L-Evanġelju tal-Ħadd 29 ta’ April 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Ġw 15, 1-8

F’dan id-diskors twil li jibda minn Kapitlu 13 u jintemm f’Kapitlu 17 tal-Evanġelju tiegħu Ġesùjiftaħ qalbu mad-dixxipli tiegħu u jiftaħ qalbu ma’ Alla quddiemhom f’ħin tassew delikat u prezzjuż, mimli emozzjonijiet ta’ qabel it-tluq u l-firda li jġib miegħu.

Miġburin madwar il-mejda, wara li ħaslilhom riġlejhom u ħabbar tradiment u ċaħda, id-dixxipli jġossuhom imħawdin u jinħassu; jinħassu li għandhom bżon minn iħeġġiġhom biex ma jaqtgħux qalbhom: tħallux qalbkom titħawwad. Quddiem is-sitwazzjonijiet kontinwament ġodda li Ġesù jipproponilhom, huma u jitbiegħdu mill-ħajja tagħhom tal-imgħoddi, l-esperjenza personali tagħhom u tal-ambjenti li ġejjin minnhom jibdew iżommuhom lura milli jilqgħu dak li Ġesù kien qiegħed jitlob minnhom. Hija l-esperjenza ta’ kull dixxiplu meta jiġi biex jiddeċiedi jkomplix fit-triq li qabad jew le, iktar u iktar meta t-triq tibda ssir wieqfa u kull pass jaqtalek nifsek.

Iżda Ġesù jimxi magħhom din il-mixja u jurihom kif għandhom jimxuha, niexla jaqtgħu nifishom u lanqas jaqtgħu qalbhom, jurihom kif għandhom jimxu b’għajnejhom fis-sema u b’saqajhom mal-art. Emmnu f’Alla u emmnu fija wkoll. Il-fiduċja hija inidsipensabbli; mingħajrha ma naslu mkien, inutli nixxenqu għal Alla, li, sa ċertu punt, hu fejn tibda l-fidi, jekk ma nintelqux f’idejh, nafdawh u nafdaw l-imħabba tiegħu li ma hi xejn bħal tagħna. Dan hu l-ewwel pass.

Iżda iktar kemm nimxu ’l quddiem, iktar neħtieġu saħħa u qawwa. Kull pass jitlob enerġija straordinarja li ma tiġix mill-ħila tagħna weħidha. Għalhekk Ġesù jipproponi dan il-ħsieb li b’mod simboliku jqabbel mad-dielja, mhux għax kellu l-inbid quddiemu iżda għax id-dielja, meta ma jkunx żmienha tagħti l-impressjoni li hi mejta, spiċċat u ntemmet; zokk niexef bla ebda sura ta’ ħajja, li kważi, jekk ma tkunx tassew tas-sengħa, jħajrek taqalgħu biex ma jaħlix spażju. Iżda f’daqqa waħda d-dielja tinfexx f’firxa ta’ weraq li jdellel u fi frott li mill-għasir tiegħu joħroġ dak li jferrħa qalb il-bniedem. Għad-dell tad-dielja waqt li tixrob il-meraq bnin tagħha hija xbieha kważi idillika li jekk tħares lejha biss ukoll tagħtik is-serħan aħseb u ara jekk tkun fiha tassew.

F’din it-tixbiha Ġesù jara l-imħabba tal-Missier li jieħu ħsiebha minn qalbu, jneħħi l-friegħi li jiddeċiedu li jaħsbu għal rashom u allura jinqatgħu internament u ma jagħmlux frott; tiżjin biss li fl-aħħar mill-aħħar ma jiswa għal xejn. Iżda jieħu ħsiebha wkoll billi jiżbor il-friegħi jibqgħu magħquda bie xjagħmlu frott iktar. Kull żabra fiha weġgħa, iżda kull żabra tkabbar il-frott tal-fergħa miżbura.

Hemm ukoll inkluż l-emfasi fuq l-għaqda tal-friegħi mad-dielja. Weħidhom jintemmu u jkunu tajbin biss għall-ħruq. Il-pretensjoni li kull fergħa tinqata’ biex issir siġra fertili hija falza u qarrieqa. Mingħajru ma nistgħu nagħmlu xejn, mingħajru tajbin biss biex nintrifsu minn min jibqa’ miexi u fl-aħħar mill-aħħar niġu kkunsmati bin-nar li mhux neċessarjament in-nar li nimmaġinaw fl-infern, imma n-nar tal-frustrazzjoni u d-diżappunt bina nfusna, in-nar tal-iżolament u l-firda, in-nar tas-suppervja u l-pretensjonijiet li ġġib magħha. Ix-xewqa għal Alla trid tinbidel f’fiduċja li twassalna biex ningħaqdu miegħu u bih nagħmlu l-frott li jagħti l-ħajja u jhenni qalb il-bniedem.

Iżda hemm ukoll fih l-għaqda ta’ bejnietna. Għaqda li mhix ġejja minn xi rabta taħt xi bandiera jew ideoloġija, xi partit jew soċjetà, għaqda li mhix ġejja minn interessi personali ta’ qliegħ jew onorifiċenzi, iżda minn Alla nnifsu u mill-fatt li aħna wliedu. Kull fergħa li ma tagħmilx frott, ma tagħmilx frott għax tiddeċiedi li tinqata’ u tagħmel li jfettlilha, taħseb li billi tinfired mid-dielja se tigglorifika lilha nnifisha, iżd ambagħad tinduna li meta jasal żmien id-dielja, hi ma twerraqx, ma twarradx, ma titqalx bil-frott.

Ejjew inħobbu mhux bil-kliem u t-tpaċpiċ iżda bl-għemil u tassew għax dan li jżommna magħqudin, dan li jżommna il ħin kollu ħaġa waħda mad-dielja li fina u bina tagħmel il-frott bnin.

Din hi l-glorja tal-Missier.

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.