Home > Minn Fr Philip Cutajar OFM Cap > Inkunu miftuħa għad-djalogu ma’ reliġjonijiet oħra

Inkunu miftuħa għad-djalogu ma’ reliġjonijiet oħra


Minn Fr. Philip Cutajar OFMCap

Bejn it-18 u l-21 ta’ Ottubru 2017 ġejt mistieden sabiex nattendi għall-Konferenza Internazzjonali dwar ID-DJALOGU BEJN IR-RELIĠJONIJIET U L-GĦEJXIEN PAĊIFIKU F’SOĊJETAJIET MOGĦNIJA B’DIVERSI KULTURALI. Din ġiet organizzata mill-Kummissjoni Internazzjoanli “Ġustizzja, Paċi u Ħarsien Sħiħ tal-Ħolqien” fi ħdan l-Ordni Franiskan Kapuċċin. Din il-Konferenza saret fil-Lebanon, eżattament f’Couvent Notre Dame du Puits, Bkenneya – Beirut. Dan huwa kumpless imexxi mis-Sorijiet Franġiskani Lebaniżi tas-Salib imwaqqfa minn Beatu Ġakbu (Abuna Yaacub) ta’ Għażir, Kapuċċin. Ġejt mistieden flimkien ma’ tlieta oħra mill-Ewropa sabiex nippreżenta dan il-kontinent u anke minħabba l-ħidma pastorali li qed inwettaq ma’ l-emigranti li hawn fostna, f’pajjiżna.

IL-LEBANON
Pajjiż b’popolazzjoni ta’ 6 miljuni. Il-pajjiż li aħna bħala Maltin nafu l-oriġni tagħna lilu perezz li huwa pajjiż il-Feniċi. Imperu li dam ‘l fuq minn 1,000 sena fejn Malta kienet maħkuma minnhom (1550-539 QK). Pajjiż bi storja ta’ ‘l fuq minn 7,000 sena. Fis-sena 64 QK ġie maħkum mill-Imperu Ruman. Aktar riċenti akkwista fis-sena 1943 l-indipendenza mill-Franċiżi. Għal 16-il-sena għadda minn żewġ gwerrer ċivili (1975 – 1990). Ħafna jsejjħu dan il-pajjiż bħala l-Iżvizzera fl-Orjent filwaqt li Beirut hija meqjusa bħala Pariġi ta’ l-Orjent. Hemm 18-il-reliġjon rikonoxxuti, l-akbar tnejn huma dawk Kristjani u Musulmani. Huwa meqjus bħala l-aktar pajjiż demokratiku fid-dinja Għarbija. Is-siġġijiet fil-Parlament huma maqsuma b’mod indaqs bejn Insara u Musulmani.

Fil-Bibbja, fl-Antik Testmnet biss dan il-pajjiż jissemma 75 darba. Fil-fatt il-Lebanon hemm min iqisu bħala parti mill-Art Imqaddsa. Ġesù Kristu mar iżuru diversi drabi. Tir u Sidon huma parti minn dan il-pajjiż. L-appostlu San Pawl iżuru wkoll fil-vjaġġi tiegħu. Huwa pajjiż il-qaddisin. Aħna bħala Franġiskani Kapuċċini għandna lill-Beatu Abuba Yaacub El-Haddad (Patri Ġakbu minn Għażir) li għex bejn is-sena 1875 u l-1954. Sar beatu mill-Papa Benedittu XVI nhar it-22 ta’ Ġunju 2008.
IL-KONFERNZA: ĦARSA ‘L QUDDIEM LEJN IL-PAĊI
Għal din il-Konferenza kien hemm partiċipazzjoni minn kull kontinent. B’kollox konna 40 partiċipant. Din l-inizjattiva ġiet imnebbħa mhux biss mix-xogħol siewi li qed twettaq il-Kummissjoni JPIC (Ġustizzja, Paċi u Ħarsien Integru tal-Kreazzjoni) imma wkoll mill-istess kariżma tagħna bħala Franġiskani. Ilkoll nafu biż-żjara storika li San Franġisk, fl-eqqel tal-ġlied u l-antogoniżmu bejn il-Kristjani u l-Musulamni, mar iżur bħala messaġġier tal-paċi lis-Sultan al-Malik al Kamil f’Damietta, l-Eġittu fis-sena 1219.

Matul il-Konferenza kull wieħed minna ppreżenta rapport dwar is-sitwazzjoni ta’ kull pajjiż b’relazzjoni mall-preżenza ta’ reliġjonijiet oħra u dwar x’aħna nagħmlu fil-pajjiżi respettivi tagħna bħala Franġiskani. Minbarra dawn kien hemm diversi esperti fil-materja li taw il-kontribut tagħhom dwar id-differenzi imma aktar w’aktar dwar valuri komuni li jeżistu fid-diversi reliġjonijiet speċjalment dawk Kristjani u Musulmani. Dawn l-esperti kienu ġejjin kemm minn fostna bħala Kattoliċi u Franġiskani kif ukoll minn fost il-Musulmani. Ilkoll qbilna li l-futur tad-dinja huwa li dawn id-diversi reliġjonijiet ineħħu kull preġudizzju frott l-imgħoddi u jħarsu ‘l quddiem b’viżjoni ta’ għaqda, paċi u ħidma flimkien, mibnija fuq il-libertà reliġjuża u r-rispett reċiproku. Hekk kif jgħid Hans Kung: “Ma jista’ jkun hemm qatt paċi bejn in-nazzjonijiet mingħajr il-paċi bejn ir-reliġjonijiet. Ma jista’ jkun hemm qatt paċi bejn ir-reliġjonijiet mingħajr id-djalogu bejn l-istess reliġjonijiet.” Dan huwa kliem li għandu jnebbaħna u jagħmlilna kuraġġ sabiex kull wieġed u waħda minna qatt m’għandna naqtgħu qalbna mill-proċess twil u diffiċli għal djalogu sinċier li jwassal għall-vera paċi.

MINN SITWAZZJONI INĊERTA GĦAL FUTUR AĦJAR
Fittixna li nkunu realistiċi. Ħarisna wkoll lejn is-sitwazzjoni nċerta, perikuluża u mimlija tensjoni li diversi pajjiżi huma għaddejjin minnha minħabba konflitti bejn reliġjonijiet. Dan huwa konsegwenza ta’ fundamentaliżmu, sekulariżmu, sektariżmu w injoranza. Is-soluzzjoni għal dan kollu huwa t-tentattiv tad-djalogu. Din hija l-istrateġija tal-Knisja Kattolika sa minn qabel il-Konċilju Vatikan II u din hija l-istrateġija tal-Kariżma Franġiskan sa mill-għeruq tagħha. San Franġisk dan hu li jgħallimna: li nirbħu kull biża’, kull inċertezza u kull preġudiżżju bil-għan li nidħlu għal djalogu mibni fuq ir-rispett, ftuħ għal xulxin, prudenza u umiltà fejn infittxu li nkunu “qaddejja” u mhux “setgħana” fejn nipprestendu li aħna l-uniċi li naħkmu l-verità sħiħa. L-inizjattiva ta’ San Franġisk f’Damietta trid tkun id-DNA tagħna bħala Franġiskani, trid tkun l-attitudni tagħna u mhux inqas il-ħidma pastorali tagħna f’relazzjoni ma’ reliġjonijiet oħrajn. Din kienet l-attitudni ta’ San Franġisk: iltaqa’ mall-lebbruż u għanqu, iltaqa’ mas-Sultan u qiesu bħala ħuh li m’għandhux jibża’ minnu u ħares lejn il-ħolqien bħala sinjal ta’ l-imħabba ta’ Alla. Id-djalogu għalkemm fih ir-riskju tiegħu imma rridu nidħlu għalih bil-fidi, bħala wieħed mis-sinjali taż-żminijiet. Dan mhuwiex xi għażla opzjonali, jekk trid, imma dmir u kmand tagħna bħala nsara.

Il-Mulej jagħtikom is-sliem!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: