ŻJARA PASTORALI F’LORETO
ĠWANNI PAWLU II
ANGELUS
Loreto (Ancona) – Il-Ħadd 10 ta’ Settembru 1995
Għeżież Żgħażagħ!
1. Inħossni grat għall-atmosfera ta’ ferħ, li ġibtu magħkom hawn, f’Loreto, minn tant pajjiżi tal-Ewropa. Għaqqadtu flimkien l-ilħna tagħkom u l-ilwien tal-bnadar tagħkom f’qawsalla ta’ tama. Tajtu xhieda lid-dinja tas-sigriet tal-fraternità li joħroġ mill-Familja Mqaddsa ta’ Nazaret.
Minnkom togħla ’l fuq għajta ta’ paċi. Nitlobkom tkomplu tgħolluha b’aktar saħħa, insistenti, biex issikket l-istorbju tal-armi, u tmiss il-qlub ta’ dawk li huma responsabbli għall-vjolenzi li qed iċappsu lill-Ewropa u lid-dinja bid-dmija. Kunu messaġġiera tal-paċi. Dan nitolbu b’mod partikulari lilkom, żgħażagħ nisa: kunu “edukaturi tal-paċi”, b’dak kollu li intom u b’dak kollu li tagħmlu (Messaġġ għall-Jum Dinji tal-Paċi, 1 ta’ Jannar 1995, n. 2).
2. U waqt li ninsabu fid-dar ta’ Marija, il-mara perfetta, kif nistgħu ma nixħtux ħsiebna fuq il-Konferenza li qed tiltaqa’ f’Beijing dwar il-qagħda tan-nisa fid-dinja? F’din il-laqgħa kbira qed joħorġu linji ta’ azzjoni li huma ta’ tama kbira għall-prospettiva globali ta’ dinja iżjed ġusta u fraterna. B’xorti ħażina ma jonqsux, fuq xi punti, orjentamenti diskutibbli. Tagħkom hu d-dmir li twettqu dixxerniment attent u kuraġġuż. Agħrfu ilqgħu t-tajjeb kull fejn dan iwarrad. Imma rrifjutaw dak li hu kontra l-pjan ta’ Alla u, għaldaqstant, kontra d-dinjità tal-bniedem ukoll. Proprju dan il-messaġġ ħareġ tletin sena ilu mill-Konċilju Vatikan II, fuq kollox mill-Gaudium et spes, il-Kostituzzjoni fuq il-Knisja fid-dinja tal-lum. Bħala kuruna tal-laqgħa sabiħa tagħkom, nixtieq nerġa’ nagħtikom f’idejkom dan id-dokument prezzjuż u dejjem żagħżugħ. Erġgħu aqrawh b’attenzjoni. Fih issibu dawl fuq kif tiddeċifraw il-vokazzjoni tagħkom ta’ rġiel u nisa, li msejħin tgħixu, f’dan iż-żmien mill-isbaħ u fl-istess ħin drammatiku, bħala nissieġa ta’ fraternità u bennejja tal-paċi.
3. Marija Santissima, li f’dawn il-jiem ġabritna hawn fid-dar tagħha, tbierek liż-żgħażagħ tal-Ewropa u tad-dinja. Tgħin lil kulħadd jiskopri mill-ġdid id-dimensjoni tal-familja fir-relazzjonijiet reċiproċi, lil hemm mid-differenzi, mill-konfini nazzjonali, mill-ġrieħi li ġabu l-mibegħda tal-passat u l-vjolenzi tal-preżent. Tagħtina hi mill-ġdid lil Kristu, is-Sultan tal-paċi.
Fi tmiem l-Angelus, Ġwanni Pawlu II sellem għall-aħħar darba liż-żgħażagħ preżenti fid-diversi espressjonijiet lingwistiċi. Ta’ dawn id-diversi tislimiet, imlissna fi 22 lingwa, qed nippubblikaw it-traduzzjoni Taljana:
Nixtieq insellmilkom għall-aħħar darba, għeżież żgħażagħ, fil-lingwi rispettivi tagħkom.
Fl-Albaniż:
Kunu qawwija u ġenerużi fil-fidi u fil-promozzjoni umana.
Fil-Bulgaru:
Wasslu f’pajjiżkom il-messaġġ ta’ tama ta’ Loreto.
Fiċ-Ċek:
Iddefendu f’isem Kristu d-drittijiet tal-iktar dgħajfa.
Fil-Kroat:
Imlew bl-imħabba u l-ġustizzja l-vojt li ħaffret il-vjolenza.
Fil-Fjamming:
Għeżież ħbieb, tgħallmu minn Marija kif timxu dejjem wara Kristu.
Fil-Franċiż:
Għeżież ħbieb, il-Madonna timxi magħkom dejjem. Niltaqgħu Pariġi!
Fil-Grieg:
Ilqgħu bħal Marija l-Kelma ta’ Alla biex twassluha fid-dinja.
Fl-Ingliż:
Ħudu fil-pajjiżi tagħkom il-messaġġ ta’ tama u ta’ paċi li rċivejtu f’dawn il-jiem!
Fit-Taljan:
Wasslu fil-komunità ekkleżjali u soċjali l-Vanġelu tal-karità.
Fil-Latvjan:
Kunu xhieda umli u qalbiena tal-verità.
Fil-Litwan:
Ħa jkun għalikom dejjem is-Salib ta’ Kristu sinjal ħaj ta’ tama.
Fil-Pollakk:
Insellem minn qalbi liż-żgħażagħ tal-Polonja! Meta nħares lejkom, li f’għadd hekk kbir qed tieħdu sehem fil-pellegrinaġġ taż-Żgħażagħ Ewropej lejn is-Santwarju tal-Madonna ta’ Loreto, niftakar fil-Jum Dinji taż-Żgħażagħ f’Jasna Góra, f’Czestochowa, fis-sena 1991. Loreto hi tappa oħra fl-istess mixja spiritwali, fejn iż-żgħażagħ Insara tad-dinja kollha jistqarru l-fidi tagħhom fi Kristu “Triq, Verità u Ħajja” (ara Ġw 14:6).
Fil-Portugiż:
Il-paċi ta’ Kristu Rxoxt tkun dejjem fi qlubkom!
Fir-Rumen:
Kunu fil-Knisja qalb waħda u ruħ waħda.
Fir-Russu:
Għeżież żgħażagħ, wasslu fis-soċjetà d-dawl tal-Vanġelu!
Fis-Serb:
Għelbu kull xejra ta’ vjolenza u ta’ inġustizzja bil-qawwa tal-imħabba Nisranija.
Fis-Slovakk:
Kunu fidili għall-għeruq Insara taċ-ċiviltà Ewropea.
Fis-Slovenn:
Ħa jkun il-Vanġelu d-dawl tal-ħajja tagħkom u l-kriterju tal-għażliet tagħkom.
Fl-Ispanjol:
Qatt la tegħjew timxu fit-toroq tal-Vanġelu!
Fil-Ġermaniż:
Kunu xhieda ta’ Kristu, li bis-Salib tiegħu feda lid-dinja!
Fl-Ukren:
Ippromovu l-għaqda tal-Insara bid-djalogu u r-rikonċiljazzjoni.
Fl-Ungeriż:
Kunu xhieda tal-Vanġelu f’kull ambjent tal-ħajja.
Għeżież żgħażagħ tal-Ewropa, u intom kollha li ridtu tingħaqdu magħhom minn kontinenti oħra għal din il-laqgħa: imxu fit-tama lejn it-tielet millennju tal-Kristjaneżmu. Il-Verġni Mqaddsa, Omm ta’ Kristu u Omm tagħna, tmexxi dejjem il-passi tagħkom!