Is-Sibt, 30 ta’ Diċembru 2017: Awguri għas-Sena l-ġdida 2018 mill-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex.
Awguri mill-E.T. Mons. Mario Grech
Huwa fatt li fis-soċjetà tagħna ħafna għandhom ħalqhom fix-xgħir. Dan huwa riżultat tal-fatt li l-ekonomija tal-pajjiż sejra tajjeb. Jien nawgura li dan il-ġid ikompli joktor u jinfirex, għax nixtieq nara lil kulħadd kuntent. Imma biżżejjed il-ġid materjali biex jiżguralna l-kuntentizza? Ma nkun nagħmel ebda skoperta jekk ngħid li hawn min, għalkemm ħobżu maħbuż u żejtu fil-kus, għandu dejjem subgħajh f’rasu għax ma jafx x’għandu jagħmel biex ikollu l-paċi f’qalbu! Għax kif jgħid SantuWistin, il-qalb tal-bniedem ma ssibx mistrieħ jekk mhux f’Alla.
Jien konvint li daqskemm f’moħħna jitqanqlu mistoqsijiet dwar x’ser nagħmlu biex fl-aħħar tal-ġurnata jkollna l-kartieri mimlija, daqstant ieħor ikun itektek b’mistoqsijiet dwar Alla. Niżgurak li dan jgħodd anki għal min jiddikjara li huwa atew. Kittieb famuż Russu, Fyodor Dostoevskij, jistqarr li l-bniedem ma jistax jgħaddi mingħajr Alla, għax jekk il-bniedem iwarrab lil Alla, hu jeħodlu postu u jsir alla. Konsegwenza ta’ dan, meta l-bniedem jiġi biex jiddeċiedi jew jagħżel, ma jkollux kejl ieħor għajr lilu nnifsu, l-ideat tiegħu, l-egoiżmu tiegħu. Min ma jammettix li għandu l-bidu tiegħu f’Alla, filwaqt li bil-fomm jgħid li ma jemminx, jagħmel lilu nnifsu alla. Fir-rumanz tiegħu Id-Demonji, Kirillov jgħid hekk: “Jekk ma hemmx Alla, jien alla. Kif jista’ jkun li ma hemm ħadd fid-dinja li wara li jkun ħeles minn Alla u beda jemmen fih innifsu, ma jasalx biex jafferma li dak li huwa jaħseb huwa assolut? Li wieħed jasal biex jgħid li ma hemmx Alla u fl-istess waqt ma jammettix li meta qed jgħid hekk huwa jkun qed jagħmel lilu nnifsu alla, hija assurdità”.
Dan ir-raġunament huwa perikoluż ħafna, għax allura tassew kif jgħid l-istess awtur fir-rumanz L-aħwa Karamazov, “jekk Alla ma jeżistix, kollox huwa permess”. Biex nagħti eżempju wieħed: jekk m’hemmx Alla, x’ser iżomm lill-bniedem milli jelimina l-ħajja ta’ tarbija fil-ġuf? Alla huwa l-arkitrav li fuqu sserraħ il-binja kollha personali, familjari, soċjali, ekonomika, legali…
Jien nifhem li d-diskors dwar Alla mhux daqshekk faċli u għalhekk nifhem ukoll lil dawk li jridu jitħabtu mhux ħażin biex isibu t-triq f’dan il-labirint tal-ħajja.
Għalhekk l-awgurju tiegħi għal din is-sena l-ġdida huwa li titkebbes fina lkoll xrara, anki ċkejkna, li tibda titfa’ dawl fuq il-misteru ta’ Alla. Għalija Ġesù Kristu huwa t-triq li twassalna għal din il-verità. Dan l-awgurju sinċier ma nagħmlux biss għal dawk li jħossu li mhumiex “reliġjużi”, imma wkoll lil dawk li għandhom għal qalbhom ir-reliġjożità imma mhux ir-reliġjon!
Qed nikteb dan il-ħsieb mhux tant bħala Isqof, imma bħala wieħed minnkom li bħalkom jien ukoll nixtieq li nkun naf aħjar lil Alla.