Ġwanni Pawlu II mal-Monaċi Nisa f’ Loreto

ŻJARA PASTORALI F’LORETO
LAQGĦA TA’ ĠWANNI PAWLU II
MAL-KOMUNITAJIET TAL-MONAĊI NISA TAL-KLAWSURA
Dar Imqaddsa ta’ Loreto (Ancona) – Il-Ħadd 10 ta’ Settembru 1995

Għeżież ħuti!

1. Huwa għalija motiv ta’ ferħ kbir, matul il-pellegrinaġġ taż-żgħażagħ Ewropej f’Loreto, niltaqa’ wkoll magħkom, li ssawru l-Komunitajiet taż-żewġ monasteri tal-belt – dak ta’ Nazaret, tal-Karmelitani Skalzi, u dak ta’ San Gabrijel tal-Addolorata, tal-Passjonisti – f’dan il-post hekk sinifikattiv, li jfakkarna fil-misteru kbir tal-Inkarnazzjoni.

Il-ħsieb tiegħi bħalissa jmur lejn il-Klawstrali kollha tal-Italja u tad-dinja. Għeżież ħuti, intom rappreżentanti ta’ dik il-vokazzjoni speċjali għall-ħajja kontemplattiva mifruxa tul l-istorja kollha tal-Knisja, u tfakkru lil kulħadd fl-urġenza li nimxu kontinwament lejn il-laqgħa definittiva u hienja tagħna ma’ Alla. Din hi xhieda partikularment meħtieġa fi żmienna, hekk qrib issa lejn il-Ġublew il-kbir tas-sena 2000. Għaldaqstant, hu sinifikattiv is-sehem spiritwali tagħkom fil-laqgħa ekkleżjali taż-żgħażagħ Ewropej, li ġew Loreto biex isibu enerġiji mġedda fil-pellegrinaġġ li se jwassalhom għall-ġrajja kbira tal-millennju l-ġdid tal-Kristjaneżmu.

2. Id-Dar Imqaddsa, is-Santwarju li fih ninsabu, ifakkarna fl-importanza fundamentali li kellha għas-salvazzjoni tal-bniedem l-“iva” ta’ Marija għas-sejħa tal-Mulej. X’inhi l-ħajja fil-klawsura jekk mhux it-tiġdid kontinwu ta’ “iva” li tiftaħ il-bibien tagħha biex tilqa’ lis-Salvatur? Intom tlissnu din l-“iva” fil-kunsens ta’ kuljum tagħkom għall-opra divina u fil-kontemplazzjoni assidwa tal-misteri tas-salvazzjoni.

B’dan il-mod, mingħajr ma timxu b’mod materjali, intom tgħixu pellegrinaġġ spiritwali tagħkom, li mill-misteru li seħħ fid-Dar Imqaddsa jieħu l-ispirazzjoni tiegħu u l-orjentament tiegħu. Huwa proprju grazzi għall-istabbiltà u għall-klawsura li intom tgħaddu mid-“dehra ta’ din id-dinja” mingħajr ma teħlu mal-ħwejjeġ ta’ hawn isfel, imma tibqgħu f’tensjoni kontinwa lejn id-destinazzjoni.

Il-monaka, pellegrina fil-klawsura tagħha, hi dejjem f’mixja lejn il-Mulej. Kull għodwa ġdida tista’ tgħanni mas-Salmista: “Alla, Alla tiegħi int; lilek ħerqan infittex. Ruħi bil-għatx għalik… Għalhekk ġejt narak fit-tempju mqaddes tiegħek” (Salm 63:1,3). U mal-Għarusa tal-Kantiku tista’ tgħid: “Ħa nqum, għalhekk, u mmur indur mal-belt, u fit-triqat u l-pjazez noqgħod infittex il-maħbub ta’ qalbi” (Għanja 3:2).

3. Fil-monasteru kollox hu orjentat għat-tiftix tal-Wiċċ ta’ Alla, kollox imur lura għall-essenzjal, għax huwa importanti biss dak li jqarreb lejh. Il-ġabra monastika tfisser attenzjoni għall-preżenza ta’ Alla: jekk wieħed jintilef f’ħafna ħwejjeġ, il-mixja tieħu iktar fit-tul u jitlef minn quddiem għajnejh id-destinazzjoni.

Ħafna żgħażagħ illum huma sensibbli għal dak li jsejħilhom għalih il-pellegrinaġġ. Huma jsibu madwarhom dinja spiss sajma mill-valuri spiritwali u minn ideali veri: għal ħafna dak li jgħodd hu li jgawdu l-ġurnata tal-lum, jiddefendu l-interessi tagħhom, anki jekk dan jiswa prezz lill-oħrajn, sal-punt li lesti jgħaffġu u jagħmlu vjolenza. Il-pellegrinaġġ f’Loreto jista’ jkun l-okkażjoni t-tajba biex nirreaġixxu għal kuntest uman hekk rgħib u deludenti. Il-waqfa fid-Dar Imqaddsa ssir għalihom stedina biex jirriflettu fuq il-valuri awtentiċi u jiftħu l-qalb tagħhom għall-ixfqa wiesgħa tal-fidi u tal-imħabba.

Għeżież ħuti, minn ġewwa l-monasteri tagħkom intom tistgħu tħossukom profondament solidali ma’ dawn iż-żgħażagħ, u tweżnuhom bit-talb tagħkom u bis-sagrifiċċji tagħkom fit-tiftix tat-tweġiba li tista’ tagħti l-paċi lil qalb imħassba. It-tweġiba – dan intom tafuh – hija Kristu, Kelma tal-Missier, li tlaħħmet biex issalva lill-bniedem.

4. Għalhekk, kemm hi prezzjuża l-vokazzjoni tagħkom ta’ konsagrazzjoni speċjali! Hi tabilħaqq don li jseħħ fil-qalba tal-misteru tal-komunjoni ekkleżjali, waqt li ssieħeb il-missjoni appostolika ta’ dawk li jistinkaw biex iħabbru l-Vanġelu. Ta’ importanza unika hu s-sehem li intom imsejħin toffru b’risq l-impenn tal-Knisja għall-evanġelizzazzjoni l-ġdida, fuq kollox issa li qed joqrob il-Ġublew il-Kbir. Kif l-Appostli, miġbura fit-talb ma’ Marija u nisa oħra fiċ-Ċenaklu, imtlew bl-Ispirtu s-Santu (ara Atti 1:14), hekk il-komunità ta’ dawk li jemmnu llum tħoss li tista’ dduq, grazzi anki għat-talb tagħkom, Pentekoste ġdid għal xhieda evanġelika iktar effikaċi fuq l-għatba tal-millennju l-ġdid.

Għeżież ħuti, f’idejn Marija, Verġni fidila u Għamara kkonsagrata ta’ Alla, nafda l-Komunitajiet tagħkom u lil kull waħda minnkom, kif ukoll lil dawk li jaspiraw li jaqsmu fl-istess esperjenza spiritwali tagħkom. Ħa taqlgħalna Omm il-Mulej il-grazzja li minn Loreto jilma mill-ġdid fl-Ewropa, permezz taż-żgħażagħ li ġew hawn f’pellegrinaġġ, raġġ ta’ dak id-dawl li dawwal lid-dinja meta l-Verb ħa l-ġisem u għammar fostna!

Lilkom ilkoll nagħtikom il-Barka tiegħi.

Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?