Home > Arċisqof Charles J. Scicluna. 2018 > Tgħallem jagħti ħajtu bħala Kapuċċin u ta ħajtu sal-mewt bħala isqof missjunarju

Tgħallem jagħti ħajtu bħala Kapuċċin u ta ħajtu sal-mewt bħala isqof missjunarju


Is-Sibt, 27 ta’ Jannar 2018:  fis-2:00 p.m. saret il-Quddiesa tal-funeral praesente cadavere tal-Isqof Emanuel Barbara O.F.M. Cap., fil-Katidral tal-Imdina. Ippresieda l-Quddiesa l-Arcisqof Charles J. Scicluna.

L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna – Fil-Katidral tal-Imdina

“Kemm huma sbieħ fuq il-muntanji r-riġlejn ta’ min iħabbar il-bxara, ta’ min ixandar is-sliem, ta’ min iħabbar ir-risq, ta’ min ixandar is-salvazzjoni u jgħid lil Sijon: ‘Alla tiegħek isaltan’” (Is 52, 7-8).

I would like to greet all our friends who have come over from Kenya to pay their respects to their dear Bishop Emanuel. Nixtieq ukoll nagħti merħba speċjali lil ħuti fl-Episkopat, b’mod speċjali lil ħuti speċjali, l-Isqfijiet missjunajru li għandna fostna: l-Isqof George Bugeja, l-Isqof Emeritu Paul Darmanin u l-Isqof Joseph Alessandro.

Dan huwa t-tielet funeral tat-tielet isqof missjunarju fi ftit ġimgħat. L-ewwel kellna l-mewt tal-Isqof Adeodatu, imbagħad l-Isqof Silvestru, u llum qed nagħtu tislima Nisranija lill-Isqof Emanuel Barbara. Isqfijiet li bħal ragħajja tajba taw ħajjtihom. L-Isqof Emanuel ġie msejjaħ biex jikkonkludi s-saċerdożju tiegħu fl-kontinent Afrikan, ’il bogħod minn art twelidu, li għaraf iħobb u l-Mulej, bħal ħalliel, sejjaħlu hemmhekk fejn sabu, fejn kien rabba għeruq ta’ mħabba u ta’ għotja, fejn kien mhux biss ambaxatur ta’ Kristu, imma wkoll ambaxxatur ta’ dak kollu li huwa glorjuż fil-familja Franġiskana.

“Kemm huma sbieħ fuq il-muntanji r-riġlejn ta’ min iħabbar il-bxara” (Rum 10, 15). L-appostlu Missierna fl-Ittra lir-Rumani, jissellef dawn l-espressjonijiet qaddisa tal-Profeta Isaija biex jinsisti li ma jistax ikun li jkun hemm komunità li temmen jekk ma jkunx hemm min iħabbrilha s-salvazzjoni. “Kif jistgħu jemmnu f’dak li ma semgħux bih? Kif jistgħu jisimgħu jekk ma jxandrulhomx? Kif jistgħu ixxandrulhom jekk ma jkunux mibgħuta?” (vv. 14-15). Din hija għajta ħierġa mill-qalb tal-appostlu Missierna li timliena b’responsabbiltà kbira.

Aħna u nsellmu lir-ragħaj ġeneruż, lill-Isqof missjunarju, nitolbu lill-ispirtu missjunarju biex ma jitbiegħed qatt mill-esperjenza tal-Knisja f’Malta, li l-ispirtu missjunarju jibqa’ jiġri fid-demm tar-reliġjużi u s-saċerdoti djoċesani tagħna. Inkella ma nkunux ulied San Pawl, inkella ma nkunux nistgħu nissieħbu mal-għajta ħerqana tiegħu biex ikun hemm min jintbagħat, biex ikun hemm min ixandar biex ikun hemm min jemmen.

Ġesù hu l-Mulej. Din hija l-istqarrija b’fommna imma f’qalbna rridu nemmnu li Alla qajmu mill-imwiet u dan huwa l-bieb tas-salvazzjoni. Il-kelma tal-fidi li aħna nxandru hija li Alla qajjem lil Ġesù mill-imwiet u din il-fidi takkompanja kull mument tat-tislima Nisranija lil wieħed minn ħutna. Nissellef espressjoni li kiteb Dun Karm, il-poeta nazzjonali, 100 sena ilu fl-1917: “Mingħajr Kristu l-qabar huwa mdallam, bi Kristu l-qabar ma jibqax fid-dlam, imma l-qabar huwa mdawwwal bid-dawl tal-irxoxt tal-Mulej”. U l-ġisem dgħajjef li aħna nroddu lill-art, il-Mulej jerġa’ jqajmu skont ir-rieda tiegħu. “Infaħħrek, Missier Sid is-sema u l-art għax int dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin. Iva Missier għax lilek hekk għoġbok” (Lq 10, 21).

Illum irridu nafdaw lill-għażiż Isqof Emanuel f’idejn il-ħniena tal-Mulej. Fit-talb qaddis tal-Knisja, aħna nafdawh lir-Ragħaj it-Tajjeb biex jerfgħu fuq spallejh. Biex terfa’ fuq spallejk lill-Isqof Barbara, trid tkun ftit b’saħħtek, imma r-Ragħaj it-Tajjeb jiflaħna lkoll kemm aħna. L-ispallejn tal-Imgħallem li ġarrew is-salib, iġorru lilna wkoll.

Nafdah lil Lażru li kien fqir u ħaddan il-faqar bħala reliġjuż Kapuċċin u għexu sal-aħħar qatra bħala isqof missjunarju. Tgħallem jitlob bħala Kapuċċin u reliġjuż u tgħallem jittallab bħala isqof missjunarju. Tgħallem jagħti ħajtu bħala Kapuċċin u ta ħajtu sal-mewt bħala isqof missjunarju. Illum nafdawh fir-Ragħaj it-Tajjeb li huwa għani fil-ħniena u li jisma’ l-karba ħerqana ta’ wliedu. Illum nafdawh f’idejn dak li huwa l-qawmien u l-ħajja u li ma jitkażax bi dnubietna u d-dgħufija tagħna għaliex kull qatra ta’ demm li ċarċar hija kapaċi li tifdina u taħsilna.

Agħtih, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem, id-dawl ta’ dejjem jiddi fuqu, jistrieħ fis-sliem. Ammen.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: