Home > Minn Fr Michael Bugeja > L-Evanġelju tal-Ħamis, 16 ta’ Novembru 2017

L-Evanġelju tal-Ħamis, 16 ta’ Novembru 2017


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Lq 17, 20-25
F’dak iż-żmien, il-Fariżej staqsew lil Ġesù meta kienet se tiġi s-Saltna ta’ Alla, u hu weġibhom: “Is-Saltna ta’ Alla ma tiġix b’sinjali li jidhru; lanqas ħadd ma hu se jgħid: “Arawha, hawn”, jew: “Hemm”, għax araw, is-Saltna ta’ Alla fostkom qiegħda!”.

Lid-dixxipli tiegħu qalilhom: “Għad jiġi żmien meta tkunu tixtiequ taraw jum wieħed minn żmien Bin il-bniedem u ma tarawhx. U jgħidulkom: “Arawh, hawn hu”, jew: “Arawh, hemm hu!” Tmorrux, tiġrux warajhom. Għax bħalma berqa tleħħ u tiddi minn tarf għal ieħor tas-sema, hekk jidher Bin il-bniedem nhar il-Jum tiegħu. Iżda qabel xejn hu għandu jbati ħafna minn dan in-nisel u jkun miċħud minnu”.

Kemm aħna xortina tajba! Is-saltna ta’ Alla qiegħda fostna.

Il-fariżej ġralhom bħalma kien ġralu Pietru u qala ċanfira papali. Ippruvaw jirraġunaw dak li hu ta’ Alla bil-moħħ ċkejken u dgħajjef nieqes ill-fidi tal-bnedmin. Kienu qed ikunu ta’ skandlu għalihom infushom; ifixklu lilhom infushom u anke lil dawk li kienu jisimgħuhom jew jagħmluha magħhom. Kienu maħkumin mir-Rumani u kienu skomdi ħafna. Ma setgħux jagħmlu li jridu, riedu jikkontribwixxu minn bwiethom għat-tmexxija tal-imperu. Diġa li toħroġ minn butek hija daqqa ta’ sejf, aħseb u ara trid taħleb butek biex tmantni lil min qed ixekkillek il-libertà, jaħkmek biex tagħmel dak li jrid hu minflok dak li trid int. Minħabba f’hekk kienu daħħluha f’moħħhom li s-saltna ta’ Alla kellha sseħħ billi b’xi armata kbira mmexxijja mill-messija mwiegħed, teqred minn wiċċ id-dinja lir-Rumani. Imbagħad setgħu jieħdu nifs ta’ mistrieħ u jgħidu ‘għall-erwieħ! Qabdu l-kelma ta’ Alla u dawruha skont dak li kienu jixtiequ li Alla jagħmel minflok fittxew li jagħmlu dak li jrid Alla minnhom. It-tama tagħhom kienet li dan se jseħħ malajr. Imma kienet iktar xewqa milli tama.

Ġesù jurihom li s-saltna ta’ Alla qiegħda fosthom, jistgħu jarawha b’għajnejhom u jmissuha b’idejhom. Setgħu jgħixuha minn hawn stess għax ma kinetx armata lesta għall-gwerra imma ħajja lesta biex tingħax. Kienet il-mibgħeda lejn il-ħakkiema li xennqithom tant għaliha. Iżda Alla, għall grazzja tiegħu, ma jaħsibhiex bħall-bnedmin.

Il-Messija li ġie biex iwaqqaf is-saltna ta’ Alla kien quddiemhom, jitkellem magħhom, jiekol magħhom, jgħix magħhom, imma huma ma għarfuhx. Ġie f’daru imma niesu mhux biss ma għarfuhx, wisq inqas laqgħuh. Il-kliem li kien jgħidilhom, l-imħabba li wriehom meta fetħilhom għajnejhom, iċ-ċanfiriet tiegħu meta ppruvaw jonsbuh, ma swew għalxejn. Li kieku kellna nkejlu s-suċċess ta’ Ġesù minn kemm irnexxa mal-fariżej, kieku Ġesù jinsab isfel nett fil-lista ta’ dawk li rnexxew fil-ħajja.

Ġesù, x’ħin kien waħdu mad-dixxipli, jkompli jiftħilhom għajnejhom dwar dan, biex ma jintilfux jaħlu ħajjithom jistennew dak li għandu jiġri u jinsew li qed jgħixu llum. Anke aħna fi żmienna, nisimgħu ħafna li jgħidu li waslet l-aħħar tad-dinja, u xi ftit jew wisq jaqbadna ftit paniku. Imma tasal id-data mħabbra u ma jiġri xejn. Kienet biss aljenazzjoni. Tmorrux, tiġrux warajhom. Min jaljenana minn dak li nistgħu nagħmlu llum bil-wegħda ta’ ġejjieni li ħadd ma jafu, ikun qed ifixkilna milli naħsbu fillum, napprezzawh u napprezzaw l-opportunità li għandna li minnu nistgħu nagħmlu għada aħjar, li bih nistgħu inħejju ruħna għal meta is-saltna ta’ Alla ma tibqax esperjenza mdgħajfa bir-rabtiet u d-dgħufijiet tad-dinja, imma tkun l-esperjenza ta’ Alla nnifsu fl-eternità.

Qiegħda fostna biex ngħixuha għax Ġesù għaddielna l-esperjenza ta’ Alla u għamilielna faċli ngħiuxha. Fil-prefazju ta’ Kristu Re, il-Knisja, b’għerf kbir u b’esperjenza millenarja, tfaħħar lil Alla talli kkonsagra lil Ġesù Kristu, biex irodd lill-Missier is-saltna ta’ Alla fuq din l-art mibdula f’saltna ta’ verità u ħajja, qdusija u grazzja, ġustizzja, mħabba u sliem. Is-saltna tinbidel hawn biex minn hawn tibda l-ħajja ma’ Alla.

l-aħħar tad-dinja jasal meta ma tkunx qed tistennieh, bħalma tasal il-mewt meta ma tkunx qed tistenniha. Mhux kulħadd jifhem u japprezza s-saltna ta’ Alla fostna. Il-Messija ma jingħarafx minn ta’ ġewwa u jbati biex jifhmu oħrajn.

Aħna tassew xortina tajba, għax hu bata għalina. Is-saltna qigħeda f’qalbna u fostna. J’Alla ma jiġrilniex bħall-fariżej u dak li hu ċar quddiemna nibqgħu ma narawhx.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: