L-Evanġelju tal-Ħadd 1 ta’ Lulju 2018

Print Friendly, PDF & Email

Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Mk 5, 21-43

Reġa’ lura lejn Kafarnahum bil-baħar. Il-folla kienet miegħu u kienet tistennih kotra kbira ta’ nies.

L-aħbar tal-wasla tiegħu infirxet bħan-nar tat-tiben l-iktar f’widnejn Ġajru, li ismu jfisser ‘Alla jdawwal’ li kellu lil bintu ż-żgħira ta’ tnax-il sena f’xifer il-mewt. Ġajru kien wieħed mill-kapijiet tas-sinagoga, dik l-istess sinagoga li fiha Ġesù għallem b’setgħa differenti, li fiha l-ispirtu ħazin ried jgħolli rasu quddiem Ġesù u safa mkeċċi minnu; l-istess sinagoga li kien benefattur kbir tagħha ċ-ċenturjun ruman li n-nies kienu jirrispettaw minkejja li kien għarib impjegat tal-imperu. Ġajru donnu kien qed jistennih b’ħerqa kbira għax kif sama’ li wasal mar jiġri quddiemu u nxteħet quddiemu jitolbu bil-ħniena għal bintu. Liema missier li għandu l-bintu l-fessuda qiegħda tmut ma jmurx jiġri jitlob l-aħħar tama li fadallu! Ir-raġel wera rispett u qima lil Ġesù u Ġesù, mill-ewwel jitlaq biex jagħtih dak li jixtieq. Il-fidi, anke jekk ġejja mill-ħtieġa estrema, tqanqal il-ħniena ta’ Ġesù u jiweġeb għat-talba tagħha mill-ewwel.

Iżda l-folla kienet kbira, u jekk il-Lhud ta’ żmien Ġesù kellhom minna l-maltin, ma kienux jafu jimxu f’ordni, wara xulxin; kulħad djgħaffeġ u jross u jimbotta. U m’n Alla. Il-marida bit-tnixxija tad-demm, minħabba l-kundizzjoni tagħha ma setgħetx tersaq lejn nies. Kienet meqjusa mniġġsa. Meta mara kienet tara d-demm, anke fiċ-ċiklu tax-xahar tagħha, kienet meqjusa mniġġsa u tniġġes lil kulmin jersaq lejha jew imiss magħha, u biex tissaffa u terġa’ tkun tajba biex tagħmilha man-nies, riedu jgħaddu mill-inqas sengħat ijiem mill-waqfien tat-tnixxija. Jek kdin il-mara kellha tnixxija kontinwa tad-demm ma setgħet tersaq lejn in-nies qatt, mela kienet ukoll eskluża mill-ħajja normali fis-soċjetà. Barra minn hekk setgħet kienet il-mistħija li qanqlet il-fidi ta’ din il-mara, il-mistħija mill-kundizzjoni tagħha li giegħlitha tifred il-folla biex tersaq lejn Ġesù u b’mod oriġinali tmisslu t-tarf tal-libsa. Ġesù qatt ma jsemmi l-marda tagħha. jammir au jfaħħar il-fidi tagħha. F’moħħha hi kienet qiegħda tniġġsu għax hi kienet imniġġsa, imma t-tinġis tagħha mhux talli ma niġġisx lil Ġesù talli saffa lilha għal ħajjitha kollha. Ġesù ħas sil-qawwa ħierġa minnu imma għaraf il-fidi siekta ta’ dik il-mara. Huwa Alla li jara l-moħbi fil-qlub u dak li jsib hemm jimpressjonah u jqanqlu biex ifejjaq.

Iżda il-ħin li għadda sakemm dan kollu ġara, wassal biex it-tifla laħqet mietet. U b’kuntrast ma’ dik il-mara u anke ma’ missier it-tifla, il-ġirien u l-familja qatgħu qalbhomu meta qalilhom li t-tifla hija rieqda u mhux mejta, ippruvaw iwaqqgħuh għaċ-ċajt. Bniedem bla moħħ irid ikun li jgħid li xi ħad dmejjet huwa rieqed. Ma kienux l-ewwel nies li ħasbu hekk. Niesu laħqu għaddewhom. Imma Ġesù ikeċċihom. Min ma jemmix mhux postu biex jara dak li l-fidi turi.

Talita kum. Talita mhux isem it-tifla. Ġesù jsejħilha: tifla żgħira. Il-kelma ‘talita’ turi għożża; it-tifla hija l-fessuda ta’ missierha iżda għal qalb ta’ Ġesù li jagħtiha l-ħajja mill-ġdid. Iżda biex tgħix jitlobhom jagħmlu dak li jidher ovvju. Kif se jġibu ruħhom mat-tifla li kienet mejta u qamet? Din spirtu? Din bniedem? Ġesù jurihom li kollox reġa lura għan-normal. Agħtuha tiekol.

Il-fidi tqanqal il-qalb ta’ Ġesù, kemm il-fidi pubblika u kemm il-fidi siekta u privata. Iżda t-tnejn minn nies li qanqlu l-ħniena ta’ Ġesù kellhom fidi li ma qisitx dak li jgħidu n-nies, ma għamlitx dak li soltu jsir jew dak li hu aċċettabli minn kulħadd. Il-fidi tagħhom ma kienetx il-fidi tal-merħla iżda fiduċja mill-qalb bejn persuna u oħra. Hija din il-fidi li tqanqal il-muntanji. Hija din il-fidi li tidħol sa fil-qalba tal-qalb ta’ Alla.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading