Quddiesa u Rużarju mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fil-Kurja tal-Arċisqof – 31 ta’ Marzu 2020


It-Tlieta, 31 ta’ Marzu 2020: Quddiesa u Rużarju mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fil-Kurja tal-Arċisqof…

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Int min int?” (Ġw 8:38). Din hija domanda li nsibuha fl-Evanġelju ta’ San Ġwann kif insibuha wkoll fl-Evanġelju ta’ San Mark.

Din hi domanda dwar min hu Ġesù, l-identità tiegħu. U Ġesù jitkellem b’verità sħiħa li huwa mibgħut mill-Missier. Hu jgħid ukoll li hu jaf sewwa min huma dawk li qegħdin jistaqsuh: ‘int min int?’. Anzi jagħraf l-ebusija tal-qalb tagħhom, jagħraf ukoll id-dnub tagħhom. Jagħraf ukoll is-suppervja tagħhom.

Aħna kif aħna quddiem Alla, ejjew inħarsu lejn il-Mulej merfugħ ’l fuq għalina u minnu nieħdu s-saħħa, il-ħelsien tassew, is-salvazzjoni.

Ir-risposta tiegħu mhix il-kundanna imma jagħtihom sinjal li juri tassew min hu: “Meta Bin il-bniedem jintrefa’ ” anzi jgħidilhom: “Meta terfgħu ’l fuq lil Bin il-Bniedem, imbagħad tagħrfu li jien hu u li minn rajha ma nagħmel xejn imma nitkellem skont ma għallimni l-Missier” (Ġw 8:28).

Din l-espressjoni ‘nintrefa’ ’l fuq’ l-Evanġelju ta’ San Ġwann jużaha biex jirreferi għas-salib ta’ Ġesù. L-Ewwel Qari tal-lum meħud mill-ktieb tan-Numri, jagħtina l-ġrajja ta’ meta Mosè, biex ifejjaq lill-poplu tiegħu migdum mis-sriep velenużi, jgħolli ’l fuq is-sinjal tas-serp tal-bronż u kull min iħares lejh ifiq (Numru 21:8). Ġesu huwa dan is-sinjal merfugħ ’l fuq u aħna nħarsu lejh biex infiqu mid-dnubiet tagħna. Fid-dinja u f’ħajjitna hemm ħafna sriep velenużi li jigdmuna: l-arroganza, l-għira, ir-rabja, iż-żina.

Aħna kif aħna quddiem Alla, ejjew inħarsu lejn il-Mulej merfugħ ’l fuq għalina u minnu nieħdu s-saħħa, il-ħelsien tassew, is-salvazzjoni.

✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Num 21, 4-9
Salm: 101 (102), 2-3.16-18.19-21
Evanġelju: Ġw 8, 21-30