Marija t-Triq tal-Ferħ


Is-Sibt, 10 ta’ Awwissu 2019: Ittra Pastorali tal-E.T. Mons. Mario Grech Isqof ta’ Għawdex fl-okkażjoni tal-Festa ta’ Santa Marija u l-Għeluq tas-Sena Marjana.

69/2019 

MARIJA T-TRIQ TAL-FERĦ

Kont għadni s-Seminarju meta l-Qaddej ta’ Alla Dun Mikiel Attard irrakkontalna li darba, waqt li kien ġej lura bil-vapur lejn Malta wara esperjenza mal-foqra fl-Italja, resaq fuq żagħżugħ barrani u staqsieh x’inhu l-ferħ. Iż-żagħżugħ fetaħ flixkun birra, legleg ftit minnu u, waqt li wrieh il-flixkun, qallu: “Dan huwa l-ferħ!”. Ġara li matul il-vjaġġ qam il-maltemp, il-vapur beda jogħla, tant li kien hemm diversi li ddardru. Fosthom kien hemm dan iż-żagħżugħ, li tant għamillu deni li għalef il-ħut! Xħin il-vapur daħal il-Port il-Kbir tagħna, Dun Mikiel b’ħafna mħabba staqsieh x’kien ġara mill-ferħ tiegħu. Iż-żagħżugħ skuża ruħu u qallu li kien qed jiċċajta meta kien tah l-ewwel tweġiba.

Skont stħarriġ li sar f’dawn l-aħħar snin, pajjiżna hu fost l-aktar pajjiżi fid-dinja fejn wieħed jgħix ferħan, jekk mhux ukoll l-aktar poplu ferħan fid-dinja![1] Ħaġa sabiħa, imma kemm tassew hu minnu dan? U x’kejl jintuża biex inqisu l-ferħ? Personalment inħoss li llum ħafna huma dawk li qed jagħmlu l-istess mistoqsija li għamel Dun Mikiel dwar x’inhu l-ferħ, iktar u iktar meta bħal donnu l-ferħ veru qed jiskarsa. Madwarna hawn diversi sitwazzjonijiet ta’ diqa li jtaqqlu l-moħħ u l-qalb. Biżżejjed insemmu s-sħab iswed li hawn fuq ċerti koppji miżżewġa li, f’temp ta’ ftit żmien, qed jaraw il-ħolma ta’ ħajja ferrieħa fiż-żwieġ issirilhom suf; jew it-tkattir ta’ problemi soċjali ġodda li qed iżidu sitwazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ saħħa mentali fostna u f’tant pajjiżi oħra.[2]

Huwa fatt li s-soċjetà tal-wellbeing li ngħixu fiha toffri ħafna riċetti biex il-bniedem jieħu pjaċir. Imma l-pjaċir mhux ferħ; il-pjaċir huwa sentiment tal-mument u malajr nerġgħu nsibu ruħna battala. Id-dinja tan-negozju taf li l-bniedem għandu dan il-bżonn naturali li jkun ferħan u tinvesti ħafna biex “tbegħelna” dak li taparsi huwa ferħ. Imma qabel ma tressqilna “l-prodotti” li “jferrħu”, id-dinja rnexxielha żżarma kodiċi li kien jiggwidana ħalli nagħżlu bejn imġiba li tixirqilna u dik li tiswielna ta’ deni. Daħħlulna f’moħħna li, biex wieħed mingħalih ikun ferħan, kollox huwa permess. Dan wassal biex illum għandna soċjetà libertina.

Imma l-fatt li llum il-bniedem għandu l-liċenzja li jagħmel li jrid ifisser li aħna poplu aktar ferħan? Għandu jħassibna l-fatt li wasalna f’punt fejn il-bniedem qed jipproponi li l-kannabis jew il-marijuana jkunu legalizzati għal “użu rikreattiv”, li, fi kliem sempliċi, ifisser li qed noffru d-droga biex il-bniedem ikun ferħan! Possibbli s-sitwazzjoni hija daqshekk serja li wasalna li, biex il-bniedem ikun ferħan, irridu nagħtuh f’idejh dak li x-xjenza hija xettika dwaru, tant li hemm min jgħid li dawn huma ta’ dannu għas-saħħa tal-bniedem?

Fl-Amerika diversi esperti fil-psikoloġija sabu li dawk li huma magħrufa bħala ‘millennials’, jiġifieri dawk li twieldu f’dawn l-aħħar ħamsa u għoxrin sena, huma suġġetti li jaqgħu f’dipressjoni tliet darbiet aktar minn dawk ta’ qabilhom.[3] Din l-epidemija tad-dipressjoni jidher li waslet fuq xtutna, tant li dan l-aħħar kien irrappurtat li f’pajjiżna tnejn minn kull ħames persuni li għandhom ’il fuq minn ħdax-il sena jħossuhom waħidhom, filwaqt li persuna minn kull għaxra mhix kuntenta b’ħajjitha![4]

Waħda mill-kawżi tan-nuqqas ta’ ferħ hija l-fatt li kulma jmur il-bniedem qiegħed dejjem jinqata’ għalih waħdu. Qegħdin fi żmien deskritt bħala l-era tad-deheb tal-komunikazzjoni, imma l-komunikazzjoni hija waħda virtwali u għalhekk nieqsa mir-relazzjonijiet ta’ bejn il-persuni. Naf b’ġenituri mħassba għax uliedhom dejjem magħluqa f’kamarthom, ferħanin bil-kuntatti teknoloġiċi li għandhom imma mingħajr ebda ħeġġa biex jiltaqgħu ma’ sħabhom.

Għaliex l-individwaliżmu jkattar id-diqa u jisraq il-ferħ? Għax aħna nġarrbu l-ferħ veru meta nsibu ruħna f’relazzjoni ma’ xi ħadd li nafu li jħobbna, għandu interess ġenwin fina, jaħseb fina, jaċċettana bis-sabiħ u l-ikrah tagħna, u l-bqija. Nimtlew bil-ferħ meta nidħlu f’relazzjoni bis-sens ma’ xi ħadd li jidħol f’qalbna. Ilkoll nafu li mhux kull min għandu l-but imfawwar huwa ferħan, għax il-ferħ ma jiddependix minn kemm nippossedu imma minn kemm jirnexxilna nibnu relazzjoni sinifikattiva ma’ xi ħadd li jħobbna.

F’dan il-kuntest nixtieq ħafna li l-Knisja f’pajjiżna tagħmel xi ħaġa biex tgħin lill-bniedem ikun ferħan. Flimkien mal-ħidma tal-Knisja biex inkunu qrib min hu batut u mgħobbi bis-slaleb tal-ħajja, dan nistgħu nagħmluh fuq kollox billi nxandru l-ferħ tal-Vanġelu u ngħinu lill-oħrajn jilqgħu d-don tal-fidi. Il-fidi tagħna mhix kwistjoni ta’ liġijiet li jirrazzjonaw il-ferħ tal-bniedem. Ħasra li hawn min jippreżenta l-Vanġelu bħala xi ċensura tal-ferħ. It-twemmin Nisrani jdaħħalna f’relazzjoni ma’ Alla – relazzjoni li tiżboq bil-bosta u tagħni r-relazzjoni mal-bnedmin. Jekk, kif għidt aktar ’il fuq, il-ferħ jiġi minn relazzjoni ma’ persuna li tħobbna, mela x’inhu l-ferħ sopranaturali li jimla l-qalb tal-bniedem li jidħol f’relazzjoni ma’ Ġesù Kristu – ma’ Alla li jħobb mingħajr kejl! L-imħabba ta’ Alla tgħaddi l-infedeltajiet tagħna għax Alla jibqa’ jħobbna anki meta naqgħu fid-dnub. L-Iben ta’ Alla sar bniedem proprju biex jgħinna nibnu din ir-relazzjoni ma’ Alla.

Min jiltaqa’ ma’ Ġesù jsib il-ferħ. Fi kliem il-Papa Franġisku, il-profeti ħabbru ż-żmien ta’ Ġesù bħala rivelazzjoni tal-ferħ: “Ifraħ kemm tiflaħ, bint Sijon; għajjat bil-ferħ, bint Ġerusalemm!” (Żak 9:9). Minn kull fejn għadda Ġesù, “in-nies ilkoll ferħu” (Lq 13:17). Ġesù jridna nkunu ferħanin: “Għidtilkom dan kollu biex il-ferħ tiegħi jkun fikom u biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ” (Ġw 15:11).[5]

Imma aħna, li aħna ta’ Kristu, nagħtu xhieda ta’ dan il-ferħ? Għandu raġun il-Papa meta jgħid li ħafna Nsara jgħixu r-Randan mingħajr Għid[6] u “għandhom wiċċ ta’ nies fil-vistu”.[7] Għadu validu kumment li għamel wieħed ħassieb fil-bidu tas-seklu li għadda: “Nistenna li l-Insara jgħannu innijiet ferrieħa biex imbagħad nibda nemmen fil-Feddej tagħhom”.[8] Il-mod kif ċerti Nsara jħarsu lejn il-ħajja ma tantx jirrifletti li għandna din ir-relazzjoni ma’ Ġesù l-Feddej tagħna. Xi drabi aħna wisq pessimisti u negattivi. Min-naħa l-oħra, madwarna hawn diversi persuni li, minkejja li ħajjithom hija għat-telgħa, jagħtuna xhieda li l-fidi f’Alla tagħtihom ħafna tama u t-tama timliehom bil-kuraġġ u l-faraġ.

Matul is-Sena Marjana kellna diversi mumenti fejn tfajna ħarsitna fuq Marija. Kien sinifikattiv ħafna l-Affidament tagħna lil Marija, kemm meta konna flimkien bħala djoċesi f’Ta’ Pinu u kemm meta dan sar fil-komunitajiet parrokkjali. Diversi kappillani rrakkontawli esperjenzi kommoventi li għexu għadd ta’ familji meta x-xbieha tal-Madonna Ta’ Pinu daħlet fid-dar tagħhom. Fix-xhur li għaddew kellna diversi mumenti li kebbsu fina d-devozzjoni Marjana, fosthom id-diversi mumenti ta’ katekeżi (bħan-Novena tal-Milied u l-Eżerċizzi tar-Randan), il-pellegrinaġġi parrokkjali, djoċesani u nazzjonali li saru lejn is-Santwarju Ta’ Pinu, fosthom dawk tal-Korp tal-Pulizija u tal-Forzi Armati ta’ Malta, il-laqgħa ekumenika, id-djalogu ma’ dawk li mhumiex Insara, u mumenti oħra bħal dawn. Għexna mument qawwi ħafna meta l-ħabsin iltaqgħu mal-Madonna, kemm meta dawn ġew fis-Santwarju u kemm meta berikna u poġġejna xbieha tal-Madonna fil-Kappella tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Għall-grazzja ta’ Alla, din il-laqgħa ma’ dawn ħutna li qegħdin il-ħabs qanqlet ħafna karità ġeneruża. Bħala “monument” li nixtieq li nwettqu biex jibqa’ jfakkar b’mod ħaj u prattiku din is-Sena Marjana, bdejna t-tħejjijiet biex id-dar ta’ Trionfi fir-Rabat tinbidel f’ċentru djoċesan tal-karità. Jien fiduċjuż li dan kollu għandu jgħinna biex nibqgħu nikkontemplaw lil Marija, li għal diversi motivi l-Knisja ssejħilha causa nostræ lætitiæ – ir-raġuni tal-ferħ tagħna; stqarrija li ntennu wkoll fil-Litanija Lawretana.

Marija hija l-mara tal-ferħ għax kellha relazzjoni mill-qrib ma’ Ġesù. Fil-fatt, f’Nazaret l-anġlu jgħidilha: “Ifraħ, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek” (Lq 1:28). Fi kliem ieħor, l-anġlu qed jikkomunika lil Marija li għandha tassew biex tifraħ ladarba dak li ser jitnissel fi ħdanha huwa dak li ġab il-ferħ lill-bnedmin. Misjuqa minn dan il-ferħ, Marija tmur għand Eliżabetta, u malli ssellem lil qaribtha, din tgħidilha li t-tarbija fil-ġuf qabżet bil-ferħ (Lq 1:44). Imbagħad Marija tinfexx tgħanni l-Magnificat, li huwa “splużjoni ta’ ferħ”.[9]

Meta mbagħad Marija tat it-twelid lil Ġesù f’Betlehem, l-anġlu qal lir-ragħajja: “Inħabbrilkom ferħ kbir, ferħ li ser ikun għall-poplu kollu” (Lq 2:10). Fit-tiftix tagħhom biex isibu lil iben Marija, hekk kif lemħu l-kewkba, il-Maġi “mtlew b’ferħ tassew kbir” (Mt 2:10). Dan kollu huwa konferma li l-laqgħa tagħna ma’ Ġesù permezz ta’ Marija timlielna qalbna bil-ferħ. F’Marija, “wieqfa ħdejn is-salib ta’ Ġesù” (Ġw 19:25), għandna motiv biex ma nitilfux il-ferħ waqt it-tbatija, għax fiha għandna ċ-ċertezza li l-imħabba ta’ Alla mhix ser tiġi nieqsa, li Alla mhux ser jitlaqna meta nkunu taħt it-toqol tas-salib. Hekk kien iħobb itennilna Dun Mikiel Attard, huwa u jikkwota mill-innu Tina l-ħlewwa: “Int għallimtna tan-niket il-hena, int għallimtna fil-hemm inberkuk”. Imbagħad, meta Ġesù qam mill-mewt, Marija ta’ Magdala u Marija l-oħra – li skont ċerti awturi hija Marija Omm Ġesù,[10] – “kollhom biża’ u ferħ kbir” marru jiġru jagħtu l-aħbar tal-qawmien lid-dixxipli (Mt 28:8).

Għalhekk, ma għandu jkollna ebda dubju li Marija hija kawża tal-ferħ tagħna, għax hija “mezz tajjeb biex nilħqu t-tagħrif sħiħ tal-Iben ta’ Alla sakemm nilħqu l-milja ta’ Kristu” (Efes 4:13).[11] Devozzjoni Marjana li ma tlaqqagħniex ma’ Ġesù, fi kliem San Lwiġi Marija de Montfort, hija “djabolika”.[12]

Marija timliena bil-ferħ mhux biss għax twassalna għand Ġesù, imma wkoll għax bejnha u bejnu hemm għaqda perfetta. Marija hija t-triq u l-mudell tal-ferħ għalina mhux biss għax hi “Bieb tas-Sema”, imma wkoll għax hi stess hija mara mimlija ferħ. Huma diversi l-Missirijiet tal-Knisja li tkellmu dwar Marija bħala “l-bidu tal-ferħ u t-tmiem tas-saħta”.[13]

Fis-seklu 5, f’omelija li għamel f’Efesu, San Ċirillu ta’ Lixandra stqarr hekk: “Insellimlek, [Marija], għax int fil-ġuf safi tiegħek ilqajt lil dak li xejn ma jesgħu; minħabba fik jifirħu s-smewwiet; minħabba fik jithennew l-anġli u l-arkanġli; minħabba fik ix-xitan ħarab; minħabba fik il-ħolqien li kien intilef reġa’ lura lejn is-Sema; minħabba fik il-ħolqien li kien ilsir tal-idoli reġa’ għall-għarfien tal-Verità; minħabba fik ħafna setgħu jirċievu l-magħmudija, id-dilka biż-żjut imqaddsa, il-knejjes huma mimlija, il-bnedmin jitwasslu għall-indiema; minħabba fik l-Iben ta’ Alla idda bħad-dawl biex dawwal lil dawk li kienu jinsabu fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt. Kien minħabba fik li l-profeti xandru l-ġejjieni, l-Appostli pprietkaw il-fidwa tal-ġnus, u l-mejtin iqumu mill-mewt”.[14]

San Sofronju minn Ġerusalemm, f’diskors li għamel fis-sena 638 fl-okkażjoni tal-Festa tat-Tħabbira lil Omm Alla, jindirizza lil Marija b’dan il-kliem sabiħ: “Sliem lilek, li nissilt il-ferħ tas-Sema; li tajtna l-ogħla ferħ; għajn tal-ferħ li jsalva; awtriċi tal-ferħ li ma jintemm qatt; għamara mistika tal-ferħ li ma jitfissirx; għajn mill-aktar hienja ta’ ferħ bla tmiem; warda smewwija tal-ferħ; siġra sabiħa tal-ferħ li jagħti l-ħajja; ġmiel li jisraq l-għajnejn aktar minn kull ħaġa oħra”.[15]

U f’omelija li għamel dwar ir-raqda ta’ Marija, San Ġwann Damaxxenu stqarr: “Adam u Eva […] b’fommhom mimli ferħ għajtu: Imbierka int, o bint, li ħassartilna l-piena li waqgħet fuqna għax ksirna l-kelma ta’ Alla. Inti li mingħandna writt ġisem li jitħassar, wassaltilna f’ġufek libsa li ma titħassarx. Mill-ġewwieni tagħna int ħadt il-ħajja biex imbagħad lilna tajtna ħajja kollha ferħ; inti neħħejt it-tbatija, kissirt il-katina tal-mewt, erġajt bnejt mill-ġdid l-għamara antika tagħna. Aħna għalaqna l-Ġenna, waqt li permezz tiegħek kulħadd jista’ jilħaq is-siġra tal-ħajja”.[16]

Fid-dawl ta’ dan kollu, issa li wasalna fi tmiem is-Sena Marjana, bil-ħeġġa kollha ntenni: jekk tridu tkunu ferħanin, “tibżgħux tieħdu lil Marija għandkom”. Dan l-appell nagħmlu lil kulħadd, imma b’mod partikulari lil dawk li għal xi raġuni jew oħra jonqoshom il-ferħ. Ħadd ma għandu jirrassenja ruħu għad-dwejjaq. Il-ferħ huwa don li l-Ispirtu s-Santu joffri lil kulħadd, ukoll lil dawk li fl-imgħoddi għamlu xi froġa fil-ħajja personali jew familjari tagħhom; lil dawk li tant ilhom ibatu li ż-żmien nessiehom kif jifirħu; lil dawk li għandhom qalbhom tqila għax huma konxji mid-dgħufija spiritwali u morali tagħhom; lil dawk li tfixklu fil-mixja tal-fidi u tħajru jaqbdu toroq oħra. Kif fit-tieġ ta’ Kana Marija tat sehemha biex Ġesù fawwar bil-ferħ il-qlub tal-għarajjes u tal-mistednin, illum ukoll Marija lesta tintervjeni ħalli l-bnedmin (kemm dawk li qegħdin fil-Knisja u kemm dak li jinsabu barra minnha) u l-ambjenti varji tagħna (familjari, soċjali u ekkleżjali) jimtlew bil-ferħ, u hekk fostna u madwarna jkollna inqas qtigħ il-qalb, tgergir, rabja, qrid, negattività, ġlied u l-bqija.

Kif nista’ ninsa dawk l-uċuħ b’għajnejn jgħumu fid-dmugħ daqskemm fraħna meta, matul din is-Sena, il-Kwadru tal-Madonna Ta’ Pinu ġie fil-parroċċi tagħna! Is-sejħa li għamlitilna Ommna Marija minn dan il-Kwadru hija sejħa biex nindukraw il-ferħ f’qalbna. Għaliex f’dan is-Santwarju għażiż tagħna, Marija tridna nikkontemplaw l-Assunzjoni tagħha, kif irrappreżentata f’dik ix-xbieha mirakoluża, antika erba’ mitt sena. Din il-ġrajja tfakkarna li mal-mewt għajnejna jingħalqu għal din id-dinja u jinfetħu biex naraw lil Alla wiċċ imb wiċċ. Min jista’ jfisser kemm ferħet l-Assunta meta rat mill-ġdid lil Kristu glorjuż fis-Sema! Dan huwa l-ferħ li jilma fl-għajnejn jixegħlu ta’ Santa Marija. Aħna għandna tama qawwija li aħna wkoll għad inġarrbuh dan il-ferħ.

B’dawn ix-xewqat f’qalbi, filwaqt li nistedinkom għall-Velja tal-Assunta fuq iz-Zuntier tas-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu biex flimkien nagħlqu s-Sena Marjana, nitlob fuqkom il-barka tas-Sema.

Mogħtija mill-Kurja tal-Isqof, il-Belt Victoria, Għawdex, nhar it-Tlieta 6 ta’ Awwissu 2019, Festa liturġika tat-Trasfigurazzjoni tal-Mulej.

+ Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex


[1]     Times of Malta, Malta among the worlds richest, healthiest, happiest countries, survey finds, https://timesofmalta.com/articles/view/malta-among-the-worlds-richest-healthiest-happiest-countries-survey.695438; Malta climbs five places in worlds happiest country report, https://timesofmalta.com/articles/view/finns-happiest.673389; The Malta Independent, Malta has world’s happiest people, http://www.independent.com.mt/articles/2006-01-09/news/malta-has-worlds-happiest-people-85775/.
[2]     Building Resilience. Transforming Services. A Mental Health Strategy for Malta 2020-2030, July 2019, 17-18, https://deputyprimeminister.gov.mt/en/Documents/National-Health-Strategies/Mental_Health_Strategy_EN.pdf.
[3]     Ara J.M. Twenge–A. Bell Cooper–T.E. Joiner–M.E. Duffy–S.G. Binau, Age, Period, and Cohort Trends in Mood Disorder Indicators and Suicide Related Outcomes in a Nationally Representative Dataset, 2005–2017, in Journal of Abnormal Psychology, Vol. 128(3), 2019, 185-199.
[4]     Times of Malta, Editorial The epidemic of loneliness (10 May 2019); Neil Howe, Millennials and the Epidemic of Loneliness, https://www.forbes.com/sites/neilhowe/2019/05/03/millennials-and-the-loneliness-epidemic/#42249afd7676.
[5]     Franġisku, Gaudete et exsultate, 123-124.
[6]     Ibid., Evangelii gaudium, 6.
[7]     Omelija, 31 ta’ Mejju 2013.
[8]     Friedrisch Neitzsche, Ainsi parlait Zarathoustra, trad. G.A. Goldsmith, Librairie Générale Française 1983, 114.
[9]     Pawlu VI, Gaudete in Domino, IV.
[10]    Ara Mario Grech, Omelija Marija xhud tal-Qawmien, 20 ta’ April 2019.

[11]    Pawlu VI, Marialis cultus, 25.

[12]    Ara Trattat dwar il-vera devozzjoni, 98.

[13]    Andrija ta’ Kreta, Homilia IV in Nativitatem Beatæ Virginis Mariæ, PG 97, 864 B.

[14]    Homilia IV, De Maria deipara in Nestorium, PG 77, 992-96.

[15]    Homilia II in Annuntiationem, PG 87, 3237 B-C.

[16]    Homilia II in Dormitionem Beatæ Virginis Mariæ, 8: SCh 80, 144.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.