Tgħid Immur Għand is-Saħħar?

Gwida għat-Tbassir tal-Ġejjieni
Ħsibijiet ta’ Rev. Daniel A. Lord, S.J.

DAĦLA

Meta lill-bniedem tonqoslu l-fidi, u magħha l-fiduċja f’Alla, il-futur isir għalih piż li ma jkunx jiflaħ iżjed. Għalhekk ifittex li jnaqqas it-toqol billi jfittex madwaru u jara jekk isibx ħjiel ta’ dak li qed jistennieh. Dan kien hekk fil-qedem, kif naraw mill-istorja ta’ ħafna popli, u għadu hekk sal-lum. Il-bniedem f’ċerti xejriet tiegħu baqa’ l-istess tul il-mixja tas-sekli. U din ix-xewqa li jkun jaf il-ġejjieni hija waħda minn dawk li ma tbiddlux.

Il-ġenerazzjoni li tielgħa, imdawra kif inhi b’tant ġid u distrazzjonijiet, qed titlef xi ftit jew wisq il-kuntatt ma’ Alla. Minn hawn jiġu s-sens ta’ insigurtà quddiem l-inċertezzi tal-ħajja u r-rikors għand nies jew għal mezzi, biex permezz tagħhom jidħlu wara l-purtiera li taħbilhom il-ġejjieni.

Biex indawlilhom moħħhom, u ma nħallix lil min hu interessat biss li jħaxxen butu jisfrutta d-dgħufija, il-kurżità u n-nuqqas ta’ tagħrif reliġjuż tagħhom, ħsibt li jkun f’loku li naqleb għall-Malti l-ktejjeb fuq dan is-suġġett tal-magħruf Ġiżwita Fr. Daniel Lord.

Fr. Lord kien wieħed mill-iktar Ġiżwiti Amerikani popolari ta’ dan is-seklu. Kiteb mijiet ta’ kotba fuq kull suġġett li kien jinteressa liż-żgħażagħ. Qatta’ ħajtu jaħdem fost iż-żgħażagħ minn kull naħa tal-Amerika. Il-kitbiet tiegħu kienu għamluh tant popolari li kienu jgħidu li kieku kien bniedem politiku fl-Amerika, kien ikollu ċans sabiħ li jispiċċa fil-White House bħala president.

Jalla dan il-ktejjeb jirnexxilu jdawwal l-imħuħ ta’ min hu nieqes mid-dawl tal-fidi u jixgħel fil-qlub ta’ ħafna tama u mħabba lejn Alla.

Edward Camilleri, S.J.
Traduttur

FAXXINU

Hemm ċertu faxxinu f’wieħed li jbassar il-ġejjieni. Hemm xi ħaġa li ssaħħrek f’persuna li b’ċerta kalma jerfa’ – jew terfa’ – għajnejh u jħares, mhux lejn l-imgħoddi bla gost jew il-preżent li jtaqqal, imma lejn dik il-medda ta’ żmien li għad ma għaddietx, dik li nsejħulha l-ġejjieni mistur.

Għax aħna lkoll nafu dak li għamilna l-bieraħ. Aħna konxji wkoll ta’ dak li qed nagħmlu llum. Imma għada? Minn xiex se ngħaddu għada? Se jkollna flus bir-radam, jew se jkollna nikkuntentaw bit-tqanċiċ ta’ llum? Se jasal jew le l-maħbub li ili noħlom bih? Se neħles jew le minn din il-marda kiefra li ilha tkiddni?

GĦADA LI JSAĦĦAR

Il-bieraħ għadda u ma nistax inbiddlu. Illum hu magħna, imma anki waqt li qed naħseb fih hu għaddej u qed jingħadd mal-jiem monotoni ta’ qablu. Imma għada? Isa, għidli xi ħaġa fuqu! Għidli li se nkun sinjur; li se nħobb u nkun maħbub; li d-dinja – anki jekk żgħira ħafna – se tagħraf ismi; li jien se nbaħħar fuq is-seba’ ibħra tad-dinja. Għidli fuq għada, dak il-jum misterjuż u glorjuż mimli tama.

Is-saħħar jgħid bil-kalma u b’ċerta konvinzjoni: “Kollox sew, ismagħni. Jien se ngħidlek.” U għalkemm in-nies jidħqu u jgħidu “Jien tabilħaqq ma nemminx dawn il-ħmerijiet”, xorta waħda jisimgħu, u bil-mod il-mod jibdew jibilgħu u jemmnu. In-nisa jippruvaw jiskużaw ruħhom billi jistqarru: “Jiena mort biss għall-kurżità. Ma nemminx fis-saħħar. Imma ħaġa tal-għaġeb; hi qaltli ħwejjeġ tal-għaġeb fuqi…” U b’hekk id-dinja ta’ llum imtliet bis-sħaħar, u miljuni fuq miljuni jiġu biex jisimgħu l-ħwejjeġ meraviljużi li jagħmlu l-għada tant isbaħ u attraenti mill-jum ta’ llum.

GĦALIEX?

Għaliex dan il-ġenn kollu llum kullimkien biex jiskopru l-ġejjieni? Għaliex il-Kattoliċi, li jafu li hu ħażin li tmur għand is-sħaħar, qegħdin huma wkoll jimxu fit-triq il-ħażina mal-oħrajn? Tabilħaqq jippruvaw jikkwetaw il-kuxjenza tagħhom billi jistqarru: “Jiena mort biċ-ċajt; jiena ma nemminhomx.” Imma wara din l-istqarrija ta’ inkredulità jkomplu billi jgħidulek xi ħaġa li s-saħħar kien qata’, u tarahom jerġgħu lura għandu biex igawdu ftit aktar mis-seħer li jiksbu mill-futur.

Għaliex dan l-għatx għat-tbassir tal-futur minn mindu, tista’ tgħid, il-bniedem rifes fuq din l-art? Nisa u rġiel imorru għand is-sħaħar għall-ebda raġuni oħra ħlief biex jisimgħu ħwejjeġ sbieħ, biex jisimgħu dwar suċċessi u ġrajjiet li jferrħuhom. Kieku saħħara kellha tbassar ġejjieni ikrah u iswed, kienet tkun skartata daqs tabib li kull min jgħaddi minn taħt idejh igerbeb lejn il-qabar.

FIDUĊJA SĦIĦA

Ħafna nies illum kważi tilfu għal kollox il-fiduċja fil-qawwa u fl-abbiltajiet tagħhom infushom. Għalhekk huma jlebbtu lejn saħħar, għaliex, jekk ikunu żguri mill-futur, ikunu jistgħu jiksbu dak il-kuraġġ li issa m’għandhomx.

Oħrajn, bir-raġun kollu, jirraġunaw mod ieħor, u jgħidu li kieku xi ħadd tassew seta’ jbassar il-futur, kien jistagħna f’ħakka t’għajn! Kieku kien jaf liema żiemel se jirbaħ it-tiġrija (id-Derby), jew jekk il-qamħ jew prodotti oħrajn humiex se jogħlew jew jorħsu – kemm kien jirnexxilu jdabbar flus għalih innifsu f’kemm ilni ngħidlek!

Imma s-saħħar jistqarr, b’wirja ta’ dispjaċir, li ma jistax jaqra d-destin, il-futur, tiegħu nnifsu, iżda dak biss tal-oħrajn. Imma dik hija biss skuża u mhux tweġiba serja, għaliex jekk dan hu minnu, jista’ jsib, mhux wisq ‘il bogħod minn daru, saħħar ieħor li jgħarrfu x’se jkun il-futur tiegħu. Meta tabib jimrad, isejjaħ tabib ieħor, għaliex hu persważ li ħadd m’hu mħallef fil-kawża tiegħu nnifsu. Qatt sema’ xi ħadd li saħħar mar għand saħħar ieħor? Mijiet ta’ snin ilu r-Rumani, minkejja li kienu jemmnu fis-sħaħar, kellhom qawl ironiku li kien jgħid hekk: “Meta saħħar jiltaqa’ ma’ saħħar ieħor, jeħmżu lil xulxin.”

KONSEGWENZI

Kieku t-tbassir tas-sħaħar kien minnu, il-kumpaniji tal-assigurazzjoni kien ikollhom jagħlqu. In-nies kienu jiġru biex jinxurjaw djarhom u n-negozju tagħhom ftit ġranet qabel ma jseħħ in-nar qerried li jkun qalilhom bih is-saħħar.

“IMMA HUMA JITKELLMU”

Dawk li jemmnu fis-saħħar jgħidulek: “Imma s-saħħar qalli l-verità. Qalli li kont se nirċievi xi flus, u miet iz-ziju tiegħi u ħallieli elf lira… Qalli li kien se jmut xi ħadd għal qalbi, u miet kuġin…” Bla dubju s-saħħar kultant jaqta’ xi waħda. Anki l-arloġġ wieqaf, kif jaf kulħadd, jgħid is-sewwa darbtejn kuljum.

Is-sistema li jsegwi s-saħħar biex kultant jolqot is-sewwa hi sempliċi ħafna; jagħmel bħal dak li jgħasses iż-żwiemel waqt it-tiġrijiet tal-prova biex imbagħad jinforma lil dawk li jkunu se jagħmlu l-imħatri. Informatur diżonest, f’tiġrija ta’ sitt żwiemel, jagħżel sitt lagħba u jgħaddilhom is-sitt ismijiet taż-żwiemel li se jtellqu, wieħed lil kull wieħed. Wieħed jirbaħ żgur, u dan jibqa’ grat lejn min għaddielu t-tagħrif, iwieżnu u jmur ixandar ismu mal-erbat irjieħ. Il-ħamsa l-oħra jibqgħu bit-togħma ħażina, imma s-suppervja tagħhom ma tħallihomx jilagħbu wisq biex ma jikxfux l-injoranza tagħhom li qagħdu fuq il-kelma tiegħu. Forsi din id-darba żbalja, u darb’oħra jaqtagħha.

IR-REBBIEĦA JITKELLMU

Is-sħaħar jimxu fuq il-passi tar-rebbieħa. Tgħallmu minn snin twal ta’ esperjenza fis-saħħara man-natura umana li meta l-profeta jbassar xi ħaġa li mbagħad isseħħ, il-klijent jiġġerra kullimkien ixandar ma’ sħabu dak li qallu. M’hemm xejn iżjed eċċitanti minn ħaġa mbassra li sseħħ lil xi individwu. Ir-rebbieħ huwa dejjem ċarlatan!

Imma meta dak li kien imbassar ma jseħħx, jinfetħu ħafna triqat: l-ewwel, il-persuna tistenna, dejjem tittama li l-mixtieq se jseħħ minn mument għall-ieħor. Imma l-ġimgħat tat-tama jitwalu f’xhur, u allura jibda jgħid bejnu u bejn ruħu: “Forsi s-saħħar ma stenniex li dak li bassar kellu jseħħ hekk malajr.” Meta l-ħaġa mbassra ma sseħħx, naturalment mhux se jmur jgħid mal-erbat irjieħ: “Is-saħħar daħaq bija! Kont batman u emmintu!” Ma jgħid xejn. It-telliefa dejjem jagħlqu ħalqhom. Ma jridux lil ħbiebhom isiru jafu li ġew imqarrqa u li kienu vittmi ta’ profezija li ma seħħitx. U jekk fl-aħħar iseħħ xi ħaġa simili għal dak li kien imbassar, tarah jesklama b’sens ta’ sodisfazzjon: “Dak hu preċiż dak li kien qalli s-saħħar żmien ilu li kien se jiġri. Fl-aħħar iż-żmien tah raġun!”

M’HEMMX FUTUR

Huwa fatt xjentifiku u filosofiku li l-ebda bniedem ma jista’ qatt ibassar il-futur. Il-preżent jeżisti. Il-passat xi darba eżista. Imma l-futur, sa fejn għandu x’jaqsam mal-bnedmin, sempliċement ma jeżistix. Ma tistax tara ġrajja li mhix qed titwettaq issa u li mhix se sseħħ qabel ftit żmien ieħor. Ma tistax taf xi ħaġa li ma teżistix.

Ejjew niċċaraw dan li qed ngħidu. Hemm xi ħwejjeġ li se jseħħu li wieħed jista’ jiskopri b’mezzi naturali. Ladarba tarbija teżisti qabel ma tidħol fid-dinja, wieħed jista’ jkun jaf, qabel ma titwieled, li hi teżisti.

Xjenzat jeżamina l-blat u jilmaħ ċerti xquq mhux tas-soltu. Hu, li jifhem xi jfissru, minnufih jesklama: “Hawn ma jdumx ma jkun hawn terremot.” B’daqshekk nistgħu ngħidu li hu profeta? Anqas xejn. Hu jista’ jgħid x’se jiġri minn dak il-blat minħabba x-xquq li nfetħu fih. Jekk ma jinqala’ xejn straordinarju, it-terremot iseħħ. Anzi, nistgħu ngħidu li diġà beda jseħħ; ftit żmien ieħor u l-blat jiżżerżaq u jaqa’.

PROFEZIJA XJENTIFIKA

Kummerċjant imur għand tabib u jgħidlu: “Dottor, ma nħossnix sew; nixtieqek teżaminani.” It-tabib jeżaminah u wara, waqt li jkun qed itaptaplu fuq spallejh, jgħidlu: “Jiddispjaċini ngħidlek, imma se jkolli nkun sinċier miegħek: m’għandekx aktar minn sitt xhur ħajja.”

B’daqshekk it-tabib ma sarx profeta. Sempliċement eżamina l-qalb tal-pazjent u ntebaħ li l-kundizzjoni tagħha kienet tant ħażina li ma setgħetx tkampa għal żmien twil. Din hi profezija xjentifika, jekk trid issejħilha hekk.

FIL-MOĦĦ T’ALLA

Għalina, mela, il-futur ma jeżistix. L-ebda bniedem ma jista’ jkun jafu. Biex inkunu eżatti, però, irridu ngħidu li l-futur jeżisti: fil-moħħ t’Alla u fir-rieda ħielsa tal-bniedem. Ħadd ma jaf il-ħsieb t’Alla ħlief Alla stess, u kultant dawk il-ftit li Alla jkun irid jgħarrafhom. Ħadd ma jaf x’se jsir bir-rieda ħielsa tal-bniedem, lanqas il-bniedem stess, sakemm il-bniedem ma jiddeċidix li jwettqu – jiġifieri ħadd ħlief Alla. Int ma tafx x’se tagħmel għada. Issa taf x’bi ħsiebek tagħmel, imma ma tafx jekk hux se jirnexxilek tagħmlu.

MA TEŻISTIX

Mela hu minnu li ħadd ma jista’ jkun jaf il-futur. Imkien m’hemm bniedem li jista’ jasal għal dan. Alla jafu, imma Alla jara kollox bħala preżent. Għal Alla m’hemmx la passat u lanqas futur; hemm biss l-issa etern. Ħadd ma jaf x’se jagħżel il-bniedem ħieles. Għalhekk, kif qatt jista’ s-saħħar ikun jaf x’se jseħħ?

ALLA JISTA’ JIRRIVELA

Nies li jużaw moħħhom minn dejjem kienu konvinti li l-ġejjieni jistgħu jafuh biss dawk li Alla jkun għarrafhom bih. Hu biss jista’ jkun jaf il-futur. Jekk Hu jogħġbu jirrivelah – kif għamel mal-profeti tal-qedem, li bassru li l-Messija kien se jitwieled f’Betlehem 504 snin wara, li kien se jissejjaħ Nażżarenu, li kien se jwettaq għeġubijiet kbar ta’ fejqan u juri ħniena bla tarf mal-foqra u l-imsejknin, li kien se jwaqqaf renju, u li kien se jmut miċħud minn ġensu – nistgħu ngħidu li ftit magħżula jafu l-futur. Imma ma kienx l-għerf ta’ dawk il-profeti tal-qedem li wassalhom għal dan. Alla kien jaf; Alla ried li huma jkunu jafu; u dan it-tagħrif divin huma għaddewh lill-oħrajn.

Għalhekk Kristu wera li kien Alla billi wera li jaf il-futur. Kien jaf iċ-ċirkostanzi kollha tal-mewt tiegħu. Bassar id-dettalji tal-qawmien tiegħu. Fisser sal-iżgħar dettall il-ġrajja tal-waqgħa ta’ Ġerusalemm. U billi stqarr li kien jaf dan minnu nnifsu, din hi preċiżament waħda mill-akbar provi tad-Divinità tiegħu.

Ejjew inkunu ċari darba għal dejjem. It-tbassir huwa impossibbli, għaliex ħadd ma jista’ jaf ħaġa li ma teżistix. Il-futur ma jeżisti għal ħadd ħlief għal Alla, u Hu jaf il-futur għaliex kollox hu preżenti quddiemu. Għaldaqstant ħadd barra Alla ma jista’ jkun jaf il-futur.

L-AĦĦAR TAD-DINJA

Fost l-affarijiet li l-aktar ġew imbassra tul iż-żminijiet insibu d-data eżatta tal-aħħar tad-dinja. Is-sena 1000 kienet mistennija minn ħafna li se ġġib it-tmiem tad-dinja. In-nies kienu tant ċerti li dik kienet se tkun l-aħħar sena, li bdew ibigħu l-proprjetà tagħhom, taw flushom lill-foqra, ħarbu lejn il-muntanji u qagħdu hemm jistennew it-tmiem.

Għal xi raġuni li ma nafuhiex, is-sena 1188 kienet ukoll waħda mis-snin li għażlu s-sħaħar. Is-sħaħar ġeneralment huma għorrief biżżejjed biex iħallu l-profeziji tagħhom kemmxejn vagi. Ċertu Mr. Stoffler darba fettillu jazzarda jbassar l-aħħar tad-dinja b’mod l-aktar żgur u definit. Ipprofetizza li d-dinja kienet se tispiċċa b’dilluvju fis-sena 1524. Id-dilluvju, kif jaf kulħadd, ma seħħx; anzi, biex tgħaxxaqha, is-sena 1524 kienet waħda li fiha nħasset nixfa mhux tas-soltu kważi fid-dinja kollha!

FATALISTI

Ħaġa ta’ importanza kbira li aħna l-moderni rridu niftakru hija din: is-sħaħar huma l-aktar imfittxija fi żminijiet meta jsaltan ċertu fataliżmu pagan. Dan xi jfisser? Minn dejjem kien hemm nies li jemmnu li kull ma jiġri fil-ħajja tal-bniedem huwa ppjanat bil-quddiem, li l-bniedem ma jista’ jagħmel xejn biex ibiddlu, u li f’ċerta ġurnata ta’ ħajtu se jagħmel ċertu għemil, mhux għax irid hu, imma għaliex l-allat u d-destin iddeċidew li jridu jagħmel hekk.

Fil-verità, skont din it-teorija, il-ħajja tal-bniedem hija mfassla għalih bħalma huwa mfassal l-orarju ta’ xarabank li jaqsam kontinent, jew il-ġirja ta’ stilla fl-ispazju. Il-bniedem, isostnu huma, m’għandux kontroll fuq id-destin tiegħu; id-destin tiegħu huwa kkontrollat minn qawwiet barra minnu. Hu suġġett għad-destin.

Naturalment, allura, jikkonkludu li jekk jaslu biex jagħrfu l-qawwiet li jikkontrollaw id-destin tal-bniedem, ikunu jistgħu jagħrfu x’se jiġrilu. Għalhekk jippruvaw jindaħlu fil-qalb tal-allat biex jagħrfu minnhom x’hemm imfassal għal dan il-bniedem jew għall-ieħor. Jafu li l-kwiekeb huma mmexxija minn liġijiet li ma jinbidlux. Forsi, jekk jistudjaw l-istilel, jirnexxilhom jagħrfu x’inhu dak li jmexxi lill-bniedem.

ASTROLOĠIJA

Dan iwassalna għall-interess ta’ llum f’dik li kienet hekk imsejħa xjenza ta’ żmien ilu, jiġifieri l-astroloġija. Meta konna żgħar, l-astroloġija kienet iġġegħelna nidħqu. Għalina l-astrologu kien xi ħadd b’moħħu ħafif, jew xi ħadd li jrid jgħaddi n-nies biż-żmien: liebes libsa twila sewda, b’kappell forma ta’ lembut fuq rasu mżewwaq bix-xemx, il-qamar u l-istilel; jgħix f’torri għoli, b’qattus fuq spalla u kokka fuq l-oħra; u jgħaddi ż-żmien ipinġi stampi strambi msejħa oroskopji għan-nies bla ras li jibilgħu kull ma s-saħħar b’leħja twila kien ibellagħhom.

L-astrologu llum huwa raġel intelliġenti u ta’ inizjattiva li jinqala’ għan-negozju, jew inkella mara sabiħa u fuq ruħha. L-astroloġija minn dejjem kienet mezz ta’ qerq. Bħalissa qed thedded li ssir mezz ta’ qligħ kbir, “negozju” li jrendi somom kbar. Żomm dan stampat sew f’moħħok: meta r-reliġjon tonqos, tikber is-superstizzjoni. Dawk li jwaqqgħu l-fidi reliġjuża għaċ-ċajt huma dawk li mbagħad iqiegħdu t-twemmin tagħhom f’idejn nies injoranti u bla kuxjenza li jisfruttaw id-dgħufija tal-bnedmin.

IL-BAŻI

Bħal kull ħaġa oħra bla sens, l-astroloġija għandha hi wkoll ċerti bażi. L-istilel, kif jaf kull min iħares lejhom, għandhom liġijiet fissi. Ix-xemx għandha effett kbir fuq id-dinja; mingħajrha ma kienx ikun hemm ħajja ta’ pjanti, u lanqas l-ebda ħajja oħra. Is-saħħa tal-bniedem tiddependi mix-xemx. Issa x-xemx hija stilla li tinsab pjuttost qrib tad-dinja tagħna.

Hekk ukoll il-qamar, bil-ġmiel antik tiegħu, għandu effett fuq id-dinja. Jiġbed l-ilmijiet u b’hekk joħloq il-mili u t-tnixxif tal-baħar. Milli jidher, il-qamar għandu effett ukoll fuq il-ħajja tal-pjanti. Kien hemm min emmen li għandu effett ħażin fuq l-imħuħ ta’ xi bnedmin. (Il-frażi “kultant itieħ tal-qamar” nużawha għal xi ħadd stramb, mhux normali.)

Dawn l-effetti ċari tal-istilel fuq id-dinja u fuq xulxin ġegħlu lill-bniedem jistaqsi jekk l-istilel jaffettwawx lill-bnedmin b’xi modi oħra. Fittxew iżjed fil-fond. L-allat suppost kienu jgħixu fis-smewwiet. L-istilel ukoll huma fis-smewwiet. Allura jrid ikun hemm xi relazzjoni mill-qrib bejn l-allat u l-istilel, u bl-istess mod bejn l-istilel u l-bnedmin. Għalhekk kellna x-xemx bħala alla raġel u l-qamar bħala alla mara, u l-pjaneti l-aktar magħrufa tas-sistema tagħna ngħataw l-ismijiet tal-allat pagani.

STEJJER ANTIKI TAL-ISTILEL

Fil-verità m’hemm xejn ġdid fl-astroloġija mill-jiem meta kienet parti mill-kulti pagani antiki ta’ Babilonja, 3,000 sena qabel Kristu. Milli jidher, il-metodu oriġinali tal-użu tal-istilel biex ibassru l-futur kien dan: l-astrologu kien isegwi l-movimenti tagħhom. Jekk is-suldati tal-pajjiż kienu jiksbu xi rebħa meta l-qamar kien ġdid, dak kien ikun sinjal li l-qamar ġdid hu messaġġier tar-rebħa, u li l-gwerer jagħtu l-aħjar riżultat meta jinbdew taħt qamar ġdid. Meta l-qamar kien imil għal ċertu angolu, kienet tagħmel ix-xita. Għalhekk, meta l-qamar kien jilħaq dak l-angolu, dan kien għalihom sinjal li se tagħmel ix-xita.

L-osservazzjoni aktar attenta tal-pjaneti mill-astrologi kienet magħmula fuq l-istess bażi. Ċertu bniedem b’saħħtu twieled meta dawn il-pjaneti kienu f’dik il-pożizzjoni; mela, bnedmin li jitwieldu meta l-pjaneti jkunu f’dik il-pożizzjoni se jkunu b’saħħithom. Dan kien mod sempliċi kif tqis l-affarijiet – anzi, sempliċi żżejjed!

Il-Persjani, li kienu jaduraw ix-xemx, ħadu t-twemmin tal-Babiloniżi u żiedu xi ftit miegħu. L-astroloġija kienet tant parti minnhom li tul iż-żminijiet l-astrologi kienu jissejħu Kaldej, isem ieħor għall-Persjani. Il-Griegi, madwar 400 sena qabel Kristu, influwenzati mill-Persjani, ġarrew it-tradizzjoni ‘l quddiem u taw lil ħafna pjaneti u lis-sinjali taż-żodjaku l-ismijiet li għandhom illum, ismijiet li ġew maqluba mir-Rumani.

Hija ħaġa li tgħaġġeb lin-Nisrani meta jirrealizza li l-irġiel u n-nisa ta’ llum, li jistmerru “l-imġiba tal-Knisja Kattolika tal-Medju Evu”, jiġru bil-mijiet ta’ eluf wara dawk is-superstizzjonijiet li kienu jemmnu fihom il-pagani 5,000 sena ilu – nies li kienu jaduraw l-istilel, li kienu jdaħħlu idejhom fl-imsaren tan-nagħaġ u tat-tjur issagrifikati biex jiksbu tagħrif dwar kif jirbħu gwerra, imexxu n-negozju, jiggvernaw stat jew jiġbdu lejhom tfajla.

ŻMINIJIET TAL-KRISTJANEŻMU

Il-Kristjaneżmu xejjen għal kollox il-qawwa tal-astroloġija, u għalhekk din ix-xjenza falza sabet kenn mal-fatalisti pagani tal-Lvant u saret waħda mill-istudji favoriti tal-Musulmani. Aktar tard, wara li l-armati Nsara fi żmien il-Kruċjati ltaqgħu u ssieltu mal-Musulmani, ġabu lura magħhom, bħala waħda mill-ħwejjeġ l-anqas orribbli tal-gwerra, is-superstizzjoni tal-qedem, jiġifieri l-astroloġija.

Għalhekk ir-rejiet iddawru b’astrologi u spiss kienu jistħarrġuhom dwar kollox. Nies bħal Napuljun u Wallenstein kienu jemmnu li d-destin tagħhom kien marbut ma’ xi stilla. Iż-żodjaku reġa’ ħa r-ruħ, mhux biss bħala sensiela ta’ termini xjentifiċi, imma bħala l-bażi ta’ rabta fatalistika bejn il-mixja tal-istilel, immexxija minn liġijiet fissi, u l-mixja tal-bniedem ħieles fuq wiċċ din l-art. Francis Bacon, bħala xjenzat denju ta’ dan l-isem, fetaħ il-kanuni fuq l-astroloġija. Dean Swift tah daqqa fatali fi żmienu billi waqqgħu għaċ-ċajt kif kien jistħoqqlu.

PAGANIŻMU PRIMITTIV

Ikun kollu telf ta’ żmien għalina li nerġgħu nqajmu u niftakru kif bdiet l-astroloġija. Imma t-termini moderni kollha – il-forom użati għall-oroskopju, ir-rabtiet immaġinarji tal-pjaneti ma’ xi partijiet tal-ġisem tal-bniedem, l-assoċjazzjonijiet tas-sinjali taż-żodjaku mal-organi tal-bniedem – imorru lura għal dak iż-żmien tal-istorja meta l-bniedem kien jadura x-xemx, kien jissagrifika trabi lill-qamar, u kien jemmen li l-kwiekeb kienu biss ftit mijiet ta’ kilometri ‘l bogħod mid-dinja.

Hija ħaġa tassew tad-daħk kif l-astroloġija temmen, jew aħjar tissoponi, li għalkemm hemm vizibilju ta’ miljuni ta’ stilel, huma biss il-ftit ta’ madwarna, jiġifieri Saturnu, Ġove, Venere u Marte, li għandhom effett fuq id-destin tagħna.

L-astroloġija tixħetna lura lejn dawk is-snin bikrin tal-mediċina meta s-sinjali taż-żodjaku kienu maħsuba li jaffettwaw l-organi tal-bniedem: l-Ariete jaffettwa r-ras; il-Ħut (Pisces) is-saqajn; il-Barri l-għonq; it-Tewmin id-dirgħajn u l-ispallejn; il-pjaneta Marte kellha effett partikulari fuq il-widna x-xellugija; Ġove jinfluwenza l-moħħ.

L-astroloġija għandha l-bidu tagħha fil-kult pagan tar-reliġjonijiet tal-qedem. Ma tiskantax, mela, li l-astrologu li jħares lejn l-istilel jasal biex jiċċappas bil-prattika xejn sabiħa li jeżamina l-fwied tal-annimali maqtula għas-sagrifiċċju, kif kienu jagħmlu l-astrologi fi żmien il-pagani. Illum sirna daqsxejn iżjed delikati, jekk mhux daqsxejn iżjed intelliġenti.

ASSOLUTAMENT BLA SENS

Għan-Nisrani, l-astroloġija hija ħaġa assolutament bla sens u insult lill-providenza t’Alla. Aħna l-Insara nemmnu li d-destin tagħna huwa taħt il-ħarsien, mhux tal-istilel, imma ta’ Missier ħanin u twajjeb li qiegħed fis-sema. M’għandniex għalfejn induru lejn pjaneti mejta bħal dawk li jiffurmaw is-sistema solari tagħna. “Hu għamel l-anġli tiegħu għassiesa tiegħek”; aħna għandna l-protezzjoni kontinwa tal-Komunjoni tal-Qaddisin, li jagħtuna l-qaddisin t’Alla.

L-astroloġija hija msejsa fuq il-fataliżmu antik u primittiv tal-pagani. Il-bnedmin taħt il-paganiżmu qatt ma kienu ħielsa. L-astroloġija tagħmel lill-bniedem ilsir tal-istilel, b’destin imfassal tant ċar li, ladarba jiġi determinat l-oroskopju, il-programm futur kollu tiegħu jinfirex quddiemu. Irid jimxi f’dik it-triq. Isir ilsir tad-destin tiegħu. Hu, iben glorjuż u ħieles t’Alla, jispiċċa taħt il-ħakma tal-istilel.

QATT IMBASSRA

Fl-istorja kollha, l-astroloġija s’issa qatt ma rnexxielha tbassar l-istorja ta’ bniedem. Hija ħaġa tad-daħk li l-astrologi dejjem isemmu l-Istilla ta’ Betlehem. Dik kienet stilla speċjali mqiegħda fis-smewwiet mis-Sid tas-sema u l-art biex tħabbar it-twelid ta’ Ibnu l-għażiż. M’għandha ebda konnessjoni maż-żodjaku. Kienet biss ġest waħdieni u stupend t’Alla, tal-għaġeb u sublimi propju għax kien eċċezzjonali. Madankollu, tfittex għalxejn fl-istorja xi tagħrif li taw l-astrologi biex idawlu t-triq ta’ xi bniedem jew nazzjon f’din id-dinja.

Kull ma għedna dwar is-sħaħar japplika wkoll għall-astrologi. Il-futur jinsab fil-moħħ t’Alla u fir-rieda ħielsa tal-bniedem. Mhux fl-istilel, u lanqas fil-karti, fid-dadi, fil-moviment ta’ fwied sħun jew fit-twerżiq tal-papri.

IL-KUNDANNA T’ALLA

Il-kundanna t’Alla tas-sħaħar insibuha ċara u tonda fit-Testment il-Qadim. “Sħaħar,” qal Alla permezz ta’ Mosè, “m’għandekx tħalli li jgħixu” (Eż 22, 18). “Ma għandu jkun hemm ħadd li jgħaddi min-nar lil ibnu jew lil bintu, lanqas min jeħber, min jitkixxef il-ġejjieni” (Dt 18, 10).

Il-kelma tal-profeti t’Alla, li qatt ma qisu ruħhom jafu aktar milli kienu mnebbħa minn Alla, li għalih kollox huwa fl-issa etern, ikkundannat bl-aktar mod qawwi s-sħaħar ta’ żminijiethom. “Għax dan jgħid il-Mulej tal-eżerċti, Alla ta’ Iżrael: Tħalluhomx iqarrqu bikom il-profeti li hemm f’nofskom u l-ħabbara tagħkom. Tagħtux widen għall-ħolm li qegħdin joħolmu. Għax qegħdin iħabbrulhom il-gideb f’ismi; jien ma bgħatthomx – oraklu tal-Mulej” (Ġer 29, 8-9). “Fnietek il-kotra tal-kunsillieri tiegħek! Ħa jqumu issa u jgħinuk, u ta’ kull xahar jgħidulek x’se jkun li ġej għalik. Ara, bħat-tiben jaħraqhom in-nar; ma jeħilsuhiex mis-setgħa tan-nirien. Ma jkunx ġamar għas-sħana, ma jkunx nar li toqgħod ħdejh” (Is 47, 13-14).

IKKUNDANNATI

Il-Knisja Kattolika tqis is-saħħara, f’kull forma li wieħed jista’ jimmaġina u b’kull mod li tintuża, bħala dnub kontra l-Ewwel Kmandament. Meta temmen fis-sħaħar, tkun qed tagħti lill-ħlejjaq, lil dak li mhu xejn ħlief bniedem, qawwa li għandu Alla biss. Tkun qed tistqarr li dawk il-bnedmin, is-sħaħar, għandhom għarfien divin, li jafu dwar ġrajjiet li għad iridu jseħħu – ħaġa li Alla biss jista’ jkun jaf. Tkun qed tirrikorri għand il-bnedmin għal dik l-għajnuna u dak l-għerf li jinsabu biss fl-għerf infinit li hu Alla. Għalhekk, li wieħed imur għand saħħar biex jieħu tagħrif mingħandu huwa dnub gravi.

Li temmen fis-sħaħar mhux biss hu dnub, imma wkoll sinjal ta’ injoranza goffa. Qatt ma bassru l-ġejjieni; qatt ma jistgħu jkunu jafuh, u qatt mhu se jkunu jafuh. Bħala razza, wieħed jista’ jgħid li huma ta’ min jitħassarhom, li huma foqra u nies li ma rnexxewx f’ħajjithom. Ma kinux kapaċi jużaw il-qawwa li jippretendu li għandhom biex jgħinu lilhom infushom, biex jagħmlu sinjuri lill-qraba tagħhom stess, jew biex itejbu, anki ftit, il-qagħda u l-hena tal-umanità. Imma jekk wieħed verament jemmen fihom, jagħmel dnub gravi, dnub kontra l-għerf u x-xjenza t’Alla.

SKANDLU

Anki jekk ma nemmnux fihom, jekk immorru biss bil-kurżità jew biċ-ċajt, id-dnub xorta jsir. Inkunu qed ngħinu lil nies li jgħixu billi jisfruttaw lill-injorant u lid-dgħajjef. Inkunu wkoll qed nagħtu skandlu lill-oħrajn, l-aktar lil dik l-istess persuna li tippretendi li qed tgħidilna x’inhi xortina. Inkunu qed nieħdu sehem f’xi ħaġa li tfakkar fil-kulti u l-qima tal-pagani, xi ħaġa li minn dejjem kienet meqjusa bħala offiża diretta lil Alla l-veru.

BI ĦNIENA MISTURA

Huwa ċar daqs il-kristall li Alla ma jridniex inkunu nafu l-futur. Fil-ħniena tiegħu, Hu jaħbilna l-ġejjieni. Kemm tkun kerha l-ħajja kieku konna nafu li f’dik is-siegħa, minuta u sekonda partikulari l-mewt tkun hemm wieqfa quddiemna tistenniena! X’kruha kieku, barra li ngħixu u nħarsu lura lejn il-mard, is-slaleb, l-ingann u n-nuqqasijiet kollha ta’ ħajjitna, kellna wkoll nafuhom u nistennewhom ġejjin! Waħda mill-ħruxijiet l-aktar kbar ta’ Kristu kienet preċiżament li kellu jistenna li jitwettqu t-tbatijiet tal-Passjoni tiegħu. Kellu jimxi tul ħajtu bix-xena tal-Kalvarju dejjem quddiem għajnejh u s-salib jistennieh b’dirgħajh miftuħa.

Alla ma jridniex inkunu nafu x’se jiġri. Jippreferi li nkunu msaħħa biċ-ċertezza li Hu u aħna, it-tnejn flimkien, nistgħu niggarantixxu tmiem hieni għal ħajjitna. M’għandniex bżonn saħħar biex jgħidilna li se nsalvaw ruħna. Alla, u aħna bis-sehem tagħna, nistgħu niżguraw dan.

Alla ma ħalaqniex ilsiera tal-istilel, ta’ numri misterjużi, tal-pala tal-id jew ta’ iddien tas-serduq – Alla ħalaqna ħielsa. Qalilna biżżejjed dwar il-ġejjieni biex jissodisfa l-kurżità tagħna: li dejjem se jagħtina l-għajnuna meħtieġa f’kull ċirkostanza u emerġenza tal-ħajja; li fid-diffikultajiet u l-provi se jkun dejjem magħna; li ħajjitna timxi serenament ‘il quddiem fid-dell tal-Knisja tiegħu, fid-dawl tal-lampier tas-santwarju tiegħu, taħt il-protezzjoni ħerqana u ħelwa ta’ Marija, tal-Anġli u tal-Qaddisin, bi Kristu ħdejna u f’qalbna, bid-dinja bħala darna għal ftit żmien, u s-sema bħala d-dar li qed tistenniena, fejn inkunu għal dejjem ferħanin miegħu.

Ħallu l-ġenn u l-bluha tas-sħaħar għall-pagani bla moħħ, li m’għandhom la fidi u lanqas tama. Aħna għandna r-rivelazzjoni t’Alla għal moħħna u t-tama ta’ Kristu għal qlubna. Irċevejna ċ-ċertezza divina mill-Knisja ta’ Kristu, u għandna garanzija ta’ suċċess għall-isforzi tagħna. Il-bniedem m’għandux għalfejn ikun jaf iżjed minn hekk. Ladarba jaf daqshekk, ikun assigura l-hena fiż-żmien u s-suċċess għall-eternità.

Sors: https://kosmalta.org/news/articles-in-maltese/tghid-immur-ghand-is-sahhargwida-ghat-tbassir-tal-gejjienirev.-daniel-a.-lord.html

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading