Home > Aħbarijiet > Il-Kummissjoni Ambjent dwar il-valur tas-siġar

Il-Kummissjoni Ambjent dwar il-valur tas-siġar


Il-Ġimgħa, 1 ta’ Settembru 2017: Stqarrija mill-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent fl-okkażjoni tal-Jum ta’ Talb għall-Kura tal-Ħolqien

Fil‑Bibbja spiss insibu referenza għas‑siġar. Saħansitra tissemma’ wkoll “is‑siġra tal‑ħajja”. Minbarra it‑tifsira metaforika li jista’ jkollhom, is‑siġar huma ta’ ġid kbir għall‑umanità kollha. Il‑kontribut tagħhom għal għixien aħjar imur lil hinn mill‑ispirazzjoni li joffru lill‑poeti, artisti u mużiċisti ta’ kull żmien. Minbarra li jipprovdu l‑materja prima għal għadd ta’ prodotti, huma indispensabbli biex titnaddaf l‑arja mill‑gassijiet velenużi u minn tniġġis ieħor, joħolqu ambjent frisk u lqugħ mix‑xemx l‑aktar fis‑sajf, u spazju rikreattiv fejn kulħadd jista’ jgawdi s‑sbuħija tan‑natura kemm fl‑ambjent rurali kif ukoll f’dak urban.

Il‑Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) tinnota b’sodisfazzjon li l‑gvern ser jibda kampanja ta’ tħawwil ta’ siġar f’Kemmuna u f’partijiet oħra tal‑gżejjer Maltin. Din id‑deċiżjoni hija ta’ min ifaħħarha. Il‑KA tittama u tawgura li l‑Gvern mhux biss iżomm, imma jsaħħaħ l‑impenn tiegħu f’dan ir‑rigward, u li jimpenja l‑aktar nies kwalifikati fil‑qasam. Il‑KA tittama wkoll li jiżdiedu ż‑żoni li fihom issir afforestazzjoni.

Sabiex l‑impenn favur is‑siġar ikun sostnut, il‑KA tissuġġerixxi dan li ġej:

  1. It‑taħwil ta’ siġar ikun inkluż fil‑bini ta’ toroq li ser ikunu mibnija mill‑ġdid matul is‑seba’ snin li ġejjin skont il‑pjan tal‑Gvern ta’ €700 miljun

Il‑KA tinnota li l‑Gvern nieda proġett kbir ta’ rikostruzzjoni ta’ toroq. Hija tappella lill‑awtoritajiet li jaraw li jsir minn kollox biex it‑taħwil ta’ siġar ikun integrat fid‑disinn tat‑triq, fejn dan ikun teknikament possibli. Jeżistu toroq wisgħin biżżejjed li jippermettu li jiddaħħlu s‑siġar. Hemm diversi speċi ta’ siġar li huma adatti għal dawn it‑toroq. F’pajjiżna hawn għadd ta’ nies professjonali li żgur kapaċi jgħinu lill‑awtoritajiet jagħmlu l‑aħjar għażliet f’dan il‑rigward. Fl‑istess ħin nappellaw lil Transport Malta li ma tqisx it‑toroq sempliċiment bħala passaġġ għall‑karozzi, imma żżomm f’moħħha li dawn jintużaw min‑nies li, għal ġid ta’ saħħithom, jeħtieġ jibqgħu f’kuntatt man‑natura anke f’ambjent urban.

  1. Jitħawlu siġar f’ambjenti urbani u tiġi emendata l‑Ordni dwar in‑Notifikazzjoni tal‑Iżvilupp

Ilha żmien issir ħsara lis‑siġar fl‑ambjent urban. Għal żmien twil ilhom jiġu meqjusa bħala xkiel għal proġetti, kemm pubbliċi kif ukoll privati. Għalkemm wieħed jifhem li f’ċerti każi, ma jkunx hemm għażla oħra għajr li jitneħħew, il‑KA mhix konvinta li jkun sar dak kollu possibbli biex is‑siġar f’żoni urbani jkunu mħarsa. Il‑maġġoranza tal‑poplu Malti tgħix f’ambjent urban. Is‑siġar fl‑ambjent urban għandhom impatt dirett, immedjat u intimu fuq ir‑residenti f’dawn iż‑żoni. Kif inhi l‑liġi bħalissa, l‑Ordni dwar in‑Notifikazzjoni Dwar Żvilupp (DNO) tippermetti li jsir żvilupp bi ftit li xejn ħtieġa ta’ notifika lill‑Awtorità tal‑Ippjanar, bir‑riżultat li s‑siġar f’żoni urbani  jistgħu jitneħħew mingħajr il‑ħtieġa li tiġi ppreżentata evidenza li jkun sar minn kollox biex dawn is‑siġar jiġu salvati.

Id‑DNO tgħid ċar u tond li l‑bini, alterazzjoni u rranġar ta’ toroq minn entitajiet tal‑Gvern u mill‑kunsilli lokali jistgħu isiru mingħajr il‑ħtieġa ta’ avviż lill‑Awtorità tal‑Ippjanar. Hemm xi ċirkostanzi fejn ikun meħtieġ permess jew notifika lill‑awtoritajiet, imma mhux fil‑każ ta’ tneħħija ta’ siġar, sakemm dawn ma jkunux imħarsa taħt ir‑Regoalmenti dwar il‑Ħarsien tas‑Siġar u l‑Imsaġar tal‑2011. Skont dawn ir‑regolamenti, għalkemm ċerti siġar huma protetti f’kull lokalità, hemm oħrajn li huma protetti biss jekk ikunu f’żoni mħarsa jew barra ż‑żoni tal‑iżvilupp. Fuq kollox teżisti distinzjoni bejn siġar li jinsabu f’Żoni ta’ Konservazzjoni Urbana u għalhekk huma protetti, u l‑istess speċi ta’ siġar li, għalkemm ikunu f’żoni urbani, ma jkunux protetti għax ikunu barra ż‑Żona ta’ Konservazzjoni Urbana. Hemm nies li jgħixu f’Żoni ta’ Konservazzjoni Urbana, imma hemm ukoll ħafna li jgħixu barra dawn l‑inħawi imma xorta jgħixu f’ambjent mibni. L‑importanza tas‑siġar għall‑komunità ma tiddependix fuq jekk ikunux imħawla f’Żoni ta’ Konservazzjoni Urbana jew le. Saħansitra s‑siġar imħawla f’ġonna kbar privati f’żoni urbani huma daqstant importanti, għax iservu ta’ pulmun għal dawn iż‑żoni. Jeħtieġ li dan ikun rikonoxxut kemm mil‑liġi kif ukoll mill‑policies tal‑ippjanar u mill‑pjanijiet lokali.

  1. L‑Awtorità għall‑Ambjent u r‑Rizorsi għandha tħejji lista ta’ siti f’żoni urbani li jinkludu siġar li jagħtu karattru speċjali lil dawn is‑siti.

Jeżistu siti fil‑pajjiż fejn jikbru għadd kbir ta’ siġar. Iżda dawn mhumiex protetti minħabba li l‑Ordni dwar in‑Notifikazzjoni dwar l‑Iżvilupp (DNO) tippermetti li s‑siġar jistgħu jitneħħew mingħajr ma jkun hemm proċess rigoruż ta’ ppjanar Ii jinkludi konsultazzjoni pubblika. Siti bħal dawn la huma f’Żoni ta’ Konservazzjoni Urbana u lanqas f’żoni mħarsa jew f’oqsma li huma ’il barra miż‑żoni ta’ I-iżvilupp (ODZ). Hawn insibu linji ta’ siġar kbar fuq iż‑żewg naħat tat‑triq li jipprovdu għata xejn komuni fil‑pajjiż speċjalment f’żoni urbani. Siġar bħal dawn jipprovdu marka prominenti li tagħti lil dawn it‑toroq il‑karattru speċjali tagħhom. Siti bħal dawn ma jgawdu minn ebda protezzjoni, u għalhekk inħeġġu lill‑Awtorità għall‑Ambjent u r‑Rizorsi (ERA) tħejji lista ta’ dawn is‑siti ħalli jkunu mħarsa taħt ir‑Regolamenti Dwar il‑Ħarsien tas‑Siġar u l‑Imsaġar 2011.

  1. Jitwarrab il‑proġett tal‑korsa tal‑karozzi ġewwa Ta’ Qali, u minflok jitħawlu iktar siġar biex jissaħħaħ il‑karattru ta’ din il‑medda ta’ art bħala art għar‑rikreazzjoni

Ta’ Qali hija medda kbira ta’ art iddedikata għar‑rikreazzjoni. Hawnhekk kienu tħawwlu ħafna siġar li llum kibru u jilqgħu taħthom eluf ta’ familji Maltin li jmorru jgawdu ftit nifs ta’ arja, paċi u kwiet. Iżda l‑Gvern għandu l‑ħsieb li japprova jew jibni korsa tal‑karozzi f’dan is‑sit. Il‑KA tappella lill‑Gvern biex jerġa’ lura minn dan il‑pjan. Ta’ Qali għandu jiġi mħares bħala żona ewlenija ta’ rikreazzjoni qalb is‑siġar u n‑natura għall‑familji. Kien ġie rrapurtat li l‑għażla tas‑sit f’Ta’ Qali saret minħabba li dan is‑sit kien dak li l‑aktar ġab punti meta mqabbel ma’ siti oħra. Iżda jidher li f’dan il‑proċess ta’ għażla, xejn ma ġie ikkunsidrat l‑impatt li dan il‑progett jista’ jkollu fuq il‑karattru ta’ din iż‑żona ta’ rikreazzjoni. L‑argument li dan il‑proġett ser ikollu aspetti “edukattivi” ma jiġġustifikahx. Ta’ Qali hija żona Ii għandha l‑potenzjal li jitħawlu fiha ħafna iktar siġar biex jissaħħaħ l‑aspett rikreattiv tagħha għall‑familji kollha Maltin. Iktar siġar f’Ta’ Qali jgħinu biex jikber il‑kuntatt man‑natura li ħafna familji Maltin huma mċaħħda minnu.

Il‑KA tawgura li f’dan iż‑żmien matul is‑sena, meta l‑kura tal‑Ħolqien tingħata aktar prijorità mis‑soltu, l‑awtoritajiet konċernati jieħdu l‑appelli tagħha bis‑serjetà, għall‑ġid komuni. Fi kliem il‑Papa Franġisku: “Fl‑isfida urġenti li nħarsu din id‑dar komuni tagħna hemm ix‑xewqa mħassba tagħna li niġbru l‑familja kollha tal‑bnedmin ħalli nfittxu żvilupp sostenibbli u sħiħ, għax nafu li l‑affarijiet jistgħu jinbidlu” (Laudato Si’ Par 13).

Categories: Aħbarijiet
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: