Esperjenza fil-komunità ta’ San Patrignano


Staff minn proġett Tama Ġdida, fi ħdan Caritas Malta, għadhom kif temmew esperjenza ta’ formazzjoni fil-Komunità ta’ San Patrignano f’Rimini, l-Italja.

San Patrignano hi komunità li tħaddan madwar 1,400 resident li jagħmlu programm ta’ rijabilitazzjoni fuq tipi ta’ dipendenzi differenti. Hija meqjusa bħala l-ikbar komunità terapewtika residenzjali fid-dinja, li ilha taħdem għal dawn l-aħħar 40 sena ma’ persuni li għandhom problema ta’ dipendenza tad-drogi u biex ikunu jistgħu jirritornaw f’soċjetà ħielsa minn dawn id-dipendenzi. F’dawn is-snin San Patrignano ra ’l fuq minn 30,000 persuna jattendu dan il-programm, li jdum madwar tliet snin u nofs. Din il-komunità tibbaża ħafna fuq metodu ta’ intrapriża soċjali.

L-esperjenza ta’ staff minn diversi komunitajiet terapewtiċi għar-rijabilitazzjoni mid-droga u minn Caritas Malta, kienet waħda li tagħti ħarsa lejn progammi oħra kif ukoll jesperjenzaw persuni li ġejjin minn madwar id-dinja; xi jkun wassalhom biex ikunu dipendenti fuq sustanzi, logħob tal-azzard u dipendenzi simili li jwaqqfu l-ħajja ta’ persuna milli tgħix bid-dinjità li tixirqilha, ħielsa minn dan ix-xkiel ta’ dipendenza.

Caritas Malta temmen li b’dawn l-esperjenzi ’l bogħod minn xtutna, l-istaff jieħu informazzjoni dwar ħidmiet f’dan il-qasam u b’hekk Caritas tista’ tibqa’ ssaħħaħ is-servizzi tagħha u l-persuni li jaħdmu fi ħdanha.

Anthony Gatt, direttur ta’ Caritas Malta qal li l-formazzjoni personali u professjonali u l-iżvilupp kontinwu tal-istaff f’dawn l-oqsma huwa essenzjali biex il-persuni li jfittxu l-għajnuna isibu staff li hu aġġornat u preparat sew biex jirrispondi għall-bżonnijiet tagħhom. Żjajjar ta’ dan it-tip huma parti mill-programm ta’ formazzjoni u aġġornament tal-istaff li qed ikunu possibbli anke bl-għajnuna ta’ Fondi Ewropej.

Sors: www.knisja.mt