Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum:http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Mk 1, 21b-28
Kien is-Sibt, u Ġesù probabli imsieħeb mill-erba’ dixxipli kien għadu kemm sejjaħ u huma wieġbu u marru warajh, imur fis-Sinagoga u hemm sema’ l-Kelma titħabbar u għallem dwarha.
It-tagħlim tiegħu diġa nafu x’inhu mill-bidu ta’ dan l-ewwel kapitlu f’San Mark; Iż-żmien huwa mitmum, u s-Saltna ta’ Alla waslet; indmu u emmnu fl-Evanġelju. Huwa tagħlim, kif naraw iktar ’il quddiem dwar il-ħniena u l-mogħdrija ta’ Alla, mhux mibni fuq tradizzjonijiet jew fuq dak li qal ħaddieħor, imma fuq l-esperjenza personali ta’ Ġesù u msaħħaħ mhux biss bil-mirakli, imma wisq iktar bix-xhieda ta’ Ġesù stess fil-mod kif kien jgħix; il-kelma tqanqal imma l-eżempju jkaxkar. L-ewwel stgħaġib tan-nies mhux ġej mill-mirakli iżda mit-tagħlim li għandu qawwa tal-għaġeb, il-mirakli jibdlu s-sitwazzjoni iżda t-tagħlim ta’ Ġesù jibdel il-qlub u l-mentalità; jibni fil-bniedem indiema dwar dak li għadda u tama hienja dwar dak li jista’ jiġri.
Il-kittieba, li kellhom ir-rwol u d-dmir ta’ għalliema, kienu jibnu dak li jgħallmu dwar dak li ġara, dak li hemm miktub u probabilment kienu jżidu miegħu togħma qawwija ta’ ħtija u qtiegħ il-qalb. Is-setgħa ma tidhirx fit-tbeżżieħ u fit-theddid iżda fil-ħniena u l-maħfra li tiġi mingħand min jista’ jeqred u jpatti iżda jagħżel li, għax iħobb jagħder u jħenn u jaħfer.
San Mark jintroduċilna raġel bi spirtu ħażin. Kull tip ta’ mard kienu jqisuh riżultat tad-dnub, jew tal-individwu li jġarrbu jew ta’ xi ħadd qrib tiegħu; kull mard mentali li jwassal lil marid għal nuqqas ta’ rażan u mġieba mhux normali kienu jqisuh possessjoni mix-xitan. Hawnhekk jidher li kienet possessjoni tassew. L-evanġelista jgħid li kellu spirtu ħażin, mhux qalb ħażina; ma kienx ħażin fih innifsu imma l-Ħażin kien qed jinqeda bih. Jista’ jkun li f’dik is-sinagoga, li nafu li kienet mibnija mill-ġenerożità taċ-ċenturju, pagan li ħabb lin-nies tal-post u huma rrispettawh (u hekk jidher li l-ewwel post fejn Ġesù għallem u fejn wettaq dawn l-ewwel miraklu, kien frott il-qalb tajba ta’ xi ħadd li ma kienx Lhudi u allura ma kienx wieħed minn ulied Iżrael), kien hemm nies li ma kienux ġenwini għalkemm ma kienux maħkumin mix-xitan. Kien hemm min kellu qalbu ħażina għalkemm ma kienx maħkum minn spirtu ħażin.
San Mark juża verbi fil-preżent, donnu biex minbarra li jagħti ħajja lir-rakkonti dettaljati tiegħu, juri wkoll li dan kollu għadu jseħħ. Illum ukoll għadu jseħħ li fil-ġemgħat tagħna jkun hemm nies ta’ qalb ħażina, jkun hemm ukoll nies li s-setgħa tagħhom fit-tagħlim ġejja mill-biża’ u t-theddid u mhux mill-ħniena u l-mogħdrija. Fil-ġemgħat tagħna llum ukoll għad hemm min jgħawweġ il-messaġġ ta’ Alla skont kif jifhmu hu jew kif jaqbel lilu u lis-setgħa li t-tagħlim jagħtih.
F’dan l-evanġelju, għalkemm jissemma t-tiġrib ta’ Ġesù fid-deżert, ma jissemmewx fid-dettal ta’ evanġelji oħra (Luqa u Mattew) it-tentazzjonijiet, it-tentazzjonijiet ta’ Ġesù. Iżda f’din is-silta qasira, naraw għallinqas tentazzjoni minnhom, mhux maqtugħa u nkwadrata fi żmien jew post partikulari, donnha bħal fuq palk, iżda tentazzjoni imqiegħda f’sitwazzjoni ta’ kuljum, f’post fejn hemm miġbura ħafna nies u hekk it-tentazzjoni tidher iktar rejali u qawwija. L-ispirtu ħażin juri li jaf min hu Ġesù, ma jitkellimx f’ismu biss imma f’ise l-ispirti ħżiena kollha li s-setgħa tagħhom tinsab fil-ħakma tagħhom; ifaħħru quddiem kulħadd u jipproklama l-qawwa tiegħu: ġejt biex teqridna? Ħadd ma jeqred lil ħadd jekk ma jkun xiktar qawwi minnu. It-tagħlim ta’ Ġesù jidher li hu theddida kbira għall-ispirtu tal-ħażen għax it-tagħlim ta’ Ġesù jeħles lill-bniedem maħkum mill-ħakma tax-xitan.
It-tagħlim tal-verità għadu sa żmienna theddida għal min għandu qalbu ħażina lest biex jaħkem bi spirtu ħażin lil min hu dgħajjef. Il-gidba u t-tgħawwiġ tal-verità, in-nofs veritajiet, it-tixrid tal-malafami, il-misinformazzjoni u l-ħolqien ta’ sitwazzjonijiet, l-inkoerenzi u l-interpretazzjoni tal-ħsieb u l-intenzjonijiet, huma kollha għodda tal-ħażin, huma l-ispirtu ħażin li jimmanipula u jeqred kull qalb tajba.
Ma nistgħaġbux għax hawn qlub ħżiena, li mnebbħin u mqanqlin mill-ispirti ħżiena jaslu biex jaħkmu li ħaddieħor. Dawk kienu minn dejjem u jibqgħu għal dejjem. Imma ta’ min nistgħaġbu bil-qawwa ta’ min jista’ jeqred, imma għax iħobb jagħżel li jħenn u jaħfer.
Ninħelsu mill-ħakma ta’ min iqarraq bina meta aħna wkoll nagħmlu l-istess għażla iffurmati mill-verità ta’ Alla.