Omelija fit-Tifkira tal-Mejtin Kollha. Ċimiterju ta’ Verano, Ruma.

TIFKIRA TAL-FIDILI MEJTIN KOLLHA 

QUDDIESA 

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV 

Ċimiterju tal-Verano, Ruma 

It-Tnejn 2 ta’ Novembru 2026 

Għeżież ħuti, 

Ġejna hawn niċċelebraw l-Ewkaristija f’dan il-post ta’ talb u ta’ tifkira, ta’ mħabba u ta’ tama. Noffruha b’suffraġju tal-fidili mejtin, b’mod partikulari ta’ dawk li qed jistrieħu hawn u ta’ dawk li kull wieħed u waħda minna jġorr f’qalbu. 

Li nfakkru lill-fidili mejtin l-għada tas-Solennità tal-Qaddisin kollha jorjenta din it-talba tagħna. Qed induru lejn il-Missier tas-Sema biex il-ħajja tal-qdusija u tal-hena, li diġà qed igawdu tant minn uliedu, tgeżwer ir-ruħ ta’ dawk li reqdin ir-raqda tas-sliem.  

Il-fidi tagħna hi mdawla mill-Kelma li ġiet imxandra u li biha tistagħna l-kunfidenza tagħna f’dirgħajn Alla. Huma – ifakkarna l-Ktieb tal-Għerf – jistgħu jħarsu b’mod effikaċi l-erwieħ tal-ġusti: “l-ebda turment ma jmisshom” (Għerf 3:1). Din hi l-wegħda tas-salvazzjoni, li speċjalment f’dan il-jum issir il-qalba tat-talba li nerfgħu quddiem is-Sid tal-ħajja għall-fidili mejtin kollha. 

Dirgħajh ta’ missier u żguri jħarsuhom għal dejjem, hekk li jistgħu jgawdu għalkollox minn dik l-appartenenza reċiproka u vitali li l-Mulej iwiegħed lill-poplu tiegħu fil-Ktieb tal-Apokalissi: “Huma jkunu l-poplu tiegħu, u Alla nnifsu jkun magħhom, Alla tagħhom” (Apok 21:3). It-talba tagħna tinterċedi biex isseħħ din il-komunjoni eterna ta’ ħajja, imwiegħda mir-Ragħaj it-Tajjeb lin-nagħaġ tiegħu li ma jintilfux għal dejjem u li ħadd ma jaħtafhomlu minn idejh (ara Ġw 10:28). 

Għeżież, smajna l-Vanġelu tal-Beatitudnijiet (Mt 5:1-12). Huma qishom awtoritratt ta’ Ġesù, li hu stess jagħmel disponibbli għad-dixxipli tiegħu, meta jipproklama: “Henjin intom!” (v. 11). Il-Beatitudnijiet huma t-triq tal-ħajja sħiħa u mwettqa għalkollox, diġà minn issa u għal dejjem. Meta aħna nisimgħuhom jixxandru fil-Liturġija – dan nafuh –, huwa Kristu Rxoxt li qed ikellimna. U din l-aħbar ta’ salvazzjoni li huma l-Beatitudnijiet tidwi b’qawwa spiritwali partikulari f’ċimiterju, li hu bħal għatba bejn il-ħajja ta’ hawn u l-ħajja l-oħra, bejn l-eżistenza fuq din l-art u dak li hemm jistenniena wara. Ġesù Rxoxt jgħidilna: henjin dawk li jgħixu skont din it-triq, għax tagħhom hija s-Saltna tas-smewwiet. 

Fost it-tmien Beatitudnijiet tal-Vanġelu ta’ Mattew hemm waħda li llum tmissna b’mod partikulari: “Henjin dawk li issa jibku, għax huma jkunu mfarrġa” (Mt 5:4). F’dan il-mument irridu nitolbu għal dawk kollha li m’ilhomx li tilfu persuna għażiża; b’mod partikulari għal dawk li ħatfithielhom il-vjolenza assurda tal-gwerra. Jalla d-dmugħ ta’ tant ommijiet, ta’ tant tfal, ta’ tant anzjani jmiss il-kuxjenzi ta’ min għandu s-setgħa li jsikket l-armamenti! 

Fit-tmien ċentinarju mill-mewt ta’ San Franġisk ta’ Assisi, jiġini spontanju li nfakkar il-“beatitudni” li żied mal-Għanja tal-Ħlejjaq, meta fehem li tmiemu kien fil-qrib: “Laudato si’ mi’ Signore per sora nostra morte corporale, / dalla quale nullo omo vivente può scappare: / guai a quelli che morranno ne le peccata mortali; / beati quelli che troverà ne le tue santissime voluntati, / ka la morte secunda no ‘l farà male”. 

Għeżież ħuti, il-fidi fi Kristu tgħidilna li r-rabta tagħna mal-fidili mejtin ma ġietx interrotta, imma ttrasformata. Bit-talba ta’ suffraġju nsieħbu lill-għeżież tagħna lejn il-komunjoni sħiħa mal-Mulej, dik il-komunjoni li realment qed niggustaw minn qabel hawnhekk, fis-Sagrament tal-Ewkaristija. Imqanqla minn din il-fidi mimlija tama, ejjew inkomplu l-mixja tagħna fuq din l-art, fl-istennija tal-jum li fih Hu għad jixxotta kull demgħa, meta “ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed, għax għabu l-ħwejjeġ ta’ qabel” (Apok 21:4). 

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?