Quddiesa tal-Ħadd mill-Grotta ta’ San Pawl, ir-Rabat – 7 ta’ Ġunju


Il-Ħadd, 7 ta’ Ġunju 2020: Quddiesa tal-Ħadd mill-Arċisqof Charles J. Scicluna mill‑Grotta ta’ San Pawl, ir-Rabat fis-Solennita’ tat-Trinita’ Qaddisa …

L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

Aħna u nisimgħu l-Kelma ta’ Alla f’din il-festa solenni tas-Santissima Trinità, nirrealizzaw li f’kull qari li għadna kemm smajna hemm kelma li nsibuha dejjem, kelma li tirrikorri, il-kelma imħabba. “Alla li jagħder u jħenn, tqil biex jagħdab u kbir fit-tjieba u s-sewwa” (Eż 34:6).

L-Appostlu Missierna San Pawl meta jitkellem dwar Alla, lin-nies ta’ Korintu jgħidilhom li Alla huwa Alla tal-imħabba: “Kunu ta’ fehma waħda, żommu s-sliem u Alla tal-imħabba u s-sliem ikun magħkom” (2 Kor 13:13).

Huwa Ġesù stess li fl-Evanġelju skont San Ġwann f’din is-silta mill-kapitlu 3 jispjega lill-għaref tal-liġi Nikodemu li Alla lid-dinja, lill-umanità, lill-ħolqien li ħareġ mir-rieda tiegħu, iħobbu: “Alla hekk ħabb id-dinja” U l-missjoni tal-Iben bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu hija missjoni ta’ mħabba. “Alla hekk ħabb id-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni biex kull min jemmen fih ma jintilifx iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem (Ġw 3:16).

Minn hawnhekk, minn dan l-għar għażiż, minn din il-grotta għażiża, l-Appostlu Missierna San Pawl priġunier fi triqtu lejn il-ġudizzju tal-imperatur, ċittadin Ruman li appella l-kawża tiegħu quddiem Ċesri, minn hawnhekk l-Appostlu Missierna spjega lill-Maltin, missirijietna, min kien Alla tiegħu: Alla li huwa mħabba. Minn dan il-post għażiż il-Maltin mhux biss semgħu l-kelma qawwija tal-appostlu, minn dan il-post għażiż ħadu l-fejqan. Wara li fejjaq lil missier Publiju, l-Atti tal-Appostli jgħidulna li ġabulu l-morda kollha tal-gżira u Pawlu fejjaqhom (Atti 28:9) fl-isem tal-Mulej Ġesù. Ix-xhieda tiegħu ta’ dan Alla li huwa mħabbba kienet xhieda konkreta. Għallimna kif l-imħabba ta’ Alla veru u ħaj tagħtina l-fejqan.

F’dan iż-żmien ta’ pandemija, jiena minn hawnhekk nixtieq nitlob l-interċessjoni tal-Appostlu Missierna biex ikompli jfakkarna f’dan il-messaġġ qawwi u sabiħ. Alla mhuwiex l-argużin ’l bogħod li qiegħed biex jaqbdek f’xi ħaġa u jikkundannak u jsawtek. Alla tant ħabb id-dinja li ta lil Ibnu biex kull min jemmen fih isalva u jkollu l-ħajja ta’ dejjem. L-Appostlu Missierna għandu bżonn ifakkarna li aħna msejħin biex inkunu ta’ fehma waħda u nżommu s-sliem u Alla tal-imħabba u s-sliem ikun magħna.

Kull meta nħarsu lejn persuna naraw fiha x-xbieha qaddisa ta’ Alla, hi min hi, ġiet minn fejn ġiet. Jalla aħna nikbru fl-imħabba lejn kull wieħed u waħda minn ħutna, huma min huma anke jekk forsi l-miġja tagħhom ma kinitx imħabbra, jew skomda jew ġejjin f’xi dinghy.

San Pawl kien iħobb jikkonkludi l-ittri tiegħu bħalma jikkonkludi wkoll din it-Tieni Ittra lill-Korintin li minnha qed nieħdu s-silta finali, billi jħeġġeġ lill-Insara jsellmu “lil xulxin b’bewsa qaddisa”. Is-sinjal konkret fiżiku tal-imħabba huwa wkoll is-sinjal kemm Alla jħobbna. “Isellmulkom l-aħwa qaddisin kollha” (2 Kor 13:12).

U San Pawl jikkonkludi din it-tislima li biha bdejt din l-Ewkaristija minn hawnhekk, “Il-grazzja ta’ Sidna Ġesù Kristu, l-imħabba ta’ Alla u l-għaqda fl-Ispirtu s-Santu tkun magħkom ilkoll” (2 Kor 13:13). Din tkun fil-Ħadd tas-solennità tat-Trinità qaddisa, il-barka u l-awgurju li nagħtu lil xulxin: li aħna nkunu wkoll xhieda tal-fejqan li ħadna minn dan l-ambjent qaddis fil-ħajja tagħna billi nieħdu ħsieb xulxin. Kull meta nħarsu lejn persuna naraw fiha x-xbieha qaddisa ta’ Alla, hi min hi, ġiet minn fejn ġiet. Jalla aħna nikbru fl-imħabba lejn kull wieħed u waħda minn ħutna, huma min huma anke jekk forsi l-miġja tagħhom ma kinitx imħabbra, jew skomda jew ġejjin f’xi dinghy.

San Pawl jgħallimna nikbru f’din l-imħabba u minn hawn nitolbu wkoll li l-imħabba li nuru tkun ukoll imfissra fis-solidarjetà tal-pajjiżi ta’ madwarna, l-iżjed il-pajjiżi Ewropej. Minn hawnhekk nitlob l-interċessjoni ta’ San Pawl biex Malta ma nħalluhiex weħidha, aħna ma nisfgħux weħidna, imma l-imħabba tagħna tkun parti minn katina ta’ solidarjetà li biha aħna l-bnedmin nuru li tassew bnedmin. “Il-grazzja ta’ Sidna Ġesù Kristu, l-imħabba ta’ Alla u l-għaqda fl-Ispirtu s-Santu jkunu tassew magħna”.

✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Eż 34, 4b-6.8-9
Salm: Dan 3, 52.53.54.55.56
Qari II: 2 Kor 13, 11-13
Evanġelju: Ġw 3, 16-18

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.