Home > Arċisqof Charles J. Scicluna > Fil-Milied taċċetta lil Ġesù f’qalbek b’għażla u mhux bil-parties

Fil-Milied taċċetta lil Ġesù f’qalbek b’għażla u mhux bil-parties


L-Erbgħa, 6 ta’ Diċembru 2017: L-Arċisqof jiċċelebra Quddiesa tal-Milied mal-istudenti li jattendu skejjel tal-Istat, tal-Knisja u indipendenti.

351349-740xNone

 

Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna – Fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta

Għeżież tfal, l-ewwel nett nixtieq nirringrazzjakom talli intom u tirrappreżentaw l-iskejjel tagħkom, ġejtu wkoll b’offerta għall-Malta Community Chest Fund biex turu s-solidarjetà tagħkom, l-imħabba tagħkom lejn kull min fis-soċjetà għandu bżonnijiet speċjali u fl-istess ħin nirrealizzaw li ma jistax ikun hemm Milied jekk aħna tassew ma naħsbux f’kulħadd. Il-Milied jiġi għal kulħadd. Mhux kulħadd se jiċċelebrah bl-istess mod għax min hu marid l-isptar ikollu Milied b’togħma differenti minna li b’xi mod f’saħħitna u se nkunu mal-familji tagħna d-dar. U aħna allura rridu nibdew nirringrazzjaw lil Alla ta’ dak li qegħdin ingawdu mingħajr ma ninsew li hemm ħaddieħor li se jkollu esperjenza differenti minn tagħna dan il-Milied.

Laqtitni xi ħaġa fil-prietka li għamlulna l-istudenti tal-iskola primarja tal-Belt Valletta u li qalulna Eleia Galdes u Zack D’Amato. Nixtieq nirringrazzjahom talli tawna dan il-messaġġ sabiħ. Fejn qegħdin? Iqumu! Ħarrbu? Qegħdin mal-kor? Ejjew hawnhekk, ejjew hawnhekk għax ħsibt li ħrabtulna. Nerġgħu nagħtuhom ċapċipa kbira. Oqgħodu ftit ħdejja għax l-omelija mhux se ddum.

F’ħin minnhom intom għidtu li għall-Madonna u San Ġużepp għalihom ma kinitx faċli li jaċċettaw lil Ġesù, imma l-anġli kellmuhom dwar x’jixtieq il-Mulej. L-ewwel tkellem l-anġlu Gabrijel lil Marija imma mbagħad anke lil Ġużeppi dehrlu fil-ħolm biex jgħidlu, ‘tibżax tieħu lil Marija, tilqagħha, għax dak li għandha fil-ġuf, dik it-tarbija li se jkollha ġej bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu’ (ara Mt 1, 20).

Issa jekk fhimtkom sew, intom għidtu, u nsistejtu fuqha meta kellimtuna, li l-Madonna u San Ġużepp qalu ‘iva’ imma ma kienetx faċli għalihom imma qalu iva. Imbagħad li laqtitni – u din se nsemmieha dan il-Milied għax veru laqtitni – semmejtu lil Erodi u fil-fatt kellna wkoll lil Erodi fil-pageant. U għidtu li dan Erodi kien naqra supperv u mimli bih innifsu. Meta s-slaten Maġi ġew għandu biex jgħidu li ġew ifittxu lir-Re li twieled, x’ried jagħmel Erodi? Joqtlu, ma jaċċetahx, eżatt! Ma riedx jaċċettah.

Mela intom għidtulna li kien hemm Ġużeppi u Marija li aċċettaw lil Ġesù fil-ħajja tagħhom u ħadu ħsiebu. Intom semmejtulna anke r-ragħajja li dehrulhom l-anġli wkoll. Għandna lil Ġużeppi, lil Marija, għandna r-ragħajja. Dawn semgħu l-aħbar it-tajba, anzi l-anġlu lir-ragħajja qalilhom “inħabbrilkom ferħ kbir” (Lq 2, 10), hux hekk għidtu? Inħabbrilkom ferħ kbir! Imma għal Erodi ma kienx ferħ kbir, tant li ried joqtlu. Imma mbagħad l-anġlu ħa ħsieb iwissi lil Ġużeppi u lil Marija u dawk ħarbu, saru refuġjati u marru l-Eġittu biex jeħilsuha imma sfortunatament Erodi, bil-kefrija tiegħu qatel trabi oħrajn.

Jiena fhimt minn dak li ridtu tgħidulna, li aħna għandna għażla għax il-Milied mhuwiex bilfors; il-Milied taċċettah u tiċċelebrah jekk trid. Imma mhux billi tagħmel il-parties, mhux dak il-Milied. Fil-Milied għandek għażla. Ġesù qed jerġa’ jħabbat fuq il-bieb ta’ qalbek permezz tal-anġlu, permezz tas-saċerdot, permezz ta’ carol li tisma’, pageant li tara, qed iħabbatlek fuq il-bieb u inti tista’ tiftaħ jew tgħidlu ‘ma rridekx, mur ’l hemm’ bħalma għamel Erodi. U tipprova anke tneħħih mill-ħajja tiegħek, mis-soċjetà, ma rridekx! Jiena nirringrazzjakom ta’ dan il-messaġġ li tajtuna, ngħożżuh, ibda l-ewwel wieħed jien.

Semmejtulna l-qrar; kemm ħadt pjaċir li semmejtu l-qrar għax jiena bid-dnubiet tiegħi nibda nagħlaq il-bieb lil Ġesù. Imma mbagħad bil-qrar nerġa’ niftħu l-bieb ta’ qalbi. Ngħidlu: ‘Ġesù, ejja għax inti ħa tagħmilni ferħan għax it-tħabbira tal-Milied, dik vera, hija ta’ ferħ kbir tassew. Grazzi ħafna tal-messaġġ tagħkom.

✠ Charles J.Scicluna

Arċisqof ta’ Malta

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: