L-Evanġelju tal-Ħadd 1 ta’ April 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Ġw 20, 1-9

Sa dakinhar kienu għadhom ma fehmux li l-iskrittura li tgħid li kellu jqum mill-imwiet. Ġwanni donnu jridna nifhmu li wara dakinhar fehmu għax saru jafu, raw b’għajnejhom qabar vojt u rawh u missewh u semgħuh ikellimhom. Ma emmnux għax saru jafu, ġarrbu l-esperjenza tiegħu ħaj. Marru lejn il-qabar imnikkta, jiġru, ma jridux jemmnu li dak li ħasbu li kien għadda u mar, reġa’ ġie. Għarfu li l-inkwietta’ issa huwa ferm ikbar minn ta’ qabel. Moħħhom storda bl-aħbar. L-aħbar ta’ Marija ma kienetx li qam iżda li ħadu l-ġisem tiegħu mill-qabar u ma nafux fejn qegħduh.

Il-ġisem mejjet fil-qabar mimli bih, kien l-unika rabta li fadlilhom miegħu, kif inhi r-rabta tagħna mal-fdlaijiet ta’ dawk li huma għeżież għalina fil-qabar li qegħdinhom fih. Ġrew b’elf ħsieb f’moħħhom, b’tunnellata tensjoni. Jekk m’għadux hemm, xi ħaġa ġara, xi ħadd ħadu u huma setgħu isiru vittma ta’ akkuża, kif fil-fatt kienu; ħaduh biex jgħidu li qam mill-mewt. Sa dakinhar kienu għadhom ikejlu dak li jiġri bil-loġika tal-esperjenza tagħhom u tal-bnedmin kollha. Minkejja li semgħuh jitkellem, ma emmnuhx; minkejja li raw dak li kien jagħmel u kif kien jgħix, xorta baqgħu li kienu. Mhux Tumas biss ma emminx. Mhux Tumas biss ma fehemx. Il-fehma tiġi minn dak li tirraġuna u tirraġuna skont dak li s’issa tgħallimt, li kkunsidrajt.

San Ġwann jurina li kien meħtieġ li jidħlu fil-qabar biex jemmnu. Sa ċertu punt hemm difnu l-imgħoddi tagħhhom u ħarġu xi ftit jew wisq bnedmin ġodda, b’mentalità ġdida; fehmu l-iskrittura, jgħidilna Ġwanni, mhux emmnu; adottaw loġika ġdida, indunaw li ma kienx kliem fil-vojt, fieragħ u bla sens, ma kienx tejatrin jew ħrafa maħduma bi kliem sabiħ ta’ tama falza; kienet rejaltà ġdida li trid tidħol fil-qabar biex tifhimha; trid toqtol il-qadim biex tadotta l-ġdid għax il-qadim qatt ma jħalli l-ġdid jeħodlu postu, l-istess bħad-dawl u d-dlam: flimkien ma joqgħodux.

Illum sbaħna nfakkru li Ġesù qam mill-mewt. Iddrammatiżżajna fil-liturġija, fid-drawwiet li writna u li ħloqna għalina nfusna u forsi kkorrompejna bihom lil dawk ta’ warajna, it-tbatija u l-mewt tiegħu. Ħadna gost inperrċuha b’kull mezz possibli, anke billi eżaltajna lilna nfusna u ssodisfajna l-gosti tagħna li nippretendu li konna hemm, anke jekk mal-ipokriti, mal-irresponsabbli, mat-tradituri, mal-qattiela’ b’xi mod jew ieħor taparsi konna hemm. Illum niġru mal-irxoxt u nogħxew ngħollu x-xbieha tiegħu kemm jista’ jkun ’il fuq. Forsi aħna għadna ma fhimnix l-iskrittura li tgħid li kellu jqum mill-imwiet. Jista’ jkun li dik l-iskrittura ma qrajnihiex jew ma smajnihiex tajjeb, jew fhimna li ridna, jew injorajniha, jew ħsibna li kienet ċajta. Jista’ jkun li dak li għexna iktar rabtilna saqajna mal-art tagħna milli għollilna l-viżjoni tagħna lejn it-tama li jurina l-qabar vojt li aħna nippreferu nibqgħu inarsu lejh minn fuq għal isfel, minn barra, kuntenti li d-dmugħ li nxerrdu jxarrab il-qiegħ ta’ qabar li mhux tagħna u donnu qatt ma jista’ jkun għalina.

L-emozzjonijiet jgħaddu u l-entużjażmu tad-drama jsir duħħan. Ma waqafniex ngħixu. Il-ħajja tkompli u aħna nkomplu ngħixu. Sakemm tieqaf u aħna ma nkunux nafu x’ġara meta dan iseħħ. Jista’ jkun li hu dan li jserrħilna moħħna. Illum inkomplu niġru mimlijin tensjoni, ninkwetaw fuq dak li fil-fantasija tagħna naħsbu li hu l-kollox tagħna u li meta jasal il-waqt, li jasal għal kulħadd, jiġrilna li nindunaw li m’hu jiswilna xejn.

Il-qawmien li niċċelebraw illum ma jfisser assolutament xejn jekk ma nidħlux fil-qabar biex nibdlu l-mentalità li għandu mnejn tbiddel il-mod kif nirraġunaw u ngħixu. Hemm sogru meta temmen, hemm sogru ikbar meta tiddeċiedi li timxi fuq dak li temmen għax jista’ jkun li tistona, teħodha kontra l-kurrent, titwarrab, titkeċċa, tiġi skreditat, mhedded, mgħoddi bi bniedem bla sens. Bħal dak li qallu li s-sens hu marbut ma’ dak li jgħaddi. Jekk hu hekk, kull sens jgħaddi u jintemm meta dak li joħloq dan is-sens jagħlaq għajnjeh.

Il-Qawmien ta’ Ġesù ma jurihx bħala bniedem aħjar milli kien qabel imma jurih bħala bniedem differenti li ta lilu nnifsu b’kull mezz li jidher kontra kull sens li jfassal kull bniedem għalih innifsu. Il-Qawmien ta’ Ġesù ma jurix mixja lura lejn il-ħajja normali tal-bieraħ, imma ħarsa mimlija tama lejn għada. Fih hemm awtentiċità, lejaltà, fedeltà, tneħħija tal-maskri u tal-velijiet; fih hemm il-verità.

Sabiħ dak li ċċelebrajna, iżda x’effett qed iħalli fuqi jekk jien erġajt lura għan-normalità ta’ kulħadd barra dik ta’ Kristu! Stupidu dak li ċċelebrajna jekk l-unika marka li ħalla fija, hija t-tama li s-sena d-dieħla nerġa’ nagħmel l-istess, għax inkunu għadni l-istess jew forsi nkun sirt agħar.

Ejjew nittamaw, li għallinqas sa dakinhar inkunu fehmna l-iskrittura li tgħid li kellu jqum mill-imwiet. Wara kollox naf jew ma nafx, nemmen jew ma nemminx, hu qam tassew. U il-fatt li jiena ma nemminx mhux se jibdel il-verità tiegħu li qam mill-mewt, il-verità tiegħi tibqa’ moħbija u moħlija.

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.