Lectio Divina

Lectio Divina tat-3 Ħadd tal-Għid. Sena “B”


Vanġelu (Lq 24. 13-48): Hawn min jistaqsi: “Għaliex Kristu Rxoxt deher lid-dixxipli Tiegħu u ftit nies oħra biss? Għax ma marx quddiem Kajfa u n-nies ta’ Ġerusalem?” Irridu noqogħdu attenti li ma mmorrux naħsbu li Ġesu qam bl-istess ġisem li kellu qabel, i.e. ġisem suġġett għal għeja, bard u irjiħat. Issa għandu ġisem glorjuż u bla limitazzjonijiet. Per eżempju, qabel il-passjoni Ġesu ma setgħax jgħaddi minn ġo bieb magħluq jew minn ġo ħajt imkaħħal ħlief b’miraklu.

Wara l-qawmien ma kellux din il-limitazzjoni. In fatti xi appostli bdew ibagħtu biex jagħrfuh. Għalhekk iddubitaw: Hu jew mhux Hu? Ir-resurrezzjoni ma tfissirx li terġa’ tiġi f’did-dinja imma li tgħaddi għad-dinja t’Alla. Dal-ġisem li għandna issa se jibqa’ ġisimna imma ma jibqax il-ġisem materjali li mdorrijin bih hawn imma jsir jixbaħ lil dak ta’ Kristu Rxoxt. Għalhekk, kieku Kajfa ra lil Kristu wara l-qawmien ma kienx se jikkonvinċi ruħu li dan hu l-istess Kristu ta’ qabel. Fis-silta tal-lum Luqa xorta waħda juża’ lingwaġġ materjali għal Kristu rxoxt għax ried jgħaddi messaġġ. Ħa naraw x’inhu.
1. Żewġ dixxipli reġgħu lura minn Emmaws, u qalu lill-oħrajn l-esperjenza li kellhom ta’ Kristu Rxoxt. Dawn qalulhom li Pietru wkoll ra lil Kristu. Kollha ferħu li l-mewt mhux talli ma belgħetx lil Ġesu iżda li kien Hu li rebaħ fuqha, żvojtja l-qabar u qajjem il-mejtin kollha għall-ħajja ta’ dejjem. Waqt li kienu qed jifirħu, Ġesu waqaf f’nofshom, i.e. mhux dehrilhom imma kien ġa preżenti għal xi ħin bla ma ndunaw bih. Hawn għandna l-ewwel messaġġ: biex nagħmlu esperjenza tal-Irxoxt jiħtieġ inkunu preżenti fil-Komunita għall-Qsim tal-Ħobż. Ġesu ma telaqx f’dinja oħra. Baqa’ hawn. Inħossu l-preżenza Tiegħu fil-Komunita: “Fejn tnejn jew tlieta jkunu miġburin f’ismi, jien inkun (mhux niġi) f’nofshom.” In fatti, it-tislima sabiħa ta’ Ġesu “Il-paċi magħkom” jadottaha ċ-ċelebrant waqt il-Quddiesa.
2. “Huma twerwru bil-biża’ għax ħasbuh fantażma.” Din hi ftit stramba għax kienu għadhom qed jitkellmu fuq il-qawmien. Ukoll żgur li Ġesu ma kellu ebda intenzjoni li jwerwirhom. Għalhekk dan hu lingwaġġ letterarju użat minn Luqa biex jipprepara l-messaġġ ċentrali tas-silta tal-lum: “Min huma dawk li qamu mill-imwiet? M’humiex iħirsa jew fantażmi, imma nies bl-istess ġisem u għadam imma issa dan m’għadux materjali. Mattew kiteb għan-nies Semitiċi li ma jgħidux “għandi ġisem u ruħ” imma “jien ġisem u ruħ li jiffurmaw entita’ waħda.” Luqa kiteb għal nies li kellhom il-kunċett greko-ruman li r-ruħ u l-ġisem huma żewġ entitajiet separati: il-ġisem jispiċċa u tibqa’ r-ruħ biss. Għalhekk Luqa ried jagħmel enfasi li meta rxoxta Kristu ma ħalliex il-ġisem fil-qabar, imma dan ukoll irxoxta f’ġisem glorjuż. Hawn għandna messaġġ għalina: meta mmutu, il-ġisem se jitlef il-parti materjali biss. Il-bqija se neħduh magħna, i.e. l-istorja kollha ta’ ħajjitna, imħabbitna lejn qraba u ħbieb u l-kapaċita li nikkomunikaw magħhom, il-persuna, l-personalita u l-identita’ tagħna. Għalhekk, biex jikkonvinċi nies bil-mentalita’ li semmejna, kellu juża’ lingwaġġ pjuttist materjali għal Kristu Rxoxt.
3. “Kristu wriehom riġlejh u jdejh.” Fuq l-ID card wieħed isib wiċċ. Illum mistednin nikkontemplaw l-ID ta’ Ġesu: idejn minfudin, prova ta’ ħajja mogħtija bħala rigal; idejn li mellsu l-lebbrużi, tfal, widnejn it-torox, għajnejn l-għomja, ilsien il-muti – m’għamlux ħlief ġid. Qatt ma kkundannaw jew ikkastigaw. Riġlejn Ġesu jfakkruna fit-triq li mexa: dawn huma riġlejn Alla li ġie mill-bogħod. Nafu li għal tnejn maħbubin l-ebda distanza m’hi se tifridhom, u jkunu lesti jaqsmu xmajjar, ibħra u muntanji. Riġlejn Alla ġew biex biex Hu jiltaqa’ mal-bniedem li kien ‘il bogħod minnu, u għax kien jaf li mingħajr imħabbtu l-bniedem qatt ma jista’ jkun kuntent. Meta n-nisa jiltaqgħu mal-Irxoxt jinżlu jgħannqu u jbusu dawk ir-riġlejn, għax kienu jafu li dawk huma r-riġlejn tal-Għarus maħbub. Qatt m’għandna ninsew li dawk ir-riġlejn spiċċaw il-mixja tagħhom fil-glorja tal-Ġenna biex b’hekk inkunu nistgħu nagħtu sens lil ħajjitna, u lil dak kollu li qed nitħabtu għalih: paċi, ġustizzja, għajnuna lill-foqra, għaqda, eċċ.
4. “Newlulu biċċa ħuta u kielha quddiemhom.” L-irxoxt ma jikolx. Anki f’Ġerusalem ma tantx kont issib tixtri ħut. L-iskop ta’ Luqa hu li min jaqra dis-silta jikkonkludi li ġisem glorjuż mhux fantażma. In fatti, Luqa jkompli b’dan il-lingwaġġ fl-Atti meta Pietru jgħid: “Aħna kilna u xrobna miegħu wara li qam mill-mewt.” Għalhekk tajjeb li nżommu quddiem għajnejna x’kiteb S.Pawl (Kor.15): “L-irxoxt m’għandux ġisem materjali magħmul minn atomi imma ġisem spiritwali.” Dan ma jfissirx li hu etereju (magħmul minn xi arja biss) imma konkret – mhux fis-sens ta’ did-dinja imma tad-dinja t’Alla. Ikompli S.Pawl: “Għax dak li hu suġġett għat-taħsir (corruptible) ma jistax jiret in-nuqqas ta’ taħsir (incorruptibility).” Mela jiżbalja min jaħseb li ġisem materjali jista’ jidħol fid-dinja ta’ bla taħsir. Ġisem glorjuż hu ġisem li ssupera l-limitazzjonijiet materjali imma hu rejali li jista’ jikkomunika m’Alla u ma’ dawk li daħlu l-Ġenna qablu, kif ġa għidna.
5. Ġesu jikkonferma li dan kollu kien imħabbar fl-Iskrittura: “Jiħtieġ iseħħ kull ma nkiteb fuqi fil-Liġi ta’ Mose’, fil-Profeti u fis-Salmi.” Id-dixxipli kienu għadhom qed jaħsbu fuq Messija qawwi li juża’ jdejh biex jaħkem bl-armi. Ġesu jiftħilhom moħħhom biex jifhmu l-Iskrittura. Beda biż-żewġ dixxipli ta’ Emmaws u issa jkompli mal-oħrajn: “Aqraw l-Iskrittura biex tifhmu li mhux bil-forza l-Messija se jbiddel id-dinja imma bl-imħabba. Dan hu l-proġett t’Alla mwettaq minn ħaruf, b’idejh u riġlejh minfudin. Ta’ dan intom xhieda.”

Sors: lachiesa.it/liturgia/omelie/padrefernandoarmellini

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s