Il-prioritajiet pastorali tal-parroċċi f’Malta


Is-Sibt, 19 ta’ Jannar 2019: Il-prioritajiet pastorali tal-parroċċi f’Malta – Live-in tal-Kappillani 2019.

curia_02.154788599891.jpg

Il‑kappillani tas‑70 parroċċa f’Malta ddiskutew il‑prijoritajiet pastorali fid‑dawl tal‑istħarriġ li sar dwar l‑attendenza tal‑Quddies u l‑fidi f’Malta. Dan sar waqt il‑live‑in annwali aktar kmieni din il‑ġimgħa fis‑Seminarju tal‑Arċisqof, Tal‑Virtù. Flimkien mal‑kappillani attendew l‑Arċisqof Charles J. Scicluna u l‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi.

Għal dan il‑live‑in ġew mistiedna diversi esperti u kelliema oħra fosthom tliet lajċi li ntalbu jattendu għal‑live‑in kollu biex jisimgħu r‑realtajiet tal‑kappillani u jagħtu l‑opinjoni tagħhom minn perspettiva esterna. Dawn huma: Joseanne Peregin, omm, membru attiva tal‑Christian Life Community u ko‑fundatriċi ta’ Drachma Parents; Joseph Pellicano, żagħżugħ li qed iħejji għaż‑żwieġ Nisrani u counsellor; u Louise Laferla, omm, spiżjara, gradwata fit‑Teoloġija u persuna attiva fil‑Knisja.

Huma tkellmu dwar l‑importanza li l‑lajċi ffurmati ma jiqfux biss bil‑parteċipazzjoni fil‑gruppi Insara imma joħorgu mill‑‘comfort zones’ tagħhom biex jassistu lill‑kappillani fil‑ħidma estensiva li għandhom fil‑parroċċi. Din il‑ħidma li hija mifruxa fuq diversi livelli u ssir bl‑għajnuna ta’ lajċi impenjati tinkludi: iċ‑ċelebrazzjoni tal‑Quddiesa u l‑għoti tas‑sagramenti l‑oħra, it‑talb fuq livell ta’ komunità u l‑akkumpanjament spiritwali b’mod individwali, l‑assistenza lill‑persuni morda u dawk li għaddejjin minn diffikultajiet oħra tal‑ħajja, u l‑għajnuna konkreta lill‑foqra fil‑parroċċi.

Temi oħra li ġew diskussi kienu l‑identità tal‑kappillan u l‑missjoni tiegħu fis‑soċjetà, u l‑importanza tal‑kollaborazzjoni fejn il‑kappillani jaħdmu aktar flimkien u jqisu lil‑lajċi bħala kollaboraturi. Din is‑sinerġija tgħin biex il‑kappillani jkunu kreattivi fil‑mod ta’ kif iwasslu l‑esperjenza ta’ fidi lill‑oħrajn, inkluż lil dawk li tbiegħdu mill‑Knisja jew huma fil‑periferija.

Kelliema oħra mistiedna jindirizzaw lill-kappillani waqt il-live‑in huma: Patri Josef Pace OFM Conv, l‑antropologu Dr David Zammit, is‑soċjologu l-Prof. Edward Zammit, u l-esperti fil-public policy il-Prof. Edward Warrington u Dr Mario Thomas Vassallo.

Għal‑live‑in ġie mistieden ukoll il‑psikologu Dr Nicholas Briffa li tkellem dwar servizz ġdid ta’ sostenn u well‑being ħolistiku li qed jiġi pprovdut lis‑saċerdoti mill‑Kurja tal‑Arċisqof.

Il‑live‑in, li ġie organizzat mill‑Kunsill tal‑Kulleġġ tal‑Kappillani, jipprovdi wkoll ħin għat‑talb u għal diskussjoni bejn il‑kappillani u l‑isqfijiet.