Home > Minn Fr Michael Bugeja > L-Evanġelju tal-Ħamis, 7 ta’ Diċembru 2017

L-Evanġelju tal-Ħamis, 7 ta’ Diċembru 2017


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Mt 7, 21.24-27

L-ewwel sentenza ta’ din is-silta hija l-vers 21 ta’ dan il-kapitlu. Versi 22 u 23 li huma refernza għar-riżultat ta’ min jaħseb li billi tħabbat fuq sidrek u tgħajjat lill-Mulej huwa biżżejjed (F’dak il-jum ikun hemm ħafna li jgħiduli, ‘Mulej, Mulej, m’hux f’ismek ħabbarna aħna, u m’hux f’ismek keċċejna x-xjaten u f’ismek għamilna ħafna mirakli?’ Imbagħad jien ngħidilhom, ‘Lilkom qatt ma kont nafkom! Warrbu minn quddiemi, intom li tagħmlu l-ħażen!’), huma mabqużin.

Vers 21 ġie magħżul biex ikun ta’ sfond għall-konklużjoni tas-silta tal-Evanġelju tallum. Mhux kull min jgħajjat ‘Mulej, Mulej’, għandu daru mibnija fis-sod. Il-pedament irid ikun mibni fuq dak li hu tassew sod: is-smiegħ tal-Kelma tal-Missier u t-twettiq tagħha huwa l-blat ta’ ħajja mibnija fuq dak li jimxix.

Meta jgħaddi l-wied ikaxkar kollox miegħu. Minn fejn jgħaddi iħalli warajh wita’ ta’ tajn li meta jinxef isir wita u faċli, għal min ma jkunx jaf, li wieħed jaħseb li komdu tibni fuqu u jista’ jkun vera wkoll. Ma tridx tħaffer, m’hemmx għalfejn sforzi żejda u ħela ta’ żmien. Tibni fuq il-lixx tiffranka l-flus u l-ispejjeż marbuta mat-tħaffir. Iżda l-wied li llixxa l-art, bħalma ġie darba, jerġa jiġi ukoll u jkaxkar kollox miegħu. Kollox u kullma fih dak il-kollox.

Ġesù jaf fuq xhiex qed itkellem, għaliex ix-xogħol li wiret mingħand Ġużeppi, ma kinex ix-xogħol ta’ mastrudaxxa kif nifhmuh illum, wieħed li jaħdem fl-injam, iżda kien mgħallem ta’ diversi snajja. Kieku llum nistgħu ngħidulu ‘turnkey contractor’; id-dar jibniha, jimliha u jagħthielek lesta.

Biex tibni fuq il-blat, trid tħaffer u tħaffer sa ma ssibu u mhux dejjem issibu mall-ewwel. It-tħaffir jieħu l-ħin jeħdolok saħħtek u jiswielek ħafna. It-terrapin li taqla, trid ittellgħu u twarrbu ’l bogħod, trid teħles minnu fl-aħħar mill-aħħar, anke meta tibda tibni l-pedament taf li minn da kollu mhu se jidher xejn; kollox se jerġa jitatta. Il-blat u l-pedamenti ma jidhrux imma mingħajrhom id-dar ma titlax.

Id-dar mibnija fuq ir-ramel u d-dar mibnija fuq il-blat jistgħu jidhru l-istess. Jekk ma jagħtix il-kas li dik mibnija fuq ir-ramel titla’ iktar malajr u tidher isbaħ għax l-ispejjez li ma sarux fil-pedamenti jintefqu fuq id-dehra tagħha. It-tentazzjoni ta’ kulħadd hi li jlesti malajr u jkollu dar iktar komda b’inqas sforzi u b’inqas spejjeż. Is-sens komun u l-esperjenza jgħallmuna li jekk nirraġunaw hekk, inkunu qed nilgħabu man-nar. Dan barra mill-fatt li aħna l-maltin esperti iżjed minn kulħadd fil-qasam tal-kostruzzjoni. Ħadd minna m’hu iblah, ilkoll kemm aħna għaqlin.

Iżda fil-bin tal-ħajja, il-bniedem hu dejjem bniedem. Għalkemm l-esperjenza tal-imgħoddi hija mifruxa fuq liżar kbir quddiemna, xorta waħda donna nippreferu nibnu ġajjitna fuq dak li jgħaddi. Kemm kemm ma ngħidux li huwa ħali min jibni fis-sod. Fil-binja ta’ ħajjitna iktar ħsiebna biex inħaffu u nidhru sbieħ minn kull ħaġa oħra. Kollox irridu malajr, anke nikbru. Jekk jista’ jkun nagħfsu buttuna u kollox jitla’ quddiemna lest.

Il-problema li għandna aħna u li Ġesù ma jsemmix, hija li rawwimna fina nfusna l-ideja li dan lanqas jimporta, drajna ma nagħtux kas. Agħar minn hekk, bħal donnu lanqas dan ma jimporta, mhux biss ngħixu hekk aħna, iżda qed inrawmu wkoll dan fl-ulied, li kontinwamemnt qed jissawru japprezzaw u jgħożżu biss dak li hu superfiċjali u artfiċjali u li, għada pitgħada, meta l-maltemp tal-ħajja jqum kontra tagħhom (u nafu li dan huwa inevitabbli), se jkunu maqtugħa minn saqajhom u jitkaxkru mal-wied. Hawn min jgħidlek: mhux li tiżra taħsad! Tajjeb ukoll! Imma mhix konsolazzjoni.

Ġesù jiddeskrivi mentalità bħal din bluha. U biex wieħed jistgaħna fil-għaqal hemm mod li huwa jissuġġerixxi, iktar u iktar f’dan iż-żmien tal-Avvent. Mhux biżżejjed li ngħidu: ‘Mulej, Mulej’! Mhux biżżejjed li ngħidu: ‘jiena nemmen f’Alla’. Jekk dak li ngħixu ma jaqbilx ma’ dak li ngħidu li nemmnu, il-maltemp jiġi u jkaxkara miegħu. U nistaqsi: hemm għalfejn jiġi l-maltemp u kaxkarni miegħu biex ninduna li l-pedament tiegħu mhux sod? Naħseb li aħna għaqlin ħafna iktar minn hekk. Għajnejna f’wiċċna biżżejjed biex nindunaw il-ħajja tagħna fuq xhiex hi mibnija. Inħarsu fil-mera u madwarna u r-rejaltà hi dik li hi.

Jekk il-preżent tagħna u ta’ dawk ta’ madwarna jidher dgħajjef, hemm għalfejn tiġi maltempata biex turina li l-passat inbena ħażin? Jekk nibdew nibnu mill-ġdid fis-sod, għandna garanzija li l-maltemp ma jġorrniex miegħu. Jekk noqgħodu nistennew il-wied jiġi biex naraw jekk inżommux wieqfa, hemm ċans kbir, li milli jkollna ma jifdal xejn. Nittamaw u nitolbu li jifdal aħna biex nerġgħu nibdew mill-ġdid, fis-sod.

  1. December 7, 2017 at 9:08 am

    Nixtieq ngħidlek grazzi tal-ħsiebijiet tiegħek fuq il-vanġelu. Veru bis-sens. Napprezzahom ħafna. Grazzi. Il-Mulej miegħek. Berikni Sr Atanasia Buhagiar

  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: