Messaġġ tal-Papa Ljun XIV fis-Solennità tal-Qaddisin Kollha. Sena A 

IL-PAPA LJUN XIV

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 1 ta’ Novembru, 2026

Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!

Is-solennità tal-Qaddsisin Kollha li qed niċċelebraw illum, hi stedina biex induqu l-hena ta’ dik il-familja bla qies ta’ rġiel u nisa li, fil-mixja tagħhom fuq il-passi ta’ Ġesù, ħajjtihom għamluha għotja lil Alla u l-proxxmu, u li, fil-mixja tagħhom lejn il-qdusija, kienu mxennqin “għall-oċejan tal-mħabba infinta” kif qalilna l-Papa Benedittu XIV fl-Enċiklika Spe salvi ( n.12).

Il-Liturġija tal-Kelma ta’ dil-festa tiddeskrivihomlna bħala “kotra kbira li ħadd ma jista’ jgħoddha, minn kull ġens u tribù, minn kull poplu u lsien” (Apok. 7,9). Tabilħaqq, illum qed niċċelebraw lill-Qaddisin kollha: kemm dawk li l-Knisja għarfithom bħala tali u wkoll il-kotra kbira mhux magħrufa li iżda magħrufin minn Alla. Kif ifakkarna l-Evanġelju tal-lum (cfr Mt 5,1-12), huma l-foqra fl-ispirtu, iżda għonja bl-imħabba t’Alla. Id-dmugħ iġelben ma’ wiċċhom iżda huma mfarrġin bit-talb. Quddiem il-vjolenza huma mansweti u l-Missier iroddilhom lura. Bil-ġuħ għall-ġustizzja iżda mxebbgħin fil-fond tal-kuxjena tagħhom. Disposti għall-maħfra u mħaddnin mill-ħniena. Safja fi qlubhom iżda mħarsin minn Alla. Bennejja tal-paċi li Alla jsejħilhom b’isimhom. Ippesegwitati u offiżi, iżda qawwija fil-fidi u fil-karità.

Veru li hu impossibbli “ngħoddu” l-qtajja ta’ dawn ħutna mhux biss numerikament: infatti ebda kalkolu ma jista’ jqis il-qdusija tant hu kbir il-ġid li l-qaddisin kollha xerrdu madawarhom fid-dinja. Aħna u nħarsu lejhom b’ammirazzjoni nsaqsu lilna nfusna: x’iġġeneraw dawn il-persuni permezz tal-grazzja t’Alla? Essenzjalment iġġeneraw ġesti u għażliet ta’ mħabba li jissuperaw il-kalkoli tar-regħba u l-prepotenza tal-ħażen li kultant donnu jidher minn fuq. Il-qaddisin irġiel u nisa huma l-aktar sinjal sabiħ u qawwi tas-Saltna t’Alla li ġejja, anzi – kif jgħallem Ġesù – li diġa tinsab fostna (cfr Lq 17,20-21). Barra minn hekk, din il-kotra mbierka tiġbor fi ħdanha sfondi, kulturi u sitwazzjonijiet tal-ħajja mill-aktar varjati: il-qdusija mhix xi privileġġ tal-ftit iżda vokazzjoni universali li tisfida lilna lkoll kull fejn inkunu ngħixu. Dan hu l-messaġġ mimli tama tal-festa tal-lum: Alla jara t-tajjeb li aħna ma narawhx, jaf stejjer li aħna ma nafuhomx, jasal fi qlub li aħna ma nistgħux ninfduhom.

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

ilbieraħ, f’Savannah, fil-Georgia, fl-stati Uniti tal-Amerika, kienu beatifikati Pedro da Corpa u erba’ sħabu, reliġjużi tal-Ordni tal-Patrijiet Minuri, li nqatlu b’mibegħda lejn il-fidi fl-1597. Kienu ġejjin minn Spanja u wieġbu b’ġenerożità għas-sejħa tal-Mulej biex jevanġelizzaw il-popolazzjoniet tal-Amerika, sa ma taw ħajjithom. Ninvokaw l-interċessjoni ta’ dawn il-martri għall-missjunarji kollha tal-Evanġelju.

Dal-ġranet ittieħdet azzjoni umanitarja favur il-popolazzjoni ċivili tal-belt ta’ Oleshky. Nawgura li l-kollaborazzjoni bejn il-partijiet, li qiegħdu fis-seħħ dan l-att ta’ umanità dovut, tkebbes ir-rieda għad-djalogu u toħloq inizjattivi ġodda u konkreti  għall-paċi. Nafdaw f’idejn il-Verġni Marija, Reġina tal-paċi, u f’idejn il-Qaddisin kollha, lil kulmin qed isofri minħabba l-gwerer f’kull rokna tad-dinja.

Mill-bieraħ, f”Dakar, il-belt kapitali tas-Senegal, beda il-Logħob Olimpku taż-Żgħażagħ għall-atleti ta’ bejn il-15 u t-18-il sena. Dan hu l-ewwel avveniment olimpiku organizzat fil-kontinet tal-Afrika. Minbarra l-kompetizzjonijiet sportivi qed isiru wkoll laqgħat edukattivi u kulturali li jippromwovu l-valuri olimpiċi u l-ħbiberija bejn iż-żgħażagħ tad-dinja kollha. Mill-ġdid qed naraw sinjal ta’ tama ġej mid-dinja tal-isports! Insellem u mbierek minn qalbi lill-parteċipanti kollha.

Mit-8 sal-15 ta’ Novembru, f’Ruma se jkun hawn il-Missjoni għall-foqra, imnedija mill-Partijiet Minuri. Nifraħ lil ulied San Franġisk li b’din l-inizjattiva, jqiegħdu lill-foqra fiċ-ċentru, kif kien jagħmel il-Mulej Ġesù u kif għamel San Franġisk ta’ Assisi. U rrodd ħajr lill-istituzzjoniet ċivili u lill-forzi tal-ordni li kkollaboraw bis-sħiħ ma’ din l-inizjattiva.

U issa nsellem lilkom ilkoll, Rumani u pellegrini minn diversi pajjiżi!

Nilqa’ bil-ferħ lill-fidili Siro-Malabresi flimkien mar-ragħajja tagħhom. Għeżież, flimkien magħkom niżżi ħajr lill-Mulej għall-iżvilupp tal-komuntajiet tagħkom fl-Ewropa kollha.

Insellem lill grupp “Capiteo“ minn Borbiago di Mira, fil-provinċja ta’ Venezja, kif ukoll lill-parteċipanti tal-“Corsa dei Santi”, li dis-sena wkoll qed jorganizzaw f’Ruma l-Missjonijiet Don Bosco biex jippromwovu l-isports bħala esperjenza edukattiva.

Għada warnosinhar, fit-tifkira tal-fidili mejtin kollha se niċċelebra quddiesa fiċ-Ċimiterju tal-Verano. Matul dal-jiem ejjew inħossuna magħqudin mal-familja bla għadd ta’ ħutna li telqu qabilna mill-pellegrinaġġ tad-dinja u nitolbu għall-mejtin, speċjalment għal dawk li ħadd ma jiftakar fihom.

Grazzi lil kulħadd u l-festa t-tajba!

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?