, dwar dan, saħaq li “l-ebda rabta temporanja jew magħluqa għat-trasmissjoni tal-ħajja ma tista’ tiżguralna futur għas-soċjetà” (AL, 52). Mingħajr familji sodi, miftuħa għad-don tal-ulied, attenti għall-edukazzjoni tagħhom u għall-maturazzjoni tagħhom, id-dinja ma għandhiex ġejjieni.

Imma fit-testi li għadna kemm smajna hemm stedina importanti ta’ Ġesù li nixtieq infakkar: dik li “nitolbu lill-Missier f’ismu” (ara Ġw 15:16). Dawn il-kelmiet ifakkruna li l-familja hi post ipprivileġġjat ta’ talb. B’xorti ħażina, irridu nagħrfu li llum, f’ħafna rkejjen tad-dinja, id-drawwa li nitolbu flimkien ’il ġewwa mill-ħitan tad-dar – qabel l-ikel, fil-bidu u fi tmiem il-ġurnata, jew f’okkażjonijiet partikulari – iddgħejfet mhux ftit. L-Amoris lætitia tfakkarna li din hi ħaġa fundamentali meta tistqarr: “Ninsistu fuq l-importanza tal-ispiritwalità tal-familja, tat-talb u tas-sehem fil-Quddiesa tal-Ħadd” (AL, 223), u tirrakkomanda li anki l-familji għandhom “jiltaqgħu spiss biex ixettlu fihom il-ħajja spiritwali u s-solidarjetà fil-ħtiġijiet konkreti tal-ħajja” (ibid.). It-talb komuni u s-Sagramenti għandhom rwol rilevanti ħafna fil-ħajja tal-familja, għax, fil-ftuħ tal-qlub għall-aġir ta’ Alla, jippermettulna li naslu flimkien anki hemm fejn waħidna ma konna naslu qatt. Huma nutriment sod u mediċina tajba; għalhekk inħeġġeġ minn qalbi lil kulħadd biex jiskopri mill-ġdid u jippromovi din il-prattika.

Għeżież ħuti, għandi wkoll l-unur li qed nippresiedi din iċ-ċelebrazzjoni b’mandat speċjali tal-Qdusija Tiegħu Ljun XIV, biex nuri pubblikament il-komunjoni ekkleżjastika tiegħu mogħtija lill-Beatitudni Tiegħu Polis III Nona, Patrijarka ta’ Bagdad tal-Kaldej, li qed jieħu sehem f’din l-Ewkaristija.

Il-komunjoni ta’ Patrijarka mas-Suċċessur ta’ Pietru tfakkar fi prassi antika, li ġabet l-għaqda fil-fidi u fl-imħabba ta’ Knisja patrijarkali mas-Sede ta’ Ruma u, f’dak iż-żmien, tal-istess Knejjes bejniethom: mela mhix sempliċi formalità, imma realtà ħajja, li ssib ir-raġuni tal-eżistenza tagħha fil-Komunjoni Ewkaristika, għajn u quċċata tal-għaqda tal-Knisja fi Kristu.

Beatitudni, il-preżenza tiegħek tgħinna nifhmu aħjar dak li aħna bħala Knisja, komunjoni fi Kristu l-Mulej ta’ Knejjes ta’ diversi riti u tradizzjonijiet fl-għaqda viżibbilment immanifestata mas-Suċċessur ta’ Pietru. Niżgurawk mill-affett tal-Knisja Kattolika kollha u t-talb għall-fidili fdati fil-kura pastorali tiegħek, li ilhom imġarrba, imma sħaħ u spiss erojċi fix-xhieda, fost ħafna tiġrib, tal-fidi fi Kristu.

Għeżież ħuti, nafdaw il-familji kollha u l-Knisja kollha lill-Familja Mqaddsa ta’ Nazaret, waqt li nerġgħu naqbdu t-talba li l-Papa Franġisku qiegħed fi tmiem l-Amoris lætitia.

“O Familja Mqaddsa ta’ Nazaret,
agħmel li anki l-familji tagħna
jkunu mkejjen ta’ komunjoni u ċenakli ta’ talb,
skejjel awtentiċi tal-Evanġelju
u Knejjes ċkejkna tad-dar. […]
Nitolbuk li qatt iżjed fil-familji tagħna
ma nġarrbu vjolenza, għeluq u firda:
kull min kien miġruħ jew skandalizzat,
ħa jsib minnufih faraġ u fejqan.
[…] agħmel li lkoll kemm aħna nagħrfu
l-karattru qaddis u bla mittiefes tal-familja,
tal-ġmiel tagħha fil-pjan ta’ Alla.
Ġesù, Marija u Ġużeppi,
isimgħu u ilqgħu t-talba tagħna. Amen” (AL, 325).

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading