Titbegħidx mill-qrar, ersaq lejn il-qrar


Il-Ġimgħa, 29 ta’ Marzu 2019: Pellegrinaġġ u Quddiesa bl-istatwa ta’ Ġesù Redentur fl-Isla.

29/03/2019 18:04:17 ISLA
29/03/2019 18:04:17 ISLA

L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna – Fil-Knisja Parrokkjali, l-Isla

Nixtieq l-ewwel nett insellem lil kull wieħed u waħda minnkom li ħadna sehem flimkien fil-pellegrinaġġ wara l-istatwa għażiża tar-Redentur, u anke lil kull min qiegħed jismagħni permezz tal-mikrofoni madwar il-belt tal-Isla, din il-parroċċa tant għażiża.

Il-Mulej jirrispondi domanda importanti: “Liema hu l-akbar kmandament?” (Mk 12:28). Aħna ħafna drabi meta nsemmu l-kelma ‘kmandament’ niftakru fl-10 kmandamenti u niftakru wkoll f’kemm-il darba nonqsuhom. Il-Mulej jindikalna x’inhu l-iżjed importanti fil-ħajja tagħna. Nistaqsu lilna nfusna: ‘Qiegħed inħobb tassew?’ Issa aħna, meta nippruvaw nħobbu ’l Alla, inħossuna dgħajfin, inħossuna anke midinbin u tajjeb niftakru fil-kelma tal-Appostlu Missierna li jfakkarna kemm Alla ħabbna qabel ma ħabbejnieh. Huwa tagħlim li jagħtina wkoll San Ġwann: “Mhux għax aħna ħabbejnieh, imma hu ħabbna”. Minħabba d-dgħufija u d-dnub tagħna konna qisna għedewwa tiegħu imma hu ma stmerrx isir wieħed minna fil-ġuf safi ta’ Marija Verġni u jbati għalina.

Aħna llum inqimu lil Ġesù bħala r-redentur tagħna. Ir-redentur huwa dak li jsibek ilsir ta’ xi ħadd u ta’ xi ħaġa u jħallas biex inti tinħeles. Missirijietna din ir-realtà kienu jifhmuha ħafna għax diversi Maltin kienu jisfgħu lsiera tal-furbani jew tal-Ottomani, b’mod speċjali fl-ibliet jew l-irħula li kien hemm mal-kosta bħalma kienu l-Isla, il-Birgu u Bormla. Ħafna furbani kienu jħebbu għal dawn l-irziezet qrib ix-xatt u lil kull min isibu jeħduh għal fuq ix-xwieni u jagħmel ħajja ta’ tbatija kbira.

… kultant inkunu lsiera tal-vizzji tagħna … u Ġesù bid-demm tiegħu jidħol għalina u jeħlisna.

Imma kien hemm ukoll il-possibilta b’mod speċjali meta missierijietna kienu jisfgħu lsira tal-Ottomani li dak li jkun xi ħadd iħallas għall-ħelsien tiegħu u għalhekk kellna wkoll l-konfraternitajiet li kienu jaħdmu għall-ħelsien tal-ilsira. Meta lil Ġesù nagħtuh dan it-titlu sabiħ tar-‘redentur’, infakkru li hu ħallas bid-demm tiegħu biex aħna ninħelsu mill-jasar. Aħna konna lsiera tad-dnub, kultant inkunu lsiera tal-vizzji tagħna, ta’ xi ħaġa li tgħakkisna u tkiddna, u Ġesù bid-demm tiegħu jidħol għalina u jeħlisna.

O Ġesù Redentur tagħna! Kemm hu sabiħ dan it-titlu li aħna nagħtuh! O Ġesù Redentur tagħna, ħenn għalina u ieqaf magħna, ħenn għalina u ieqaf magħna! F’dawn il-ġranet li jippreparawna għall-Ġimgħa l-Kbira ejjew nieqfu fuq dan il-ħsieb. Il-Mulej sabni lsir, ħallas hu biex jien nkun ħieles tassew. Tgħidli kif? Bil-qrar. Titbiegħedx mill-qrar, ersaq lejn il-qrar. Fil-qrar il-Mulej jidħol għalik, jaħslek bid-demm għażiż tiegħu u jeħilsek. Jeħilsek! Jagħtik paċi u ferħ li ma tistax tixtrihom f’din id-dinja imma li jista’ jagħtihom hu biss.

Meta tiftaħ il-bieb tal-ħelsien permezz tal-qrar, qis li titqarben.

Meta tiftaħ il-bieb tal-ħelsien permezz tal-qrar, qis li titqarben. Fit-tqarbin il-Mulej jagħtik il-ġisem u d-demm tiegħu, il-ħajja tiegħu, il-grazzja tiegħu, l-imħabba tiegħu, il-ħniena tiegħu; jagħtik lilu nnifsu. Kemm hi ħaġa sabiħa li f’dawn il-ġranet qaddisa tar-Randan u tal-Għid aħna nersqu lejh u lejn Ommu Addolorata li tifhem l-għafsa ta’ qalb ta’ kull omm, tifhem il-bikja ta’ kull ġenitur. Aħna l-Maltin li tant inħobbuha, nitolbuha tmexxina lejn binha u tgħallimna nirrepetu ħafna drabi żewġ talbiet.

L-ewwel talba kien iħobb jgħidha San Ġorġ Preca u nirrepetiha: ‘Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok’. Ngħiduha flimkien? ‘Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok’. Għax aħna ħafna drabi mingħalina li ħadd ma jista’ għalina jew li m’għandna bżonn lil ħadd. Imma l-akbar tagħlima u l-ikbar paċi hi li inti tistrieħ fi ħdan il-Mulej u bħal tarbija fi ħdan ommha, tgħidlu: ‘Għandi bżonnok biex tħenn għalija, biex tgħallimni, biex tikkoreġini, biex tindukrani, u biex teħlisni’.

It-tieni talba hi dik li intom tgħidu u li għednieha waqt il-pellegrinaġġ illejla. Nixtieq li ngħiduhielu flimkien. ‘O Redentur maħbub tagħna, ħenn għalina u ieqaf magħna’.

✠ Charles J. Scicluna

Arċisqof ta’ Malta