Il-Qalb Materna ta’ Alla


Is-Sibt, 30 ta’ Marzu 2019: Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-Pellegrinaġġ tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija – Sezzjoni Femminili fl-okkażjoni tas-Sena Djoċesana Marjana fis-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu.
20190330_171002.jpg

IL-QALB MATERNA TA’ ALLA

Ilkoll jista’ jiġrilna li nsibu ruħna fiż-żarbun taż-żewġ ulied fi ħdan il-familja li jsemmi Kristu fil-Vanġelu tal-lum (Lq 15:11-32). Għalkemm kienu jgħammru taħt l-istess saqaf, la l-wieħed u lanqas l-ieħor ma kienu jafu lil missierhom. Il-fatt li ma kinux jafu lil missierhom wassal biex it-tnejn ħassew li kellhom jitilqu ’l barra mid-dar u jaqtgħu r-relazzjoni tagħhom mal-missier u bejniethom. Il-kbir, meta sema’ li missieru ordna festa minħabba ħuh, ma riedx jidħol ġewwa u għadda lil missieru minn “proċess” (għalkemm il-missier ħareġ jitolbu jidħol, ma nafux kif spiċċat l-istorja). Iż-żgħir “sarr kollox u telaq minn beltu lejn pajjiż imbiegħed”.

L-istorja tat-tħarbit ta’ din il-familja tixħet dawl fuq dak li qed jiġri fi ħdan familja oħra: il-komunità ekkleżjali. Għalkemm ninġabru taħt saqaf wieħed tal-Knisja, nibża’ li mhux ilkoll għandna għarfien tajjeb ta’ Alla l-Missier. Għalhekk, billi lil Alla ma nafuhx sew, faċli nibdew infittxu l-bieb ta’ barra tad-dar, bħal meta ma nħossux il-ħtieġa tal-katekeżi bi tħejjija għas-sagramenti, ma narawx il-valur tal-quddiesa tal-Ħadd, nittraskuraw il-ħajja sagramentali, nagħlqu qalbna għall-proxxmu, u l-bqija. Ma ngħidx li nkunu tlifna l-affezzjoni tagħna għall-Missier, għax kif nistgħu nitilfu xi ħaġa (l-affett) li qatt ma kellna?

Għax ma kienx jaf xi jsarraf missieru, l-iben iż-żgħir tal-parabbola talbu jagħtih is-sehem li kien imissu biex hekk ma jkollux x’jaqsam miegħu aktar. Fi kliem ieħor, kien qed jgħid lil missieru: Agħtini sehmi, għax la rrid nagħrfek bħala missieri u lanqas nirrikonoxxi lili nnifsi bħala ibnek. Il-fatt li talab li jieħu sehmu qabel ma missieru għalaq għajnejh fil-mewt, ifisser li kien qed jixtieqlu mewt antiċipata. Biex mingħalih ikun ħieles u rajh f’idejh, l-iben joqtol lil missieru. L-istess jiġri lilna fir-relazzjoni tagħna ma’ Alla l-Missier! Min huwa sajjem dwar il-Missier jew għandu għarfien żbaljat, jasal biex “joqtol” lil Alla.

Quddiem dan il-frakass, il-missier ma jaqbadx il-bastun f’idejh – ma jużax il-liġi li kienet tagħtih il-fakultà li, jekk ibnu ma jobdihx u jkun stinat, jaqbdu u jieħdu għand ix-xjuħ tal-belt tiegħu biex in-nies kollha ta’ beltu tħaġġru sakemm imut (ara Dewt 21:19-21); minflok, huwa jagħtih dak li talbu – jippreferi jagħti ħajtu bit-tama li jsalva lil ibnu. Huwa missier miċħud minn ibnu, imma li ma jiċħadx lil ibnu. Ibnu “joqtlu”, imma hu jibqa’ jħobbu u jistennieh biex jagħtih il-ħajja mill-ġdid. Ibnu jiftaħ il-bieb biex jitlaq ’il barra, u l-missier iżomm il-bieb miftuħ beraħ biex xħin irid jerġa’ lura.

Għalkemm biex jilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħu fil-bluha tiegħu l-bniedem jipprova joqtol lil missieru, huwa qatt ma jasal li jħassar għalkollox il-memorja tiegħu. Hekk ġara lill-iben iż-żgħir. Meta mess il-qiegħ, għaraf li jekk irid jgħix, kien jeħtieġlu jirritorna għand missieru, imqar bħala wieħed mil-lavranti. F’ċertu sens nistgħu ngħidu li għalkemm kien fiżikament ’il bogħod mid-dar ta’ missieru, tul dak iż-żmien kollu l-missier baqa’ preżenti f’ħajtu – mhux tant għax hu (it-tifel) kien jaħseb fih, imma għax il-missier baqa’ b’moħħu fih.

Għax qabel ma telaq mid-dar, missieru kien ġa beda jistennieh ġej. L-imħabba tal-missier tara ’l bogħod. Meta jikteb li “kif kien għadu fil-bogħod missieru lemħu”, San Luqa, aktar milli qed jiddeskrivi l-għajnejn tajba tal-missier, qed jgħidilna kemm kellu qalb kbira. Għax qabel rah b’għajnejh, huwa kien rah b’qalbu. Aktar ma ibnu kien ’il bogħod, il-missier aktar daħal fil-profondità ta’ qalbu.

Fl-għajnejn tal-bniedem iż-żagħżugħ li ġie lura kellu dehra miżera, kien ilsir, nofsu mejjet u mitluf; imma l-ħarsa li tinfed tal-missier ma tiqafx fuq l-estern, imma tara l-ġewwieni u f’dik il-persuna mtertqa u li kienet tertqitlu qalbu, huwa jara lil ibnu u jħaddnu miegħu.

It-traduzzjoni tal-Malti tgħid li “kif kien għadu fil-bogħod missieru lemħu u tħassru”. Fit-traduzzjoni bit-Taljan, flok il-kelma “tħassru” jużaw il-frazi “fu commosso nelle viscere” – il-missier ħass il-ġewwieni tiegħu jitqanqal. Hawnhekk San Luqa juża l-kelma bil-Grieg esplanchnìsthē li bil-Lhudi hija tradotta rahamin, li fl-istess għerq tagħha tfisser “il-ġuf tal-omm”. Dan ifisser li l-missier ħabb lil ibnu bl-istess imħabba ta’ omm.

Forsi hawn għandna r-raġuni għaliex fil-parabbola San Luqa ma jsemmix lill-omm taż-żewġ ulied. Il-fatt li l-Evanġelista jgħid li l-missier ħabb lil ibnu bil-ġewwieni tal-omm ifisser li fil-figura tal-misser huwa jwaħħad il-paternità mal-maternità: il-missier huwa omm ukoll. Bir-raġun l-artista Rembrandt, meta jpitter ix-xena tal-missier iħaddan lil ibnu, id waħda tal-missier hija ta’ raġel filwaqt li l-oħra hija id ta’ mara!

Ma għandna ebda diffikultà li napplikaw dan kollu għall-Missier Alla. Fl-Iskrittura għandna diversi passaġġi fejn Alla huwa mxebbah mal-omm: “Tista’ mara tinsa t-tarbija tagħha u ma tħennx għal bin ġufha? Imqar jekk din tinsa, jien ma ninsiek qatt” (Iż 49:10); u band’oħra jgħid: “Bħalma omm tfarraġ lil binha, hekk jien infarraġ lilkom” (Iż 66:13). Klement Alessandrinu kien l-ewwel fost is-Santi Padri li jgħid illi “f’Alla l-kobor jagħmlu missier u l-kompassjoni lejna tagħmlu omm. Il-Missier sar mara biex jista’ jħobb” (Quis dives salvatur 37, 2); u Ġuljana minn Norwich tikteb: “Kif Alla huwa verament missier, huwa wkoll tassew omm tagħna. Dan qalhuli fir-rivelazzjonijiet li kelli” (Libro delle rivelazioni, 231). Fil-Katekiżmu tal-Knisja nsibu li “l-ħlewwa ta’ missier li juri Alla tista’ tiġi mfissra wkoll bi xbieha ta’ omm li turi… l-intimità li hemm bejn Alla u l-ħlejjaq tiegħu” (n. 239).

Ħadd aktar minn Marija, Omm Alla, ma jista’ jgħinna niskopru l-maternità tal-Missier, għax min isib lilha jkun sab rifless tal-Missier. F’Marija l-miżerikordja u l-ħlewwa materna ta’ Alla jsibu l-aqwa espressjoni tagħhom. Il-maternità ta’ Alla timmanifesta ruħha fil-maternità ta’ Marija. Il-qalb ta’ Marija hija estensjoni tal-qalb materna ta’ Alla l-Missier. Fi kliem il-Papa Franġisku, “fil-wiċċ matern ta’ Marija tilma t-tjubija ta’ Alla”. Fil-femminilità tagħha, Alla jilbes dik il-ħlewwa u d-delikatezza tal-imħabba materna. Fid-dar tagħna lkoll, fil-Knisja, il-preżenza ta’ Marija hija meħtieġa. Marija hija gwida żgura li flimkien ma’ Binha jwassluna għand il-Missier.

Għalhekk, għeżież Soċji membri tas-Soċjetà tal-Museum, fid-dawl ta’ din ir-riflessjoni niġbed tliet konklużjonijiet:

1) Din il-parabbola, li tissejjaħ ukoll “vanġelu ġewwa vanġelu”, tgħinna nifhmu lil dawk li jitilqu mid-dar u jsiru “spiritwalment orfni”. Kif għidt aktar ’il fuq, ħafna drabi wieħed jabbaduna l-Qasam, iċ-Ċentru tad-Duttrina, il-Knisja, għax ma jkunx jaf sewwa lill-Missier. Wieħed jawgura li ma tkunx ħtija tagħna li wieħed ikollu fehma sfigurata tal-Missier.

2) Fil-persuna u fl-atteġġjamenti tal-Missier/Omm tal-parabbola għandna lezzjoni pedagoġika ta’ kif għandna nilqgħu u nakkumpanjaw lil dawk fdati fir-responsabbiltà tagħna bħala katekisti, partikularment lil dawk li jkun fit-trufijiet.

3) Fuq l-eżempju tal-Fundatur, San Ġorġ Preca, ma nibżgħux nieħdu lil Marija Ommna għandna għax hi turina l-karatteristiċi materni ta’ Alla l-Missier u fl-istess waqt tagħmlilna l-qalb biex bħall-missier tal-parabbola ngħinu lill-proxxmu tagħna biex jagħmel l-esperjenza sabiħa tal-qawmien: “Dan ibni kien mejjet u raġa’ qam”.