Il-Knisja tħares lejkom u titlob li fikom issib nies ta’ mħabba u missirijiet spiritwali


It‑Tnejn, 16 ta’ April 2018: fis‑7:30 p.m., Monsinjur Arċisqof iċċelebra Quddiesa li matulha irċieva l‑wegħda taċ‑ċelibat ta’ erba’ seminaristi li ser jiġu ordnati djakni, fis‑Seminarju tal‑Arċisqof, Tal‑Virtù.

398982-740xNone

L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna – Fis-Seminarju tal-Arċisqof, tal-Virtù, ir-Rabat

“X’għandna nagħmlu biex nagħmlu l-opri ta’ Alla?” (Ġw 6:28). Din hija mistoqsija ta’ nies li japprezzaw il-qawwa ta’ Ġesù, li raw f’Ġesù benefattur kbir, u li l-Mulej jixtieq iwassal bħala atteġġjament iżjed profond. “Tassew, tassew ngħidilkom, intom qegħdin tfittxuni mhux għax rajtu sinjali, imma għax kiltu mill-ħobż u xbajtu. Tħabtu mhux għall-ikel li jgħaddi iżda għall-ikel li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 6 26:27). Irid iwassalhom mill-ġuħ tal-ħobż ta’ din l-art għall-ġuħ — u ngħid jien ukoll għall-għatx — iżjed profond.

B’xi mod dan id-djalogu jirrepeti djalogu bejnu (Ġesù) u bejn is-samaritana meta jitlobha tagħtih jixrob imma l-għatx tiegħu ma kienx biss għatx fuq livell uman imma l-għatx għall-fidi tagħha (ara Ġw 4:14). U fl-istess kuntest jitkellem ukoll mad-dixxipli tiegħu fuq il-ħobż: ‘L-ikel tiegħi huwa li nagħmel ir-rieda ta’ Missieri’ (ara Ġw 6:38). Id-djalogu tas-samaritana ma’ Ġesù għandu għatx u għandu ġuħ għall-fidi, mentri f’dan il-kuntest, f’dan id-djalogu ma’ dawn in-nies li kienu kielu u xebgħu, il-ġuħ u l-għatx tagħhom hu jittrasformah f’għatx għall-fidi. B’xi mod iż-żewġ djalogi jiltaqgħu: l-għatx tiegħu għall-fidi tagħna u l-fidi tagħna hija risposta għall-għatx u ġuħ fundamentali.

Il-ġest tagħkom illum mhuwiex biss ta’ okkażjoni imma huwa impenn solenni quddiem il-Knisja

L-Evanġelji li jikkumenta l-Papa Franġisku fl-Eżortazzjoni Appostolika Gaudete et Exsultate, fil-Evanġelju meta Ġesù jħabbar il-valur tas-saltna tiegħu, jiġifieri l-beatitudnijiet, jitkellem dwar il-għatx u l-ġuħ għall-ġustizzja. Hija risposta wkoll li fl-Evanġelju ta’ San Mattew tirrifletti l-polemika qawwija ma’ Satana meta l-Mulej jirrispondi bil-kliem tal-Iskrittura: “Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix imma b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla” (Mt 4:4). Fil-fatt illum il-Knisja tuża’ din ir-risposta ta’ Ġesù minn Mattew kapitlu 4 fil-versett tal-Hallelujah. Għax il-kuntest huwa li l-bniedem għandu bżonn il-ħobż ta’ din il-ħajja, u fil-fatt fil-Missierna għallimna nitolbu: “Ħobżna ta’ kuljum agħtina llum” (Mt 6:11). Imma din ta’ kuljum — panissuperstialis — hija wkoll riferiment għall-ħobż li jittraxxendi l-ġuħ, huwa wkoll il-ġuħ tar-ruħ.

B’xi mod nistgħu ngħidu li l-ġest tagħkom illum mhuwiex biss ta’ okkażjoni imma huwa impenn solenni quddiem il-Knisja fil-persuna tal-Isqof, li tgħixu l-ħajja taċ-ċelibat. Huwa wkoll risposta għall-ġuħ u l-għatx ta’ Ġesù u għall-ġuħ u l-għatx tagħkom. U dawn l-istinti primordjali llum iridu jiltaqgħu f’kelma waħda li hija ‘imħabba’. Hu jistedinkom biex tagħtu ħajjitkom fiċ-ċelebat u mhux qiegħed jiddisprezza d-don li poġġa fikom, dak tal-istint qawwi li ssiru ġenituri. Hu jrid jittrasformah bil-qawwa tal-grazzja tiegħu f’imħabba universali. Il-Mulej mhux qed jiddisprezza l-istint qawwi ħafna tagħkom li ssiru missirijiet, imma llum jilqa’ l-offerta tagħkom u jittrasformaha f’paternità spiritwali. Għalhekk il-Knisja tħares lejkom u titlob li fikom issib nies ta’ mħabba u missirijiet spiritwali. Iċ-ċelibat tagħkom se jkun deżert waħxi jekk ma jkunx imsoffi bin-nida ta’ meta tagħmel ix-xita tal-imħabba. Kultant tkunu f’ambjent fejn tgħid: ‘Kemm huwa solitari,’ u jkollok tmiss in-nida tal-grazzja ta’ Alla, tat-talb, jekk ma tkunx għaddej minn deżolazzjoni wkoll, imbagħad il-Mulej jippermetti li l-poplu jfarraġkom, ikiddkom imma jfarraġkom.

Iċ-ċelibat tagħkom għixuh bil-ferħ.

Illum irringrazzjawh l-ewwel nett tal-istint sesswali tagħkom għax bi gratitudni qegħdin toffruh f’lingwaġġ ta’ silenzju li ħafna drabi huwa diffiċli biex iżżommu. Imma aħna rridu nafdaw fil-grazzja ta’ Alla u fil-grazzja li tiġi mis-Sagramenti, b’mod speċjali l-Ewkaristija u l-Qrar. Kemm hu importanti li f’din it-triq ikollkom min se jkun jakkumpanjakom. Kemm hu importanti li meta fil-laqgħa tagħkom mal-poplu ta’ Alla tesperjenzaw xi namur diżordinat, tkunu tafu tagħfsu l-brejkiet fil-mument opportun. Kemm hu importanti li allura titgħallmu tħarsu lejkom infuskom b’umiltà kbira u anke bi ftit ironija. Għax meta nitkellmu fuq il-passjonijiet irridu nitkellmu wkoll fuq qawwa li mhix dejjem nistgħu nikkontrollawha minn fejn ġejja imma almenu nistgħu nikkontrollaw fejn ser teħodna jew fejn trid tmur.

U dan kollu jeħtieġ ħafna talb, mhux biss tagħkom imma tal-Knisja għalikom. L-offerta tagħkom m’għandhiex tkun att ta’ awtoflaġellazzjoni. Iċ-ċelibat tagħkom għixuh bil-ferħ. Il-Papa, fl-Eżortazzjoni Appostolika Gaudete et Exsultate joffri teoloġija profonda dwar dan il-kunċett tal-qdusija.

Qed tagħtu risposta konkreta ħafna għaliex qegħdin titkellmu b’lingwaġġ li l-poplu ma jifhmux

Importanti ħafna wkoll li ċ-ċelibat tagħkom jibqa’ dejjem żagħżugħ għax biż-żmien għandu bżonn jiġġeded — ma ngħidilkomx kull sena f’Ħamis ix-Xirka — toqgħodux tistennew! Ma ngħidilkomx ta’ kull ġimgħa imma kuljum – u l-waqgħat m’għandhomx ikissrukom. Itolbu biss li qatt ma tweġġgħu lil ħadd. Itolbu li intom tkunu verament missirijiet li tħobbu l-poplu ta’ Alla u tiddefenduh. Jekk iċ-ċelibat huwa lingwaġġ ta’ mħabba vera, l-abbuż b’mod speċjali sesswali, huwa lingwaġġ kiefer ta’ abbuż mill-poter. U allura ċ-ċelibat isir ir-ritmu stess tal-motivazzjoni vokazzjonali tagħkom. U kif ngħixuh, kif inħarsu lejn ġisimna u lejn it-tqanqil li jkollna u l-użu tal-midja jkun qed jgħidilna wkoll li hemm sintomi, forsi ta’ diżordni, li hemm bżonn nieħdu ħsiebhom.

Tajjeb għalhekk li intom illum, issapportjati mill-familji intimi tagħkom, tħossukom ferħanin li qed toffru imma l-Mulej qed jilqa’. Intom qed tagħtu wkoll risposta konkreta ħafna għaliex qegħdin titkellmu b’lingwaġġ li l-poplu ma jifhmux, li d-dinja ma tifhimx, għotja lil dinja b’għaraq ta’ bluha totali, nonsensical, u intom tridu tagħmlu kuraġġ għaliex b’ħajjitkom u b’mod speċjali bil-libsa tal-istat tagħkom li tesprimi l-konsagrazzjoni tagħkom u tiddefendikom bħalma tiddefendi lil min jinnamra magħkom għax m’intomx ta’ min jarmikom — qed ngħid hekk quddiem min ġabkom fid-dinja — li jifhmu li min japprezzakom jaf ukoll jinnamra magħkom. U intom tridu tkunu nies ikkonsagrati biex tiddefendu l-konsagrazzjoni tagħkom.

U x-xhieda tagħkom tkun qed tgħallem lid-dinja, liż-żgħażagħ li jħarsu lejn l-istint bħala l-għajn tal-ferħ li mbagħad iħalli vojt totali wara ftit, bħad-droga u l-addictions kollha. Intom għandkom tgħidulhom li hemm valuri li jmorru iżjed minn hekk. Tħabtu wkoll għall-ikel li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem. Tħabtu għall-imħabba li tagħti imma tħabtu wkoll għall-imħabba li tibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem.

U l-espressjoni tagħkom trid tkun espressjoni ta’ fidi u għalhekk ser ikun hemm livell meta ma tkunux tafu tispjegaw għaliex Alla għażilkom u għalix intom għażiltuh. Ma jimpurtax, għax il-lingwaġġ tal-fidi huwa aċċessibbli u mhuwiex; tista’ tispjegah u tista’ ma tispjegahx. Jekk tridu tifhmu, staqsu lil ommkom: ‘Inti x’rajtlu lil missieri?’ U jekk tgħidlek ‘ma nafx’, u hu jgħidlek l-istess mhux għax ma jafx imma għax hemm livell fejn l-imħabba ma tafx tesprimi lilha nnifisha ħlief li tħobb għax l-imħabba hija l-premju tagħha nnifisha, ma tfittix raġuni. Hija biżżejjed għaliha nnifisha u l-għotja tagħha trid tkun għotja ta’ mħabba, espressjoni ta’ din il-fidi, li hija l-imħabba lejn Ġesù. Tafu wkoll li l-Mulej iħobbkom, jafkom u jagħdirkom. Il-kalkoli diġà għamilhom: se tibqa’ għaddejja l-ħniena tiegħu.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I:Atti 6, 8-15
Salm: 118 (119), 23-24.26-27.29-30
Qari II: Atti 28,1-10
Evanġelju: Ġw 6, 22-29

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.