Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Lk 12, 38-44
Donnu kien mistrieħ bilqiegħda fuq xi tarġa, iħares u josserva x’kien qed jiġri madwaru.
Fil-qrib jidher li kien hemm it-trombi, reċipjenti mdaqqsa, f’forma ta’ lembut rasu ’l isfel, biex fil-parti d-dejqa tiegħu jintefgħu l-offerti ta’ flus li jaqgħu fil-parti l-wiesgħa. Il-forma tagħhom kellha l-għan li ħadd ma jkun jista’ jdaħħal idejh u jisraq dak li jkun intefa’, iżda ħadd ma seta’ jitfa’ ħafna muniti f’daqqa; kien ikollu jitfa’ l-muniti waħda waħda u hekk min ikun jissindika, seta’ jara xhiex u kemm qed jitfa’.
Nistgħu nimmaġinaw lin-nies jiftħu l-borża tal-flus u jitfgħu kemm riedu, mhux biss biex jgħinu fil-ħidma tat-tempju, iżda wkoll biex jidhru pampaluni tal-abbundanza u tal-ġenerożità. Ovvjament min ma kienx għani kien jistfa’ dak li jitfa’ b’mistħija, konvint li kulħadd kien qed jiġġudikah u jgħid bih.
Inzerta li Ġesù kien fost dawk li kienu qed jissindikaw, u ma setax ma josservax; mhux biss kemm kienu qed jagħtu, imma b’liema attitudni kienu qed jagħtuh. U Ġesù ma jiġġudikax. Ġesù jammira ċ-ċokon tal-armla u l-qalb kbira tagħha. Tefgħet dak kollu li kellha biex tgħix. Jekk tefgħet kullma kellha jfisser li ma kellhiex biex tgħix iżjed. Il-fiduċja ta’ din il-mara fil-providenza ta’ Alla, li ma kellha lil ħadd min jieħu ħsiebha u jmantniha, ma titkejjilx.
Din il-mara tefgħet kull ma kellha b’kuntrast ma’ oħrajn li tefgħu miż-żejjed tagħhom. Ġesù jitfa’ l-emfasi iktar milli fuq dak li seta’ kien l-għan ta’ min tefa’ miż-żejjed tiegħu fuq it-telqa totali ta’ min għandu ftit u jagħti kollox. Tista’ tidher ħalja persuna li ma jkollha kważi xejn u tagħti dak kollu li għandha; tista’ tidher bla għaqal u rresponsabbli, iktar u iktar jekk kellha lil min trabbi. Iżda hawn tidher ir-radikalità tat-tweġiba għas-sejħa radikali ta’ Ġesù diversi drabi. Tħalli kollox, tagħti kollox, tħoll ir-rabtiet kollha biex tintelaq għal kollox f’idejn Alla.
Ma nistgħaġbux iżżejjed. Nafu anke mill-esperjenza li l-bniedem, inqas ma jkollu inqas ikun marbut, inqas imxekkel milli jagħti u jintelaq f’idejn bnedmin li jafda, f’idejn Alla li jħobb. Ħu bniedem marid, li jħossu bla saħħa, li aħna ngħidu li hi kollox. Jgħallimna daqs din l-armla li l-unika tama, l-unika fiduċja li jkun fadal twasslu biex tassew ixejjen lilu nnifsu u mhux biss jemmen fil-ħniena ta’ Alla, iżda jxandarha bil-miftuħ.
Imma mhux min hu marid biss. Mhux min qed ibati biss. Nammiraw ħafna nies li taw jew qed jagħtu kollox. Mhux bilfors li nħossuna li nistgħu nagħmlu bħalhom. Matul is-sena, l-iktar matul dawn iż-żminijiet tal-Milied, insibuha faċli ndaħħlu idna fil-but u nagħtu xi ħaġa li milli għandna. U f’qalbna nħossuna ġustifikati. Bil-kappell li kelli sellimtlek. Ġesù jammira mhux lil min isellem bil-kappell li għandu iżda lil min il-kappell jagħtih, mhux għax min isellem bil-kappell li għandu qed jiżbalja jew jagħmel ħażin, min jagħti, b’mod speċjali min jagħti mill-qalb, qiegħed juri wkoll il-ġenerożità li ġejja minn Alla. Iżda l-eroj huma dawk li, b’imħabba u b’fiduċja kbira jagħtu kollox.
Meta Ġesù jgħid li m’hemmx imħabba ikbar minn dik li wieħed jagħti ħajtu, mhux qe djgħid li l-imħabbiet l-oħra huma ħżiena jew inqas apprezzati, iżda qedjgħid li l-ikbar imħabba hija li xi ħadd jagħti kollox għax Alla nnifsu ta’ kullma għandu lil dawk li jħobb.