Home > Minn Fr Michael Bugeja > L-Evanġelju tal-Erbgħa, 29 ta’ Novembru 2017

L-Evanġelju tal-Erbgħa, 29 ta’ Novembru 2017


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Lq 21, 12-19

L-ewwel qarrejja ta’ Luqa u dawk li semgħuhom fil-laqgħat ta’ nhar ta’ Sibt filgaħxija kienu jafu sew x’qed jgħid Ġesù; kienu jifhmuh għax kienu għaddejjin minnu; kienu għaddejjin mis-siegħa tat-tiġrib. Probabilment kienu qed jaqraw u jsimgħu dan il-kliem, f’xi mkien fil-moħbi, fid-dlam f’tensjoni kbira għax jafu li waqt li qed jisimgħuh seta’ jseħħ fuqhom minn ħin għall-ieħor. Makienx l-ewwel darba li ġara u lanqas kien se jkun tal-aħħar. U dak l-aħħar għadu fostna sallum.

Mhix biss persekuzzjoni minn barra, dik diġa hija iebsa. Fi żmienhom ma kienetx teżisti l-idea tal-libertà tat-twemmin, il-libertà li timxi skond il-kuxjenza. Jekk l-istat jiddeċiedi hekk, hekk ikun. Jekk l-awtoritajiet jiddeċiedu li ma tistax temmen dak li trid, issib ruħek għall-frisk. Aħna dan ma nifhmuhx, għalkemm xorta jiġri, huma kienu mdorrijin bih. Fi żmien il-persekuzzjonijiet kienet in-norma. U ħafna minnhom kienu tilfu qraba u ħbieb u aħwa fil-fidi minħabba din in-norma. Kull min kien fis-setgħa, reliġjuża jew ċivili seta’ jabqad u jiddeċiedi li jaqbad, iżomm u joqtol, anke bla proċess, lil dawk li jaraw bħala theddida għalihom. It-theddida tal-imħabba tal-aħwa anke lejn l-għedewwa.

Kien hemm persekuzzjoni oħra, forsi mqanqla mill-biża’ u mit-theddid. It-tradiment minn dawk li tħobb u tgħożż, li jagħżlu li jħarsu lilhom infushom u dak kollu li hu għażiż għalihom. Il-wegġħa li dan it-tradiment jikkawża hija ħafna ikbar. Aħna naħsbu u ngħidu: illum ma fadalx rispetti. Mhix ħaġa tallum, hija ħaġa ta’ dejjem. Nifhmu wkoll li mhix għażla faċli, iktar u iktar jekk int resposnabbli ta’ ħaddieħor. Imma l-għażla malli ssir, tħalli warajha effetti kbar, anke fuq dawk li qatt ma missew ma min għamel l-għażla. Mhux kulħadd jifhem l-imħabba anke lejn l-għedewwa, aħseb u ara lejn dawk li m’humiex.

Il-faraġ li joffri Ġesù fil-wegħda li jagħmel, mhux li dan kollu mhux se jiġri qatt iżjed, anzi donnu jrid jgħid li dan se jibqa’ jiġri dejjem. Dejjem se jkun hemm min iħalli l-preġudizzji u l-interessi personali jirbħu fuq it-tolleranza. Jekk m’intix miegħi mela kontra tiegħi u la kontra tiegħi nara kif nagħmel biex insikktek u neqirdek, inwarrbek minn nofs, int tfixkil għalija. Il-faraġ li joffri Ġesù huwa l-ewwel u qabel kollox, li din hija opportunità li tagħti xhieda, li dak li tgħid li temmen fih issarrfu f’fatti, tgħixu. Ħobb lil min jinsulentak, lil mi iżebilħek, lil min jheddek u jagħmillek ħajtek infern, sempliċiment għax iddeċidejt li timxi kontra l-kurrent tiegħu. Aħfirlu, għadru, ħobbu. Din hija x-xhieda vera.

It-tentazzjoni ta’ min jemmen hi li jċedi l-armi quddiem min jakkużah. Ma ninsewx li xogħol dak li hu misħut għal dejjem huwa li jħajjar u mbagħad jakkuża. Faċli nibżgħu quddiem min jakkużana. Dak, wara kollox, hu l-għan tiegħu. Meta l-biża’ tingħeleb, min jakkuża jħossu dgħajjef u jattakka b’qawwa ikbar. Imma Ġesù jwiegħed li hu stess jidħol għalina, u jagħtina kliem u qawwa biex nibqgħu sħaħ. Quddiem il-verità tiegħu, kull gidba ssir xkiel għal min jigdibha. Il-kultura tal-gideb li jiġġustifka lilu nnifsu b’iktar gideb u qerq, tiddgħajjef iktar ma l-gideb jiżdied. Dawk li jigdbu u jafu li dawk li huma tal-qatgħa tagħhom jigdbu daqshom jew iktar minnhom, jispiċċaw ma jafdaw lil ħadd, lanqas lilhom infushom. Saltna maqsuma fiha nnifisha ma tistax tibqa’ wieqfa. Il-verità tgħaqqad għax fiha m’hemmx tidwir u dubji; il-gidba tifred għax tiżra d-dubji li minnhom jinbtu s-suspetti.

Kulħadd isir jobgħodkom minħabba f’ismi. Il-mibgħeda għal min jemmen fi Kristu u jħaddan u jgħix il-verità tiegħu minħabba fih, hija prova fiha nnifisa ta’ kemm Ġesù u dawk li jemmnu fih huma xkiel għal min jobgħodhom minħabba f’hekk. Min jobgħod huwa krejattiv ħafna fil-mibgħeda tiegħu, jasal anke li jippreżenta lilu nnifsu bħala l-paladin tal-evanġelju.

Nitolbu għal min jobgħodna għax inħobbu u naħfru u nagħdru. Ma jkun qatt li x-xieda li nagħtu tkun prova ta’ kemm il-mibgħeda hija ġustifikata. Jekk hu ħażin għal ħaddieħor li jobgħod, huwa ħafna iktar ħażin għal min jgħid li jħaddan evanġelju tal-imħabba li jobgħod lil min jobgħodu. Min iħobb li min jobgħodu mhux godard imma eroj, aħna ngħidulu qaddis.

Iżda, tibżgħux, titqarrqux, taqtgħux qalbkom, imma xagħra waħda minn raskom ma tintilifx. Jekk tibqgħu sħaħ sal-aħħar issalvaw ħajjitkom!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: