Il-Ġimgħa, 10 ta’ Frar 2017 Messaġġ mill-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex għal Il-Leħen.
Messaġġ mill-E.T. Mons. Mario Grech
Dan il-ġurnal kien u għadu għodda providenzjali għall-missjoni evanġelizzatriċi tal-Knisja lokali. Huwa serva u għadu jservi bħala leħen il-Knisja li hija fid-dmir li tgħin lill-qarrejja jaqraw u jinterpretaw il-ġrajjiet tal-istorja mil-lenti Nisranija.
Nifhem li ġurnalist Kattoliku jilbes nuċċali differenti minn dak ta’ sieħbu lajk. Ġurnalist Kattoliku għandu joqgħod attent li ma jinqatax mid-dinja ta’ madwaru (bħal fil-każ meta jirrapporta biss dak li jiġri fil-Knisja) u hekk ikollna Knisja li fi kliem il-Papa Franġisku hija “awtoreferenzjali”. Huwa ma għandux jibża’ jsegwi ġrajjiet kurrenti, imma bl-għajnejn ta’ wieħed imħarreġ fil-Vanġelu u mhux biss fis-soċjoloġija, l-ekonomija jew il-politika! Personalment inħoss li f’pajjiżna għadna neqsin minn dan il-ġurnaliżmu Kattoliku.
Filwaqt li nawgura li l-ġurnal jibqa’ joffri dan is-servizz, napprezza wkoll jekk jgħin lill-Knisja tifli lilha nfisha – għax meta Knisja tingħalaq fiha nfisha u ma tibqax tagħmel aġġornament, hija timrad. Ma għandniex nibqgħu lura milli nikkonfrontaw il-mudell ta’ Knisja li għandna f’pajjiżna mal-ekkleżjoloġija proposta mill-Papa Franġisku, u flimkien nimmaturaw l-għażliet li jeħtiġilna nagħmlu. Din ir-riflessjoni hija meħtieġa u urġenti, għax inkella nistgħu ninsewha “l-konverżjoni pastorali” li qed jitolbuna nagħmlu mhux biss il-Papa imma anki l-bniedem kontemporanju.
Inħossni grat ħafna lejn id-direzzjoni u l-kontributuri ta’ dan il-ġurnal.
10 ta’ Frar 2017
Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex