Home > Arċisqof Charles J. Scicluna. 2018 > “Nieħdu l-opportunitajiet kollha tal-ħniena tal-Mulej … is-Sagramenti huma laqgħat speċjali mal-ħniena ta’ Alla” – L-Arċisqof

“Nieħdu l-opportunitajiet kollha tal-ħniena tal-Mulej … is-Sagramenti huma laqgħat speċjali mal-ħniena ta’ Alla” – L-Arċisqof


Il-Ħadd, 8 ta’ April 2018: L-Arċisqof jiċċelebra Quddiesa fil-festa tal-Ħniena Divina.

395404-740xNone

L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna – Fis-Santwarju tal-Ħniena Divina, San Pawl tat-Tarġa, in-Naxxar

Kif tafu lkoll, l-ikona li rrakkontat Santa Fawstina Kowalska fl-esperjenzi mistiċi li kellha u li laqqgħuha ma’ Ġesù u l-ħniena divina tiegħu, fir-rakkonti tagħha, tgħid li mill-Qalb ta’ Ġesù kienu joħorġu raġġi li jfakkruna fl-ilma u d-demm li ħarġu mill-kustat tiegħu. U jekk tiftakru sew, fit-Tieni Qari tal-lum l-Appostlu Ġwanni, hu u jikteb lill-komunità Nisranija ta’ żmienu, għandu din l-espressjoni: “Ġesù li ġie bl-ilma u d-demm”. U jinsisti “mhux bl-ilma biss imma bl-ilma u d-demm” (1Ġw 5, 6).

Fl-Evanġelju nsibu l-ewwel laqgħa tiegħu mad-dixxipli kollha beżgħana, li saret nhar il-Għid filgħaxija, u t-tieni laqgħa tiegħu ġimgħa wara, bħal-lum, meta ltaqa’ wkoll ma’ Tumas it-Tewmi li fl-ewwel laqgħa ma kienx hemm. U Ġesù lid-dixxipli tiegħu jurihom il-pjagi tiegħu: idejh u ġenbu. Aħna nifhmu li meta l-Mulej qed juri jdejh u ġenbu, mhumiex idejh u ġenbu ta’ qabel il-Ġimgħa l-Kbira, imma ta’ wara l-Ġimgħa l-Kbira: idejh bil-marki tal-imsiemer u ġenbu bil-marka tad-daqqa tal-lanza.

U anke Tumas it-Tewmi din il-ħaġa jifhimha u jsemmiha: ‘Jekk jiena ma npoġġix sebgħi fil-marki tal-imsiemer u jdejja fuq il-pjaga ta’ ġenbu, jiena ma nemminx’ (ara Ġw 20, 25). Il-Mulej Ġesù, meta jiltaqa’ miegħu, jilqa’ l-isfida u jgħidlu: “Newwel idejk, poġġieha fuq ġenbi, newwel idejk fejn ġenbi” (ara v.27) Ġesù jippreżenta ruħu bħala l-irxoxt li mill-pjagi tiegħu ħareġ dan id-demm prezzjuż, minn ġenbu ħareġ demm u ilma.

Imma ma jieqafx hemm. Fuq l-appostli jagħmel ġest straordinajru: jonfoħ fuqhom u jagħtihom l-ispirtu tiegħu wkoll. U jispjega din il-qawwa x’inhi: “Id-dnubiet li intom taħfru, jinħafrulhom, dawk li żżommu jkunu miżmuma” (v.23). Hija l-istess qawwa tiegħu, l-istess qawwa divina li jagħti lill-isqfijiet u s-saċerdoti tal-Knisja, il-qawwa li għandu Alla biss: dik li jaħfer id-dnubiet.

Bħalma s-saċerdot għandu l-qawwa li hi l-qawwa ta’ Ġesù, li jirreferi l-kliem qaddis ta’ Ġesù, ma jgħidx ‘Ġesù qal dan il-ġisem ta’ Ġesù’, imma s-saċerdot jgħid: “Dan hu ġismi, dan hu demmi”. Dik il-qawwa li tingħata lis-saċerdoti, hija qawwa divina.

Is-saċerdot għandu l-qawwa — l-istess qawwa ta’ Ġesù — li jirreferi għall-kliem qaddis ta’ Ġesù. Fil-fatt is-saċerdot ma jgħidx: ‘Ġesù qal: Dan hu l-ġisem ta’ Ġesù’, imma jgħid: “Dan hu ġismi, dan hu demmi”. Dik il-qawwa li tingħata lis-saċerdoti hija qawwa divina.

Illum niftakru f’żewġ festi kbar tal-Knisja li ċċelebrajna din il-ġimgħa. Kellna l-magħmudija ta’ tant trabi fil-knejjes tagħna, u fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, waqt il-liturġija ppreseduta mill-Arċisqof, kellna l-magħmudija ta’ seba’ adulti li saru Nsara. Ilbieraħ, imbagħad, kellna l-ordinazzjoni presbiterali ta’ disa’ żgħażagħ li saru saċerdoti. Dawn huma kollha doni tal-ħniena divina u għalhekk illum il-Knisja titlob lil Alla, li huwa ta’ ħniena bla tarf, li matul dawn il-festi tal-Għid iħeġġeġ il-fidi tal-poplu għażiż tiegħu.

Illum, fil-Ħadd tal-Ħniena Divina, il-Knisja x’titolbu lil Alla? Tgħidlu: ‘Qawwi lill-poplu tiegħek, il-grazzji li tajtu, il-grazzji li tajtu fil-Magħmudija, fis-Sagrament taż-Żwieġ għal min hu miżżewweġ, fis-Sagrament tal-Ordinazzjoni għal min hu ordnat “biex kulħadd jifhem bid-dehen kollu, b’liema ħasil tnaddaf, b’liema spirtu tnissel mill-ġdid, u b’liema demm infeda”’ (Kolletta). Il-ħasil bl-ilma li naddafna minn kull dnub. Dan il-ħasil huwa l-ħasil tal-Magħmudija. Illum qed nitolbu l-grazzja biex nifhmu b’liema ħasil tnaddafna meta konna trabi. Imma ta’ kull sena qed ikollna anke adulti jiltaqgħu ma’ Ġesù u jitolbu l-Magħmudija u jieħdu d-deċiżjoni li jkunu ta’ Ġesù.

B’liema spirtu tnissilna mill-ġdid. L-ispirtu jingħata fil-Magħmudija jiġi kkonfermat fil-Griżma tal-Isqof. Għal min ikun tgħammed tarbija, dan is-sagrament jingħata meta almenu nibdew nifhmu xi ftit iżjed. Jiena dejjem ngħidilhom lill-kappillani: ‘Nibża’ li meta qed nagħtu s-Sagrament tal-Griżma lil dawn iż-żgħażagħ ta’ tnax-il sena, din tinbidel fi Grexit għax ma jibqgħux jiġu l-knisja, u ħafna minnhom ma ssibhomx anqas b’nemes’. Iva, mbagħad biex jiġu l-knisja naqra diffiċli. U allura rridu nitolbu għaż-żagħażagħ tagħna wkoll biex is-Sagrament tal-Griżma mhux igerrixhom, imma jiġbidhom iżjed lejn Ġesù bl-għajnuna tal-familji u tal-komunità Nisranija.

“B’liema ħasil tnaddafna l-Magħmudija, b’liema spirtu tnissilna mill-ġdid bis-Sagrament tal-Griżma, b’liema demm infdejna”. Id-demm huwa l-ħajja ta’ Ġesù. Il-Papa Benedittu XVI fil-ktieb Ġesù ta’ Nazaret għandu riflessjoni sabiħa ħafna fuq is-sinifikat tad-demm. Fil-kultura ta’ żmien Ġesù, u anke fl-Iskrittura, id-demm huwa l-ħajja. U allura l-ħajja hija Ewkaristija; fiha hemm il-ġisem u d-demm. Fejn hemm id-demm hemm kollox, fejn hemm il-ġisem hemm id-demm ukoll. Il-ġisem u d-demm, l-umanità u d-divinità. Aħna nfdejna b’dan id-demm, id-demm tal-Ewkaristija, bil-ġisem ta’ Ġesù.

Dawn it-tliet sagramenti l-adulti rċevuhom fil-lejl qaddis tal-Għid. Aħna li nkunu tgħammidna trabi, nirċevuhom sakemm inkunu wasalna biex nitfarfru. Fi żmieni l-preċett kien isir ta’ sitt snin u l-Griżma kienet ta’ tmien snin u l-ommijiet kienu jitolbu li t-tfal ma jikbrux malajr biex almenu l-libsa tal-preċett tintuża għall-Griżma wkoll. Illum ikollom jixtru bilfors lbiesi ġodda għall-Griżma. Imma s-sinifikat profond li dawn is-sagramenti huma s-sagramenti tal-ħniena ta’ Alla. Aħna nsiru Nsara u ta’ kull sena rridu nġġeddu din it-tifkira u nifhmu iżjed dan id-dehen kbir, kemm il-Mulej ħenn għalina.

Hemm żewġ sagramenti oħra tal-Ħniena Divina li għandna bżonnhom. Nibdew bis-Sagrament tal-Qrar. Għalina li tgħammidna trabi, kull meta nqerru s-Sagrament tal-Qrar huwa l-Magħmudija li tiġġedded. Fil-fatt huwa magħruf ukoll bħala t-tieni magħmudija imma li tiġġedded, tiġġedded bil-maħfra tad-dnubiet. L-adulti li tgħammdu f’Sibt il-Għid inħafrulhom id-dnubiet kollha ta’ ħajjithom. Ovvjament id-dgħufija titlob li meta jogħtru mill-ġdid, jersqu lejn is-Sagrament tal-Qrar.

Imma hemm sagrament ieħor li ħafna drabi ninsewh u hemm bżonn niftakru fih; li huwa s-Sagrament tal-Griżma tad-Dilka tal-Morda. Għall-grazzja ta’ Alla f’ħafna residenzi tal-anzjani u fl-isptarijiet għad għandna saċerdoti li meta dak li jkun jitlob dan is-sagrament, huma lesti li jagħtuh. Kultant issib familji li jiddejqu jitolbuh għax jgħidulek: ‘Aħna se nagħmlulu l-Griżma?’ Imbagħad jaslu meta jkun tard wisq. Kemm hi ħaġa għażiża li aħna nidraw li meta tirċievi s-Sagrament tal-Griżma tal-Morda, il-Mulej qed jaħfirlek id-dnubiet imma wkoll qiegħed iqawwik fir-ruħ u fil-ġisem. Kemm hi ħaġa qaddisa li aħna napprezzaw is-Sagrament tad-Dilka tal-Morda li għandu żejt speċjali. F’Ħamis ix-Xirka l-isqof jikkonsagra u jbierek tliet tipi ta’ żejt: tal-katekumeni biex isaħħaħ lil dawk li jkunu se jitgħammdu fil-ġlieda kontra x-xitan għax jipprova jtellef kemm jista’ jkun; iż-żejt tal-Griżma li jikkonsagra l-bnedmin u anke l-artali u l-knejjes; u jbierek ukoll iż-żejt tal-morda, żejt speċjali, barka speċjali, li l-Knisja toffri għall-morda tagħha.

Kemm hi ħaġa sabiħa li aħna nieħdu l-opportunitajiet kollha tal-ħniena tal-Mulej. Is-Sagramenti huma laqgħat speċjali mal-ħniena ta’ Alla u ta’ dan illum nirringrazzjawh.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Atti 4, 32-35
Salm: 117 (118), 2-4.16ab-18.22-24
Qari II: 1 Ġw 5, 1-6
Evanġelju: Ġw 20, 19-31

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: