Il-Ħadd 26 ta’ Awwissu 2018: Ilbieraħ filgħaxija l-Istadju ta’ Croke Park f’Dublin, laqa’ fih mhux biss lill-Papa Franġisku, imma miegħu ukoll folla ta’ aktar minn 82 elf persuna li flimkien ħadu sehem fil-Festival tal-Familja. (Ara d-diskors tal-Papa) – F’dawn il-jumejn il-Papa qiegħed f’Dublin biex jattendi d-9 Laqgħa Dinija tal-Familja li fiha wkoll qed tieħu sehem delegazzjoni mill-fergħa Maltija tal-ACN.
Il-Papa Franġisku wasal l-Irlanda il-bierah stess u wara kellu laqgħat mal-Awtoritajiet tal-Pajjiż u ma’ rappreżentanti tas-Soċjetà Ċivili. Minn hemm baqa’ sejjer f’Ċentru ta’ Akkoljenza immexxi mill-Patrijiet Kappuċini li jilqa’ fih familji li m’għandhomx fejn jgħixu.
Illum huwa wassal il-messaġġ u mexxa t-talba tal-Angelus minn quddiem is-Santwarju ta’ Knock, imbagħad illejla ser jiċċelebra quddiesa f’Phoenix Park li warajha jkollu laqgħa mal-Isqfijiet tal-Irlanda.
Il-Papa Franġisku mistenni jasal lura Ruma illejla stess għall-ħabta tal-11.00pm.
Aktar ritratti minn Phoenix Park fejn illejla l-Papa Franġisku ser jiċċelebra quddiesa. Ħajr lill-ACN(Malta) tar-ritratti …
It-temp ma tantx jidher li qed jawgura tajjeb imma l-folol ma jidhirx li ser jaqtgħu qalbhom.