Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > Kbir int, O Mulej!

Kbir int, O Mulej!


“Kbir int, O Mulej, u jixraqlek l-akbar tifħir. Kbira hija l-qawwa tiegħek u kbir hu l-għerf infinit tiegħek” (Stqarrijiet, Ktieb 1:1). Magnus es, domine, et laudabilis valde: magna virtus tua, et sapientiae tuae non est numerus. nnDan il-vers li bih jiftaħ il-ktieb tal-Istqarrijiet ta’ Santu Wistin narah ferm applikabbli f’kull sena akkademika li jniedi u li jtemm l-Istitut Agostinjan. Dan il-kliem tan-nar, ħiereġ mill-qalb taħraq għall-Mulej ta’ Wistin, stajt narah jiġi mwettaq b’mod mill-isbaħ f’din is-sena akkademika li għadha kemm intemmet u kif ukoll fiċ-ċerimonja tal-għoti taċ-ċertifikat tal-attendenza għal xi wieħed jew aktar mill-korsijiet li organizza l-istess Istitut. Din iċ-ċerimonja seħħet nhar il-Ġimgħa 24 ta’ Marzu 2017 fis-sede tal-Istitut, jiġifieri fil-Kulleġġ ta’ Santu Wistin fil-Pietà.

Il-mistieden tal-unur tas-serata kien il-Pro-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Professur Joe Cacciottolo. Fid-diskors tiegħu Professur Cacciottolo fisser is-soddisfazzjon tiegħu għall-fatt li ġie mistieden iqassam iċ-ċertifikat ta’ Attendenza fi tmiem sensiela ta’ korsijiet li saru ġewwa l-Istitut Agostinjan fis-sena akkademika 2016-2017. Il-Professur Cacciottolo fisser ukoll li kull meta jkun qed imexxi okkażjonijiet bħal dawn huwa dejjem jistaqsi lil premjati jekk dak li kien daħlu għalih kienx ta’ siwi għalihom u jekk tgħallmux xi ħaġa aktar għall-ħajja issa li, f’dan il-każ, kienu temmew sena ta’ korsijiet dwar Santu Wistin. Huwa ħassu tabilħaqq kuntent għall-fatt li l-parteċipanti kollha esprimew mhux biss soddisfazzjon u apprezzament kbir għall-livell tal-kontenut akkademiku li offra l-Istitut Agostinjan din is-sena, bħas-snin l-imgħoddija, imma wkoll li bis-sehem tagħhom f’dawn il-korsijiet issuktaw isiru jafu u jitgħallmu ħafna aktar dwar il-ħajja, il-ħsieb u l-kitbiet ta’ dan il-kbir u magħruf mgħallem tal-Knisja u qaddis, Wistin ta’ Ippona. Il-parteċipanti kollha issa kienu qed jistennew b’ħerqa kbira li jfittxu jerġgħu jibdew jattendu s-sena akkademika li jmiss, jiġifieri dik tas-sena 2016-2017.

Il-Professur Cacciottolo fisser ukoll kif huwa, personalment, iħossu hekk miġbud u miklub sabiex isir jaf aktar dwar it-tagħlim ta’ Santu Wistin u stqarr li hekk kif ikollu ftit tal-ħin fuq idejh huwa wkoll xtaq jidħol iktar fil-fond dwar xi aspetti tad-duttrina ta’ dan il-qaddis għaref. Professur Cacciottolo fisser ukoll li fil-ktieb tiegħu, eżattament fl-ewwel volum ta’ The Maltese Legal System (2013), f’paġni 6 u 7, huwa ma setax ma jiktibx dwar il-ħiliet ta’ Wistin u l-wirt li ħalla fil-kitba kif ukoll fil-prattika, kemm bħala filosfu, politiku u anki bħala mħallef fi tribunali ċivili.

Professur Cacciottolo imbagħad radd ħajr lit-tmexxija tal-Istitut Agostinjan, iktar u iktar għall-fatt li beda jsir midħla tal-ħeġġa u tas-serjetà tat-tħejjija fil-korsijiet tat-teoloġija fil-Fakultà tat-Teoloġija u fid-Dipartiment tal-Filosofija tal-Università ta’ Malta mid-Direttur tal-Istitut, Patri Salvinu Caruana OSA. Huwa faħħar ukoll l-inizjattiva dwar it-tagħlim ta’ Santu Wistin fl-istess Università bis-saħħa tas-suċċess tal-lecture annwali li din is-sena se jaħbat l-għoxrin edizzjoni tiegħu. Filwaqt li feraħ lil dawk kollha li kienu telgħu għaċ-ċertifikat Professur Cacciottolo aktar feraħ l-għaliex lemaħ u għaraf uċuh ta’ bnedmin ġejjin minn għadd ta’ mixjiet fil-ħajja Maltija ta’ kuljum u li għadhom isibu ħin sabiex, flimkien mal-ħidmiet tagħhom ta’ kuljum, isibu wkoll dak il-ħin biex isaħħu kemm twemminhom kif ukoll għerfhom. Sintendi, speċjalment b’dak li jiksbu mit-tagħlim ġewwa l-Istitut Agostinjan. Professur Cacciotolo temm kliemu billi awgura titjib sħiħ fis-saħħa lil Patri Salvinu sabiex, bil-għajnuna t’Alla, jissokta ħidmietu ta’ tagħlim hekk apprezzat fl-Università ta’ Malta u kif ukoll fit-tmexxija tal-Istitut Agostinjan.

Fid-diskors tiegħu, Rev Professur Patri Salvinu Caruana OSA, id-Direttur tal-Istitut Agostinjan, b’sodisfazzjon innota ż-żjieda fin-numru ta’ parteċipanti fil-korsijiet meta mqabbel ma’ snin akkademiċi oħra fil-passat. Patri Salvinu faħħar il-ħila li wrew l-għalliema fil-korsijiet kollha li organizza l-Istitut. Ibda’ mill-kors ta’ Santu Wistin għal kulħadd. Qal li l-għażla tagħhom kienet tabilħaqq eċċellenti. Il-lezzjonijiet kienu mill-aktar interessanti u ta’ livell akkademiku għoli. Dan jixhduh l-uċuh sodisfatti, mimlija gratitudni u ta’ ferħ tal-parteċipanti wara kull lezzjoni li saret. L-istil tal-lezzjonijiet kien sempliċi, ċar u mifhum minn kulħadd.

It-20th Annual Saint Augustine Lecture ġie magħmul mill-Professur Rev. Dr Michael J. Bruno. Profs Bruno jgħallem fit-Theological Seminary ta’ New Your fl-Istati Uniti. Profs Bruno offra li jħallas kwart tal-ispejjeż tiegħu biex ikun jista’ jiġi jagħti l-lecture f’pajjiżna. Dan l-għaliex l-Università ta’ Malta toffri għajnuniet limitati għall-kelliema-mistiedna li huma barra mill-Ewropa. Dan l-avveniment ingħata pubbliċità kbira fil-midja lokali, speċjalment fil-Kamp tal-Università. Il-kelliem wera ħila kbira fit-trattament tal-idejat politiċi ta’ Santu Wistin. Dan kien ukoll is-suġġett tat-teżi tad-Dottorat fit-Teoloġija li Profs Bruno għamel fl-2013 fl-Università Pontifiċja tal-Lateran f’Ruma. Preżentement Rev Profs Bruno huwa viċi Kappillan fil-Parroċċa ta’ San Luqa u kif ukoll Professur aġġunt ta’ St. Joseph’s Seminary f’ Dunwoodie, ġewwa New York fl-Istati Uniti.

Patri Salvinu irringrazzja lil Rev Professur Hector Scerri, Direttur tal-Fundazzjoni tal-Istudji Teoloġiċi tal-Arċidjoċeżi ta’ Malta, għas-sapport finanzjarju tal-avveniment, lill-Provinċja Agostinjana Maltija fil-persuna ta’ Patri Pierre Desira OSA, l-ekonomu provinċjali u anki lid-Dipartiment tal-Finanzi tal-Università.

Il-Lectio Augustini ta’ din is-sena wkoll kienet ta’ suċċess kemm fin-numru tal-parteċipanti u kif ukoll fl-għażla tal-għalliema li kienu imħejjija sewwa fil-qasam tagħhom. Is-suġġett ta’ din is-sena kien L-Ibliet ta’ din id-dinja u l-Belt ta’ Alla. Patri Salvinu iżża ħajr lill-Professur Anthony Dupont, minn KU Leuven fil-Belġju, li ta żewġ lectures brillanti fl-Istitut. Profs Dupont ħejja wkoll sensiela ta’ preżentazzjonijiet bil-PowerPoint. Huwa ta lecture ukoll fil-Unit Philosophy of Augustine, fid-Dipartiment tal-Filosofija fil-Fakultà tal-Arti fl-Università ta’ Malta.

Patri Salvinu qal li minkejja l-problemi li kellu jaffaċċja dwar saħħtu xorta waħda baqa’ jaħseb u joħlom biex l-Istitut Agostinjan dejjem jeċċella. L-inkurunazzjoni tal-impenn kostanti tiegħu kien is-City of God Seminar, li din is-sena ġab f’pajjiżna lill-Eminenza tiegħu Kardinal Gianfranco Ravasi, il-President tal-Kummissjoni Pontifiċja għall-Arkeoloġija Sagra. Kardinal Ravasi hu Membru tal-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni għall-Evanġelizzazzjoni l-Ġdida u President tal-Kunsill Pontifiċju għad-Djalogu Interreliġjuż. Dan l-avveniment seħħ nhar it-Tlieta 24 ta’ Jannar. Patri Salvinu irringrazzja wkoll lil Madre Provinċjali tal-Agostinjani, Sr Rachel Frendo, u lil Sr Veronica Gerada, il-Kap tal-iskola ta’ Santa Monika fil-Gżira, li pprovdew is-sala ewlenija tal-iskola u l-foyer.

Patri Salvinu irringrazzja għadd ta’ nies oħra fosthom lis-segretarja tal-Istitut, Ms Antoinette Borg, għad-dedikazzjoni tagħha; lill-Provinċjal tal-Agostinjani, Patri Dr Ray Francalanza OSA u lil Patri Pierre Desira OSA, għas-sapport finanzjarju u kull tip ta’ sapport ieħor li jagħtu lill-Istitut; lill-Familja Caruana, jiġifieri Vince, Rita u Diane; lil Rev Dr Mark Sultana, Direttur tal-Istitut Għall-Formazzjoni Pastorali; lil Frans Żammit; lis-Sorijiet Klarissi; lil Matthew Borg u lid-direttriċi ta’ Campus FM, Celaine Buhaġiar. Patri Salvinu irrangrazzja wkoll lili. Imma naħseb li huwa jien li rrid nirringrazzjah l-għaliex meta ressaqni lejn Santu Wistin f’ħajti fetaħli orizzonti kbar!

Fl-ewwel kapitlu tar-Regola tiegħu Santu Wistin jikteb hekk: “L-ewwel ħaġa, li minħabba fiha intom inġbartu flimkien, hi li tgħixu għalenija fid-dar ħalli jkollkom ruħ waħda u qalb waħda f’Alla”. Dan huwa l-għan li jrid iwassal għalih permezz tal-formazzjoni akkademika u anki spiritwali li jagħti l-Istitut Agostinjan, fuq il-passi ta’ Santu Wistin.

Sir int ukoll parti mill-familja kbira Agostinjana fis-sena akkademika li jmiss, 2017-2018! Kbir int, O Mulej!

Patri Mario Attard OFM Cap

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: