Insibu Postna


Il-Ġimgħa 12 ta’ Mejju 2017: Omelija mill-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech fil-150 Anniversarju tad-Dedikazzjoni tal-Knisja Parrokkjali Bażilika ta’ San Pietru u San Pawl, in-Nadur.

Awdjo bil-kortesija ta’ Radju Luminaria

 

Kemm hija ħaġa kerha meta f’ħajjitna jkollna waqtiet fejn ma nkunux inħossuna f’postna! Meta ma tkunx f’postok, xejn ma jagħmlek kuntent u ma tkunx tista’ ssib kwiet. Mhux faċli ssib postok fil-ħajja! L-esperjenza tixhdilna li rridu nimpenjaw ruħna sewwa, speċjalment meta nkunu għadna żgħar, biex meta nikbru nsibu postna fis-soċjetà. Min-naħa l-oħra, il-fatt li tkun kbirt fis-snin mhux bilfors ifisser li tkun sibt postok – tant li hawn min sar adult u għadu ma sabx postu, u għalhekk il-ħin kollu għaddej minn ħaġa għall-oħra… u jsir bħal a rolling stone that gathers no moss. Barra minn hekk, hemm min minħabba l-karattru tiegħu mhux kapaċi jżomm postu!

Meta tkun għadek student normalment ikollok ix-xewqat u l-aspirazzjonijiet tiegħek u tistinka ħafna biex tasal issib postok, fis-sens li jkollok okkupazzjoni definittiva. Imma llum, minħabba l-kunċett ta’ mobbiltà anki fix-xogħol, kważi ebda post ma joffri stabbiltà u sodisfazzjon biżżejjed u kapaċi nitħajru ngħaddu minn post għal ieħor.

L-istess jiġri fir-relazzjonijiet affettivi. Qisha saret parti mill-kultura tagħna li wieħed jgħaddi minn relazzjoni għall-oħra, u mhux lakemm wieħed jasal biex jgħid li affettivament ikun sab postu! Sa ftit snin ilu, meta wieħed kien jiżżewweġ, kien ikun konvint li dak iż-żwieġ huwa postu, imma llum l-affarijiet inbidlu bil-kbir. Nosservaw li llum iż-żgħażagħ mhux qegħdin jiżżewġu ta’ età żgħira għax iridu ż-żmien biex jikkonvinċu ruħhom li posthom ikun f’dik ir-relazzjoni partikulari – fil-fatt, ġieli jiġri li meta żagħżugħ jidħol f’relazzjoni stabbli, jibda jinħakem minn ċerti dubji, inċertezzi u beżgħat! Imbagħad hemm dawk li affettivament isibu posthom u jiżżewġu, imma għal xi raġuni jew oħra jerġgħu jaqgħu jew iwaqqgħuhom minn posthom… u għalhekk ikollhom jaffrontaw mill-ġdid dak il-proċess biex jerġgħu jsibu posthom.

Hemm imbagħad dawk li jibqgħu ma jsibux posthom fil-mod kif jaħsbu, jirraġunaw u jiddeċiedu – jew għax ikunu nieqsa mill-maturità jew għax jinfixlu fil-ħsieb dgħajjef ta’ żminijietna. Ir-relattiviżmu tal-lum jagħmilha diffiċli li l-ħsieb tal-bniedem isib postu.

Quddiem din is-sitwazzjoni laqtitni sentenza li nsibu fil-Vanġelu meta Ġesù jgħid li sejjer iħejjilna post fejn noqogħdu (Ġw 14:3). Fi kliem ieħor Ġesù qed joffrilna li jagħtina post fil-ħajja fejn aħna jkollna ħsibijiet ċari, trankwillità u serenità. Ġesù qed jgħidilna: Tħallux qalbkom titħawwad, għax jien ngħinkom issibu postkom fil-ħajja.

Ħafna drabi, biex infittxu nsibu post tajjeb, aħna nagħmlu proġett li naħsbu li jista’ jwassalna f’dak il-post; nippruvaw niksbu għarfien sħiħ, ċert u veritier li jgħinna niżguraw il-post li nixtiequ. Imma Ġesù ma joffrilniex triq jew għarfien, imma joffrilna lilu nnifsu meta jgħid: Jien hu t-triq u l-verità!

Għalhekk, biex isib postu n-Nisrani ma għandux bżonn ta’ road map jew xi damma/ktieb bit-tagħrif, imma jeħtieġlu jidħol f’relazzjoni personali ma’ Ġesù. In-Nisrani li jrid isib postu għandu bżonn tal-persuna ta’ Ġesù Kristu. Min jiltaqa’ ma’ Ġesù jkun sab it-triq u s-sewwa li jgħinuh iżomm postu fil-ħajja. Jien ċert li fil-ħajja ġieli ltqajna ma’ persuni li kienu sereni u f’posthom, u dan għaliex f’ħajjithom kienu ltaqgħu ma’ Ġesù. Min ikollu din il-laqgħa ma’ Kristu, għandu garanzija li f’ħajtu jħossu f’postu anki jekk madwaru jkun hemm ħafna affarijiet li ma humiex f’posthom. Irridu nemmnu li jekk inħallu lil Ġesù jakkumpanjana, anki jekk ħajjitna tkun ħafna biċċiet, naraw dawn il-biċċiet jaqgħu f’posthom.

Meta mija u ħamsin sena ilu din il-Bażilika ġiet iddedikata, Alla sab postu fi ħdan din il-komunità parrokkjali. Huwa sab postu hawn biex il-bnedmin isibu posthom. Ġesù jgħammar f’din id-dar biex ikun qrib tagħna ħalli jgħinna nsibu postna, u meta nsibu postna, ma nitilfuhx! Din hija l-missjoni tal-Knisja: li tgħin lill-bniedem jiltaqa’ ma’ Ġesù li huwa t-triq, il-verità u l-ħajja, biex il-bniedem ikun kapaċi jżomm postu fil-ħajja. Huwa minnu li xi drabi aħna n-nies tal-Knisja flok ma ngħinukom issibu postkom, inħawdukom! Imma din hija l-missjoni tal-Knisja vera: li tgħin lill-bniedem u lis-soċjetà jħossuhom f’posthom. “Tħallux qalbkom titħawwad” jekk is-soċjetà għadha ma sabitx postha – ħa nidħlu f’rabta aktar mill-qrib ma’ Ġesù, u Ġesù jħejjilna post li jixirqilna.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: