“M’għandniex jedd la fuq il-ħajja tagħna u wisq inqas fuq il-ħajja ta’ ħaddieħor, mit-tnissil sal-mewt naturali” – L-Arċisqof


Il-Ħadd, 11 ta’ Marzu 2018: L-Arċisqof J. Scicluna qaddes Quddiesa fl-okkażjoni tal-50 anniversarju ta’ Savio College.
387060-740xNone

L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna – F’Savio College, Ħad-Dingli

“Min jagħmel is-sewwa jersaq lejn id-dawl” (Ġw 3, 21). Jiena nixtieqkom tiftakru din il-frażi qasira mill-Evanġelju skont San Ġwann bħala tifsira profonda ta’ dak li qegħdin niċċelebraw illum. Aħna ltqajna biex nirringrazzjaw lil Alla ta’ din l-inizjattiva tas-Salesjani, ulied San Ġwann Bosco, li fetħu dan il-kulleġġ. Il-bidu, bħal kull bidu, kien umli, u wara 50 sena l-preżenza tagħkom tixhed il-ġid li sar, tixhed li dak li ħafna drabi jinżera’ fid-dmugħ, il-Mulej jagħtina l-grazzja li naħsduh bil-ferħ (ara Salm 16:5). Aħna llum inġorru l-qatgħat f’idejna u lill-Mulej ngħidulu: ‘Grazzi, Mulej’. Min irid jagħmel is-sewwa u min jagħmel is-sewwa, jersaq lejn id-dawl.

It-tagħlim kien ħafna għażiż għal Don Bosco għaliex it-tagħlim huwa mod kif inti, fid-dinja, ixxerred id-dawl tal-verità, tat-tjieba u tal-ġustizzja. Dawn it-tliet valuri jsemmihom l-Appostlu Missierna San Pawl meta jispjegalna x’jiġifieri tgħix ta’ wlied id-dawl. Jgħidilna: “Ulied id-dawl ifittxu l-verità, it-tjieba u l-ġustizzja” (ara Ef 5, 9). U allura min jagħmel is-sewwa jersaq lejn id-dawl, jersaq lejn il-valuri tal-verità, lejn il-valur tat-tjieba li tesprimi ruħha fl-imħabba, u jersaq ukoll lejn il-valur tal-ġustizzja li jitratta lil kulħadd b’dinjità u li jqassam lil kulħadd skont il-jeddijiet, id-drittijiet u d-dinjità ta’ kull wieħed minna.

Imma fid-dinja hemm ukoll mumenti ta’ dlam. Anzi Ġesù stess jirrealizza u jistqarr li: “Id-dawl ġie fid-dinja imma l-bnedmin ħabbew id-dlam aktar mid-dawl” (Ġw 3, 19). It-traġedja li aħna nagħżlu d-dlam, anzi Ġesù jgħid inħobbu d-dlam iżjed mid-dawl, mhijiex xi ħaġa li tiġri f’ħaddieħor biss, imma tiġri wkoll fil-ħajja tagħna. Missierna San Pawl illum ifakkarna li Alla għani fil-ħniena. Meta aħna konna mejta minħabba dnubietna, għaliex ħabbejna d-dlam, tana ħajja ġdida flimkien ma’ Kristu (ara Ef 2, 4-5).

L-iskola hija proċess ta’ maturazzjoni fejn it-tifel isir raġel matur, Nisrani konvint u ċittadin onest.

L-iskola trid tkun ukoll ambjent fejn kull meta aħna nagħżlu d-dlam, nerġgħu nduru lejn l-għażliet it-tajba bid-dawl tal-verità, tal-imħabba ta’ bejnietna, tat-tjieba u tal-ġustizzja. Għaliex, kif tlabna fid-daħla tal-iskola, l-iskola mhijiex biss ambjent fejn uliedna, iż-żgħażagħ tagħna – illum hawnhekk hawn ħafna old boys bil-familji tagħhom – jikbru fl-iskills, fil-kapaċitajiet akademiċi tagħhom, imma l-iskola hija proċess ta’ maturazzjoni fejn tifel isir raġel matur, Nisrani konvint u ċittadin onest.

Aħna nafu u nagħrfu d-dgħufija tagħna imma l-qaddisin, bħalma huma Don Bosco u Domenico Savio, u tant qaddisin oħra Salesjani, jgħallmuna li ma nistgħu naqtgħu qalbna qatt minn Alla li hu għani fil-ħniena għaliex it-tjubija u l-qdusija tagħna mhumiex bis-saħħa tagħna imma huma don ta’ Alla. Aħna ħolqien tiegħu maħluqa fi Kristu Ġesù biex nagħmlu l-opri tajba li Alla ħejjilna minn qabel li għandna nagħmlu.

Iż-żagħżugħ, imrawwem fil-familja u fl-ispiritwalità Salesjana, ta’ kuljum jistaqsi: ‘Mulej, xi trid minni?

Kemm hu sabiħ dan il-vers li l-Appostlu Missierna jikteb lin-nies tal-belt ta’ Efesu, lill-Efesin: “Aħna ħolqien tiegħu” (v. 10). Ħa nibdew minn din il-verità: li aħna ma ħlaqniex lilna nfusna imma aħna ħolqien ta’ Alla li nqeda bil-ġenituri tagħna, bl-imħabba ta’ bejniethom. Aħna m’għandniex jedd la fuq il-ħajja tagħna u wisq inqas fuq il-ħajja ta’ ħaddieħor, mit-tnissil sal-mewt naturali. Aħna ħolqien tiegħu. Ir-rigal li tana hija l-ħajja u lilna nfusna, lil xulxin. Aħna maħluqa fi Kristu Ġesù. Għaliex? X’inhu l-iskop? L-iskop hu biex nagħmlu l-opri tajba li Alla ħejjilna minn qabel b’mod misterjuż, kulħadd skont il-vokazzjoni tiegħu. Kemm dmugħ ikollok ixxerred fil-ħajja! Imma ma’ dak id-dmugħ tkun qed tiżra’ ż-żerriegħa tal-ġid. Il-ħsad mhux f’idejna, jarah hu li ħalaqna u ħejjilna minn qabel x’għandna nagħmlu.

Il-proċess tal-iskola jrid ikun ukoll proċess ta’ dixxerniment. Xi tfisser? Li ż-żagħżugħ li jidħol f’din l-iskola, li hija wkoll dar, jagħraf ta’ kuljum x’inhu dak li Alla ħejja minn qabel li għandu jagħmel. Iż-żagħżugħ, imrawwem fil-familja u fl-ispiritwalità Salesjana, ta’ kuljum jistaqsi: ‘Mulej, xi trid minni? X’inhu l-pjan li ħejjejt għalija minn qabel li għandi nagħmel? X’inhuma l-opri tajba li inti ħlaqtni għalihom?’

Kultant ikollok tħallas prezz għoli biex iseħħ fik din ir-rieda tajba tal-Mulej, imma aħna l-glorja tagħna hija li ngħumu fir-rieda tal-Mulej. Il-Mulej iħares lejna u bħalma għamel mal-poplu l-magħżul, kultant tiġih ħasra minna u għalhekk sikwit jibgħat iwiddibna bil-messaġġieri tiegħu. Kultant aħna wkoll, bħalma għamel il-poplu l-magħżul, niddieħku bil-mibgħutin tiegħu, immaqdru kliemu, inkasbru l-profeti tiegħu.

Illum nitolbu lil Mulej jikkalma u ma jinfexx fil-korla tiegħu imma jagħtina qalb li tisma’, li tixtarr, li tgħożż il-Kelma tiegħu. U min huma l-messaġġiera tiegħu? Huma l-qaddisin li għexu magħna u fostna u li l-kelma tagħhom u l-opra tagħhom tibqa’ tikber u tinxtered għax hija mbierka mill-Mulej: “Dawk li jiżergħu fid-dmugħ jaħsdu bl-għana ta’ ferħ” (Salm 16:5).

Illum ejjew nitolbu għal dawk kollha li matul dawn il-50 sena ħadmu, ikkoperaw u studjaw f’dan il-kulleġġ li ismu jfakkarna f’żagħżugħ li laħaq il-qdusija fi żmien qasir imma li wera maturità kbira anke fil-mument tat-tbatija li, ta’ ċkejken, kien jibża’ jitħabbeb mad-dlam. Domenico Savio għażel dejjem li jkun ħabib tad-dawl. Kull min jagħmel il-ħażen jobgħod id-dawl u ma jersaqx lejn id-dawl, imma min jagħmel is-sewwa jersaq lejn id-dawl biex juri li hemm Alla f’għemilu. U meta Alla jkun f’għemilna, għemilna xi jkun? Ikun għemil ta’ wlied id-dawl, ikun għemil ta’ verità, ta’ tjieba u ta’ ġustizzja.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: 2 Kron 36, 14-16.19-23
Salm: 136 (137), 1-2.3.4-5.6
Qari II: Ef 2, 4-10
Evanġelju: Ġw 3, 14-21

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.