Illum il-Knisja tfakkar lil San Nonju Alvarez Pereira


Fl-1 ta’ April l-Knisja tfakkar lil San Nonju Alvarez Pereira, Reliġjuż Karmelitan li għex bejn is-snin 1360 sa 1431.

Nonju (jew Nuño) twieled minn familja nobbli Portugiża fl-24 ta’ Lulju, 1360. Ta’ tlettax-il sena kien diġà qabad il-ħajja militari, u ma damx ma wera l-kuraġġ kbir tiegħu, u li kien kapaċi jkun mexxej tajjeb tal-armata. Ta’ sbatax-il sena żżewweġ lil Leonora de Alvim. Minnha kellu tliet ulied, li minnhom għexet waħda biss, Beatrice, li fl-1401 iżżewġet lil Alfonso, iben ir-re Ġwanni I.

Meta fl-1383 miet ir-re Fernando I tal-Portugall, u l-indipendenza tal-pajjiż kienet fraġli ħafna, Nonju kien minn ta’ quddiem li jkun favur li ħu Fernando, Ġwanni ta’ Aviz, ikun ir-re. Kien f’April 1385 li Ġwanni ta’ Aviz kien rikonoxxut u aċċettat bħala r-Re Ġwanni I.

Wara l-ewwel rebħa tiegħu fuq il-Kastilljani f’April 1384, Nonju kien maħtur dak li fil-prattika kien il-kmandant tal-armati tal-Portugall. Kien għad kellu biss 25 sena. Fil-karriera militari tiegħu, Nonju kien ukoll il-moħħ wara r-rebħa fil-Battalja ta’ Aljubarrota fl-1385. Qabel il-battalji, huwa kien iħeġġeġ lis-suldati tiegħu biex jafdaw f’Alla u jippreparahom biex jirċievu s-sagramenti.

Wara l-mewt ta’ martu, fost l-għaġeb ta’ kulħadd, fl-1423 Nonju ċaħad għal dak kollu li kellu, u ħaddan l-Ordni Karmelitan fil-kunvent ta’ Lisbona, imwaqqaf minnu stess minn butu, u ħa l-isem ta’ Fra Nonju ta’ Santa Marija.

Nonju għex sa mewtu, li ġrat fl-1 t’April tas-sena 1431, bħala sempliċi fra f’dan il-kunvent. Bħala Karmelitan kompla kiber fil-ħajja ta’ talb, ta’ penitenza, u ta’ devozzjoni lejn il-Verġni Marija li għalihom kien ġa magħruf.

Fis-sena ta’ qabel ma Fra Nonju miet, mar iżuru r-Re Ġwanni I u għannqu għall-aħħar darba. Hu kien jara fih ħabib kbir, li għenu biex jieħu s-saltna, u jsalva l-indipendenza tal-pajjiż.

Fit-23 ta’ April, 1918, il-Papa Benedittu XV iddikjarah Beatu. Il-Papa Benedittu XVI iddikjarah qaddis fis-26 ta’ April, 2009 fil-belt tal-Vatikan.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com