Is-Sajf jerfagħla ħsiebna lejn Alla

Is-sajf daħal ġmielu. Staġun li jġib miegħu temp sabiħ imma sħun. Żmien meta nieħdu l-vakanzi minħabba li is-sħana ma tħalliniex naħdmu bħall-bqija tas-sena. Imma għandna x-xorti li ngħixu fi gżira mdawra mill-baħar. Fi ftit ħin naslu ħdejn il-baħar biex nifriskaw ftit u nistrieħu.Għalkemm huma ħafna dawk il-Maltin li jħobbu il-baħar, issib xi wħud li ma tantx ifittxuh forsi għax iddejjaqhom jew għax jibżgħu minnu! Dan ifakkarna fi storja mill-ħajja ta San Ġorġ Preca. Meta kien jagħmel xi lezzjoni lit-tfal, biex jifhmu iżjed Dun Ġorġ kien iħobb jirrakontalhom xi storja ta’ tifel jew tifla li ltaqa’ magħhom. F’Museum li ismu għadu moħbi sal-lum, Dun Ġorġ waqaf ikellem lil wieħed tifel ta’ tnax-il sena jismu Sander. Billi rah tifel bravu u intelliġenti, Dun Ġorġ staqsieh:

“Tixtieq tarah lil Alla?”
“Nixtieq narah, iżda nibża’ narah.”
“Tibża’?” Stagħġeb Dun Ġorġ, “U għaliex tibża’”
“Għax is-sajf li għadda l-papà tiegħi ħadni fuq il-motorboat u ħariġni ’l barra mill-port u bdejt inħares lejn qiegħ il-baħar. U xħin bdejt nara dik is-swidija ta’ ilma taħti li stajt immissu b’idi bdejt nibża’ u għedt bejni u bejn ruħi: Dan il-baħar qed ibeżżagħni u dan il-baħar għamlu Alla, mela kemm hu ta’ min jibża’ minnu Alla. U għedt lill-papà jdaħħalni ’l ġewwa.”

Minn dan ir-rakkont, Dun Ġorġ kien jgħaddi biex ifiehem bl-iżjed mod sempliċi kif il-ħwejjeġ maħluqa jerfgħuna f’Alla u kif minnhom nistgħu nitgħallmu l-kobor u l-ġmiel ta’ min għamilhom.

Niftakru ukoll li aħna fid-dmir li nżommu il-baħar nadif. Mill-esperjenza rajna li meta ħammiġna il-baħar aħna stess batejna. Nafu li l-plastic li ntefa fil-baħar kien il-kaġun li mietu il-fkieren u b’ hekk żdied il-bram fil-baħar.

Il-baħar jgħallimna ħafna. Bħalma l-baħar ġieli jkun kalm u drabi oħra jkun imqalleb, nistgħu nqabbluh mal-ħajja tagħna. Xi drabi nkunu kalmi u drabi oħra mhux daqshekk kalmi. Il-baħar jirrifletti fih dak li hemm madwaru meta jkun kalm imma mhux meta jkun imqalleb. Hekk ukoll aħna: nirriflettu tajjeb meta nkunu kalmi. Mela qatt m’għandna nieħdu deċiżjonijiet meta nkunu aġitati.

Joe Galea

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading