Studenti jipproponu ġnien għal persuni bid-dimensja f’Casa Leone


Għadd ta’ studenti mill-Fakultà tal-Ambjent Mibni mill-Università ta’ Malta ppreżentaw diversi proposti biex isir ġnien għall-pazjenti bid-dimensja fid-dar tal-anzjani tal-Knisja ‘Casa Leone’ f’San Ġiljan. L-għan tal-proġett kien li l-istudenti jidentifikaw il-ħtiġijiet tal-anzjani u kif l-ispazji miftuħa jistgħu jtejbu l-ħajja tal-individwu fil-qasam tas-saħħa mentali u d-dimensja. Dawn il-proposti saru taħt is-supervizjoni tal-Perit Alexia Mercieca bil-kollaborazzjoni tad-Direttorat tad-Djar tal-Knisja għall-Anzjani.

D5W_0939 2271909413522/07/2019 09:41:35 San Giljan
D5W_0939 22719094135 22/07/2019 09:41:35 San Giljan

Fil-messaġġ tiegħu waqt il-preżentazzjoni, l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi qal li l-persuni li jbatu bid-dimensja jistħoqqilhom kull imħabba u rispett daqs kull bniedem ieħor. Faħħar il-mod li bih l-istudenti tal-arkitettura poġġew il-ħtiġijiet tal-anzjani bid-dimensja fiċ-ċentru tar-riċerka tagħhom. Qal li b’hekk il-persuna u r-rispett lejn id-dinjità tagħha jibqgħu dejjem fiċ-ċentru tal-ħidma tagħna. L-Isqof Galea-Curmi awgura li dan ikun prinċipju li jmexxina fil-kura li tingħata lill-anzjani fis-soċjetà Maltija.

Għal din il-preżentazzjoni attendew il-Vigarju Episkopali għad-Djakonija Mons. Charles Cordina, id-Dekan tal-Fakultà tal-Ambjent Mibni l-Professur Alex Torpiano, il-Perit Alexia Mercieca u l-Professur Charles Scerri.

Sors: www.knisja.mt
Ritratti: www.knisja.mt/ritratti