Home > Minn Fr Michael Bugeja > L-Evanġelju tat-Tlieta, 14 ta’ Novembru 2017

L-Evanġelju tat-Tlieta, 14 ta’ Novembru 2017


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Lq 17, 7-10

L-inbid tal-preferenzi jsakkar lil kulħadd. Jista’ jkun li dan id-diskors ta’ Ġesù seħħ fl-isfond ta’ dak li d-dixxipli ġie li tkellmu dwaru bejniethom: min hu l-ikbar fosthom; u japplika għalina fl-isfond tal-pretensjonijiet tagħna li nistennew li nkunu ppreferuti għax ‘ngħixu tajjeb’. Bħala bnedmin malajr niskru fil-pretensjonijiet tagħna li bħal kelb fidili immorru quddiem sidna, nferfru denbna b’geddumna ’l fuq nistennew iċ-ċejċa mingħandu, talli nkunu għamilna.

Meta Ġesù qed jitkellem dwar ‘qaddej’ mhux jitkellem dwar ħaddiem bil-ġurnata li jitħallas ta’ xogħol bit-tant is-siegħa, bid-dritt għall-‘leave’, bid-dritt għall ‘union’, bis-‘sick leave’ u l-privileġġji l-oħra kollha li għandu jkollhom il-ħaddiema fi żmienna. Ġesù jitkellem dwar il-qaddej li jgħix ma’ sidu ħajtu kollha, probabilment iktar ilsir milli qaddej, xi ħadd li nxtara bil-flus mingħand ħaddieħor jew intrebaħ f’xi gwerra, jew kien iben ilsir ieħor ta’ sidu. Dawn l-ilsira kienu jitħallsu billi jkollhom fejn joqgħodu, x’jilbsu u x’jieklu: kienu proprjetà ta’ sidhom u bħalma sidhom kien joffri stalla u farru għall-ħmar biex jibqa’ b’saħħtu ħalli jkun jista’ jkompli jaqdih, hekk kien l-ilsir. It-tixbieha, għalina li mdorrijin b’mentalità li teskludi l-iskjavitù, turtana u ma tinżlilniex malajr.

Id-diskors ta’ Ġesù li jitkellem dwar Alla bħala ‘missier’ jidher li qed ikun esaġerat biex ħadd mid-dixxipli ma tikbirlu rasu. Il-ġid li tirċievi huwa li tgħix u tgħix tajjeb, mhux b’xi dritt imma bi grazzja.

L-ilsir ma jagħmilx li jfettillu, lanqas it-‘tajjeb’ li jfettillu. L-ilsir jagħmel dak li jrid sidu; huwa proprjetà tiegħu. Ma jiddeċidix hu x’jagħmel, imma jagħmel dak li hemm bżonn u m’hemmx waqfien għall-ħidma tiegħu. Jaqbillu jħabrek fil-ħidma ta’ sidu biex jibqa’ jgħix u jgawdi dak li sidu jagħtih. Żommu postkom hija t-twissija ċarissma ta’ Ġesù. L-umiltà, li aħna nammiraw ħafna fl-oħrajn imma ħaddieħor ma tantx jammira fina, hija l-pedament ta’ kull ħajja tajba u mrażżna. L-umiltà mhix stramberija, (u minn dik m’għandniex għalfejn inżidu, hawn biżżejjed minnha fid-dinja); bl-umiltà wieħed jagħraf postu u jżommu, ikun kuntent b’dak li għandu, ma jistenna xejn mingħand ħadd u jistenna kollox mingħand kulħadd. L-umiltà hija ndispensabbli biex nagħrfu min aħna u min hu ħaddieħor. L-umiltà hija s-sies tal-imħabba. Min jitkabbar ma istax iħobb; min jitkabbar qatt xejn ma jkun biżżejjed għalih, dejjem jippretendi iżjed, anke iżjed milli jmissu.

Mhux l-inbid tal-preferenzi biss jitla’ fl-irjus u jtellef il-bilanċ. L-inbid tal-ħila u l-qawwa li, meta kollox ikun għaddej tajjeb, naħsbu li għandna, kapaċi jistordina u jħallimna li nistgħu ngħaddu weħidna; nilludulilna nfusna li aħna pilastri tal-azzar. Meta naħsbu li t-tajjeb li nagħmlu ġej mill-ħila tagħna faċli naraw lil kulħadd dubbien u lil Alla kompetitur; bil-malti naħsbu li aħna allat, ħadd u xejn ma jista’ għalina.

Biex nikkunslaw, għandna d-drawwa ngħidu li s-saħħa kollox, u allura, meta s-saħħa tonqosna, nsiru ma niswew xejn, għax jekk is-saħħa kollox, meta s-saħħa titlaq ma jkun fadal xejn. Il-valur tagħna mhux ġej mis-saħħa tagħna u lanqas mhu ġej mill-ħila tagħna għax dik ukoll tista’ tispiċċa. Aħna għandna valur dejjem għax qaddejja, li fina nfusna ma niswew għal xejn, imma għax aħna ta’ Alla, niswew daqs Ibnu.

‘Agħmilna biss dak li kellna nagħmlu’ u dak li kellna nagħmlu hu li nħobbu lil Alla b’dak kollu li aħna u nħobbu lill-proxxmu tagħna bħalna nfusna. Hemm jidher sew il-kobor tagħna għax ngħixu fl-isfond ta’ Alla, mhux ta’ xi nbid li jsakkarna u jħallina storduti u bil-ħruq ta’ stonku. Hemm nagħrfu l-valur kbir tagħna, mhux għax naraw xi ħajra fina nfusna, imma għax nagħrfu s-sid tagħna hu dak li jgħajjixna u jqawwi kull pass tal-ħajja tagħna.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: