It-Tfittxija għall-Ġustizzja Soċjali bħala pass lejn il-paċi


Dokument mill-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi u l-Kummissjoni Emigrani fil-Jum Dinji għall-Ġustizzja Soċjali 2018

It-Tlieta, 20 ta’ Frar 2018:  “Il-bniedem, mhux l-‘alla tal-flus’, għandu jkollu fiċ-ċentru tas-sistemi soċjali u ekonomiċi, jekk irridu li ssaltan il-ġustizzja soċjali.”  Dan hu l-messaġġ ewlieni tad-dokument ippubblikat illum mill-Kummissjoni Ġustizzja u l-Paċi u l-Kummissjoni Emigranti tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, li jfakkar il-Jum Dinji għall-Ġustizzja Soċjali.

Illum mistednin niftakru li l-faqar hu reali u li hemm wħud minnha li qed jitqabdu biex jgħixu, u li aħna msejħin nieħdu azzjoni konkreta biex jinqered il-faqar f’kull forma tiegħu, għax kif qal il-Papa Franġisku fl-Anġelus t’Ottubru li għadda: “Il-faqar mhuwiex sfortuna inevitabbli: il-kawżi tiegħu jridu jiġu identifikati u jitneħħew.”

Bħalma t-tema magħżula mill-Nazzjonijiet Magħquda għall-Jum Dinji għall-Ġustizzja Soċjali 2018 tiffoka fuq il-migrazzjoni, id-dokument jirrifletti dwar kif nagħmlu l-liġijiet u l-policies ta’ Malta dwar il-migrazzjoni u l-ażil aktar ġusti, billi niffukaw fuq in-nies. Isejjaħ ukoll lill-Gvern biex jimplimenta l-miżuri li ġejjin, li għandhom jipprovdu trattament iktar ugwali għall-immigranti u r-refuġjati li qed jgħixu fostna:

1. Li jinħoloq qafas legali b’saħħtu biex jipproteġi lill-ħaddiema immigranti, partikolarment meta r-reklutaġġ u t-tħaddim tagħhom qed jiġi ffaċilitat biex ikompli jiżdied it-tkabbir ekonomiku kif ukoll jiġi assigurat li dawn il-bnedmin ma jitqisux sempliċiment bħala xogħol irħis li jintrema meta m’hemmx iktar bżonnu.

2. Li jitqiesu l-bżonnijiet tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni biex ikollhom stabbiltà u inklużjoni sħiħa fis-soċjetà tagħna, u jitranġaw il-liġijiet taċ-ċittadinanza tagħna biex jiffaċilitaw l-aċċess tagħhom għaċ-ċittadinanza.

3. Il-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja jingħataw id-dritt li jerġgħu jingħaqdu mal-familji tagħhom f’Malta. Hu impossibbli li n-nies jerġgħu jibnu ħajjithom jekk parti
minnhom tkun f’pajjiż ieħor, possibbilment f’riskju ta’ periklu.

4. Li jiġu aċċettati s-sejħiet għall-ħolqien ta’ mezz legali li jirregolarizza lill-immigranti li
ma jistgħux jirritornaw lura u li għamlu Malta d-dar tagħhom, sabiex jippermettilhom
jgħixu b’dinjità u jiksbu l-potenzjal sħiħ tagħhom.

Filwaqt li dawn ir-rakkomandazzjonijiet huma primarjament indirizzati lill-Gvern, bħala l-entità li għandha s-setgħa li twettaq il-bidliet leġiżlattivi meħtieġa, il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi u l-Kummissjoni Emigranti jisħqu li hu d-dmir tal-Insara kollha li jaħdmu għall-ġustizzja. L-appell jgħodd għalina kollha biex naħdmu għall-promozzjoni tal-ġustizzja lejn l-immigranti u r-refuġjati fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, speċjalment matul żmien ir-Randan, billi:

1. Niġġieldu kontra l-indifferenza f’ħajjitna, nerġgħu naħsbu dwar l-għażliet tal-istil
tal-ħajja tagħna u nkunu aktar konxji tal-ħtiġijiet ta’ ħaddieħor;

2. Nilqgħu lill-barrani – inwarrbu l-barriera ta’ difiża, biża’ u indifferenza u niftħu qlubna, il-komunitajiet u l-parroċċi tagħna għall-immigranti u r-refuġjati;

3. Nirrispettaw id-dinjità tal-immigranti u r-refuġjati billi: niżguraw li t-trattamenti kollha  tagħna magħhom ikunu kkaratterizzati b’rispett u ġustizzja; nieqfu għall-intolleranza, il-preġudizzju, ir-razziżmu u l-istmerrija qawwija lejn il-barrani; u nqisu lil kull immigrant u refuġjat bħala persuna bħalna;

4. Naħdmu biex niksbu ugwaljanza vera billi nagħmlu l-parti tagħna ħalli niżguraw li
l-kawżi strutturali tal-faqar u l-inġustizzja jiġu indirizzati minn dawk li għandhom
is-setgħa li jagħmlu dan.

Id-dokument, filwaqt li jirrikonoxxi d-diffikultajiet dejjiema f’din il-battalja għall-ġustizzja soċjali, iħeġġeġ lil kull wieħed u waħda minna biex ma jitlifx it-tama, bl-għarfien li qed naħdmu biex niksbu s-saltna ta’ Kristu Rxoxt, li “jġib il-ġustizzja lill-ġnus”.

Ara d-dokument kollu bl-Ingliż … 25 DOCUMENT WORLD DAY OF SOCIAL JUSTICE 2018 EN

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.