Żjara fis-Sede tal-Organizzazzjoni tal-Ġnus Magħquda għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura – UNESCO. Diskors tal-Qdusija Tiegħu l-Papa Ljun XIV

 VJAĠĠ APPOSTOLIKU
TAL-QDUSIJA TIEGĦU IL-PAPA LJUN XIV
FI FRANZA

25-28 TA’ SETTEMBRU, 2026


ŻJARA FIS-SEDE TAL-ORGANIZZAZZJONI TAL-ĠNUS MAGĦQUDA GĦALL-EDUKAZZJONI, IX-XJENZA U L-KULTURA – UNESCO

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV

Sede tal-UNESCO (Pariġi)
Il-Ġimgħa, 25 ta’ Settembru, 2026

Sur Direttur Ġenerali,
Sur President tal-Konferenza Ġenerali,
Sur President tal-Kunsill Esekuttiv,
Eċċellenzi,
Sinjuri,

jien ferħan li llum ninsab f’din il-Ġemgħa ta’ Nazzjonijiet fejn jiltaqgħu lingwaġġi u kulturi biex jikkoperaw fi proġett li jinvolvi l-familja umana kollha kemm hi: “biex bil-manteniment tal-paċi u s-sigurtà ssaħħaħ permezz tal-edukazzjoni, ix-xjenzi u l-kultura, il-kollaborazzjoni bejn in-nazzjonijiet bl-għan li tiggarantixxi rispett universali tal-ġustizja, tal-liġi, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali” (Kostituzzjoni tal-Organizzazzjoni tal-Ġnus Magħquda għall-Edukazzjoni, ix-Xjenzi u l-Kultura, artiklu 1, comma 1).  Infatti, il-bini ta’ dinja ġusta hu l-pedament innifsu tal-koperazzjoni internazzjonali.  L-esperjenzi tagħna, il-ħiliet u l-kompetenzi tagħna, huma mmirati biex jiftħu spazju akkoljenti u għammiel għal kulħadd, sabiex kull poplu jkun jista’ jikber fi-paċi.

Bħala xhud tal-paċi nsellem lilkom, Rappreżentanti tal-Istati membri u osservaturi tal-Organizzazzjonijiet internazzjonali, tad-dinja akkademika u tas-soċjetà ċivili. Irrodd ħajr lis-Sur Khaled El-Enany, Direttur Ġenerali ta’ din l-Organizzazzjoni, għall-istedina li għamilli (u għad-diskors li indirizzali). Bħala Ragħaj, qed inwasslilkom il-kelma tal-Knisja li dejjem tiġġedded u ssir “messaġġ” u “djalogu” mal-popli kollha, mal-bnedmin ta’ rieda tajba (cfr San Pawlu VI, Enċ, Ecclesiam suam, 67).

Il-proġett li flimkien nibnu dinja ġusta hu marbut strettament mal-missjoni li għallmitna nixxerjaw tul il-mixja tal-istorja. Rigward dan, l-UNESCO tirrappreżenta kemm għan kif ukoll għodda biex illum, b’impenn akbar, dil-ħidma titkompla fl-oqsma varji tal-attivitajiet tagħha. Is-sena 2027 se tkun il-ħamsa u sebgħin anniversarju tal-preżenza tas-Santa Sede fl-UNESCO, preżenza msejsa fuq il-konvinzjoni li l-futur jiddependi fuq kollox mir-rispett lejn id-dinjità inaljenabbli ta’ kull bniedem maħluq fuq ix-xbieha ta’ Alla, u mill-promozzjoni tagħha. Għalhekk, aħna nqisu lil din l-Organizzazzjoni bħala sieħba privileġġjata fis-servizz tal-ġid komuni, li ​​huwa “l-forma soċjali tad-dinjità” li b’mod fundamentali u ugwali għandna bejnietna. (cfr Enċ. Magnifica humanitas, 59). Mill-1952 ‘l hawn, il-Missjoni permanenti tas-Santa Sede bħala osservatur, f’dil-perspettiva, tevalwa u takkumpanja l-inizjattivi tal-UNESCO, u tagħti l-kontribut tagħha fid-djalogu bejn in-nazzjonijiet bl-għan li tkun ta’ sapport għall-iżvilupp uman awtentiku, li jkun jiswa biss meta jkun orjentat lejn “il-promozzjoni ta’ kull bniedem u tal-bniedem sħih” (San Pawlu VI, Enċ. Populorum progressio, 14).

Meta kien qed jindirizza din l-assemblea, il-meqjum predeċessur tiegħi San Ġwanni Pawlu II kien fakkar illi “genus humanum arte et ratione vivit” (il-ġeneru uman jgħix bl-arti u r-raġuni). Allura, “il-bniedem jgħix ħajja verament umana bis-saħħa tal-kultura” (Diskors lill-UNESCO, 2 ta’ Ġunju, 1980, cfr San Tumas ta’ Akwinu, In Aristotelis Posteriora Analytica, 1), dil-kelma “kultura” tfisser il-mod kif il-bnedmin jagħtu tifsira lil dak kollu li jagħmlu. Wara sitta u erbgħin sena, hekk kif inġedded l-impenn tas-Santa Sede għall-kollaborazzjoni magħkom, nistedinkom tħarsu lejn l-UNESCO mhux sempliċiment bħala korp internazzjonali prestiġjuż, iżda bħala post fejn l-umanità tirrifletti fuqha nnifisha, fuq l-istorja tagħha u fuq il-futur tagħha. Infatti, il-promozzjoni tal-edukazzjoni, tax-xjenza u tal-kultura hija impossibbli mingħajr il-promozzjoni tal-ħajja tal-bniedem li hu l-protagonist tagħha.

Fil-qasam tal-edukazzjoni, il-Knisja kattolika hi kburija bl-esperjenza antika tagħha: il-komunitajiet tagħha ilhom sekli jiftħu skejjel u universitajiet, jgħallmu l-qari u l-kitba u jinsabu fl-aktar postjiet foqra u mbiegħda. Bil-Patt Edukattiv Globali, il-Predeċessur tiegħi Franġisku, ried iwaħħad din l-esperjenza ma’ allejanza edukattiva aktar wiesa’ miftuħa għall-kontribut ta’ kulħadd. Iżda dak li nixtieq inwasslilkom mhumiex tant l-opri iżda l-konvinzjoni li twellidhom.  Ebda edukazzjoni mhi sħiħa dment li ma taffrontax il-kwistjoni tas-sens. Fl-istess diskors, San Ġwanni Pawlu II fakkar: li teduka jfisser li tgħin il-bniedem ikun “aktar” u mhux biss biex “ikollu” aktar, għax fih tagħraf dik it-traxxendenza tal-persuna li tifforma parti mill-milja tal-umanità tagħha (cfr ibid., 10-11).

Allura, f’din l-assemblea xieraq li tkun esplorata mistoqsija fundamentali, li tisfidana b’urġenza: xi jfisser li tkun uman? Kull kultura għandha quddiema dil-mistoqsija li tolqot il-punt ta’ sintesi ta’ kull għerf, arti u reliġjon. Wara kollox, anke fis-seklu XXI, ma nistgħux nieħdu bħala fatt li nafu min hu l-bniedem u xi jfisser li tgħix ħajja tassew umana. Fil-fatt, kull ġenerazzjoni hija msejħa biex tiffaċċja din l-isfida kulturali, speċjalment quddiem traġedji li, sfortunatament, għadhom iseħħu sal-lum.

Ibda biex, il-bniedem hu dak li jitnissel u jitwieled: l-ewwel u qabel kollox, għalhekk, li tkun uman ifisser li tkun iben/bint. Ħadd minna ma għażel. Ħadd minna ma ddeċieda minn min, jew meta jew fejn twieled. Din l-evidenza tagħti dawl lil fatt li mhuwiex biss bioloġiku, iżda etiku: bħala wlied aħna aħwa. L-umanità tagħna hi minnufih don u prova, wegħda u responsabbiltà. Għall-bnedmin kollha, il-prokreazzjoni tinvolvi rabta primordjali, komunjoni ta’ ħajja, li ​​ssib l-għajn u l-ambjent edukattiv ewlieni tagħha fil-familja.

It-tieni ħaġa, ilkoll nitwieldu għarwenin u dipendenti. Aħna foqra nitwieldu: bil-ħtieġa tal-ħobż u l-kelma, tal-kura u l-għożża, jiġifieri ta’ dak kollu li jmantni l-ġisem u l-ispirtu.  Nafuh tajjeb dan, madankollu, meta nsiru adulti nirriskjaw li ninsew dan kollu. Huma propju dawk li jinsabu fil-bżonn li jġarrbu l-akbar konsegwenzi ta’ din l-amnesija kull darba li l-umanità tagħhom tisfa traduta jew skartata, sfruttata jew ingannata. Il-fatt li ninsew it-twelid tagħna jdallam il-kunċett tal-ħajja umana, għax jifridha mill-istorja li lkoll naqsmu bejnietna. Il-ħajja ma tibqax titqies bħala rigal, iżda bħala oġġett kummerċjali; ma tibqax titqies bħala sejħa għall-kura u r-responsabbiltà, iżda bħala prodott li għandu jiġi sfruttat. Propju din l-alternattiva drammatika tfakkarna illi li tkun bniedem ifisser li tkun liberu min-natura. Ladarba aħna lkoll wild, il-libertà tagħna tibda b’reazzjoni għal min ikun l-ewwel li jkellimna b’ġest ta’ għożża jew rifjut, akkoljenza ta’ mħabba jew abbandun u krudeltà.


It-tielet ħaġa, għalhekk, li niftakru fl-umanità komuni tagħna jfisser li nagħrfu kemm hi tal-għaġeb, jiġifieri mimlija potenzjal, minkejja li hija mtebba’ minn ħafna ħażen u inġustizzji. Dawk li jiddedikaw ruħhom għall-edukazzjoni, ix-xjenza u l-kultura huma msejħin, bil-wisq aktar, biex jieħdu ħsieb kull persuna, sabiex tiddi kif imiss is-sbuħija tal-libertà tagħna. Din is-sbuħija għandha isem: ġustizzja. Iva, il-libertà hi sabiħa meta tkun orjentata lejn it-tajjeb u l-verità; tispiċċa sfigurata meta tintrikeb mill-arbitriju, mill-vjolenza u l-għatx għall-poter. Li tkun bniedem jimplika għalhekk, responsabbiltà quddiem is-sejħa tal-istorja: il-bniedem hu dak li jikber, jitgħallem, jaħdem b’moħħu u b’idejh. Bl-impenn tiegħu jaf jikkultiva jew jirvina l-art, jipproduċi jew jiddistruġġi. F’dan il-waqt partikolari, irridu nammettu li l-aktar “opra umana” terribbli hi l-gwerra; għax biha x-xjenza qed tkun ta’ servizz għar-rieda umana ta’ qerda u mewt.

A propożitu ta’ dan, il-Preambolu tal-Kostituzzjoni tal-UNESCO jibda bil-kliem li fihom attwalità sorprendenti – kif rajna fil-“Ħajt tal-Paċi” -: “Ladarba l-gwerer jibdew mill-ispirtu tal-bnedmin, huwa mill-ispirtu tal-bnedmin li għandhom jinbnew id-difiżi tal-paċi” (Kostituzzjoni tal-UNESCO, Preambolu, 1945). Dan inkiteb l-għada tat-Tieni Gwerra Dinjija, it-traġedja l-aktar qerrieda tas-seklu li għadda. L-umanità kienet fehmet li meta l-progress xjentifiku jinfired mill-għaqal jista’ jinbidel f’arma qerrieda; li meta l-kultura tinħakem mill-ideoloġija tista’ ssir gidba u propaganda; meta l-edukazzjoni tirrununzja l-verità tiddeterjora u ssir strument ta’ manipolazzjoni tal-kuxjenzi. L-Istati fundaturi tal-UNESCO kienu fehemu li t-trattati huma meħtieġa, imma fihom infushom mhumiex biżżejjed. Jeħtieġu kultura u impenn kollettiv favur il-paċi biex isostnuhom. Il-paċi ma tistax tinbena bit-trattati biss u lanqas bil-kompromessi bejn il-qawwiet opposti. Il-paċi tkun awtentika meta titnissel mill-virtù tal-ġustizzja aktar milli minn sempliċi kuntratt, minn rieda retta pjuttost milli minn ekwilibriju instabbli ta’ interessi. Tabilħaqq, hi biss rieda sinċiera li fl-ieħor nara lil ħija/oħti, persuna bħali nnifsi.

Tmenin sena wara, il-kliem tal-Karta kostituttiva ma tilfu xejn mill-qawwa tagħhom. Madankollu nosservaw ukoll kemm dan il-prinċipju kondiviż hu mhedded serjament minn forom ta’ għemejjel barbari li jkesksu rivalitajiet u kunflitti. Fost l-isfidi li għandha quddiema d-dinja tax-xjenza u tal-edukazzjoni llum, niġbed l-attenzjoni b’mod partikolari dwar dak li qed jiġri fil-qasam vast tat-teknoloġija. L-isforzi tagħna f’dal-qasam għandhom jimmiraw biex it-teknoloġiji l-ġodda jibqgħu jkunu għas-servizz tal-persuna umana, minflok isiru strument ieħor ta’ dominanza u inġustizzja.

Tul is-sekli, bosta attivitajiet li żmien ilu kienu jsiru mill-bniedem bdew isiru mill-magni, li l-użu tagħhom baqa’ jiżviuppa u jitwessa’. Aktar reċenti, l-isem tal-fakultà umana li taħseb, saħansitra ġie attribwit lil ċerti sistemi artifiċjali: l-intelliġenza. Fl-istess ħin, però, l-ideat u r-relazzjonijiet tagħna hemm ir-riskju li jitfaqqru minħabba proċess ta’ diżumanizzazzjoni. Il-paradoss qed jidher dejjam aktar evidenti: filwaqt li “l-intelliġenza” qed tkun attribwita lis-sistemi komputazzjonali, qed insibuha bi tqila nirrikonoxxu d-dinjità inaljenabbli tal-persuni umani, li l-ħajja tagħhom qed tkun imkejla bil-kriterju tal-effiċjenza, u li meta jidher li ma tkunx aktar produttiva, tisfa rifjutata u skartata.

Din ir-realtà ta’ wġigħ tistedinna nirriflettu kemm fuq il-fraġilità tan-natura umana tagħna kif ukoll fuq id-dinjità bla qies ta’ kull persuna umana, dinjità li tibqa’ mhix mittiefsa anke fiċ-ċirkostanzi l-aktar vulnerabbli, saħansitra sal-mewt stess. Iva, il-bniedem hu bla dubja dak li jitwieled, iżda hu wkoll dak lil jmut. Id-dinjità tagħna ma tinqeridx mill-mard jew mill-uġigħ, u lanqas ma tiddependi mill-ħiliet li jkollha persuna. Għall-kuntrarju, din titlob kura mimlija mħabba f’kull stadju tal-ħajja.

Għall-fidi nisranija, il-misteru tal-persuna umana jsib il-milja tad-dawl tiegħu fi Kristu, illi, “propju meta juri l-misteru tal-Missier u ta’ l-imħabba tiegħu, juri wkoll għalkollox il-bniedem lill-bniedem stess u jurih is-sejħa l-aktar għolja tiegħu” (Konċ. Vatikan II, Kost. pastorali Gaudium et spes, 22). Fid-dawl tiegħu, kull persuna tidhrilna bħala ħlejqa li Alla ried u ħabb.  Dan id-dawl jgħinna nagħrfu aktar fil-fond it-tifsir tal-esperjenza komuni tagħna l-bnedmin.

Sinjuri, f’isem l-istorja komuni tagħna, bħala rġiel u nisa tax-xjenza, intom għandkom sejħa kostanti biex tikkoperaw, sabiex mid-diversità tal-perspettivi tkun tista’ timmatura konverġenza ta’ opinjonijiet u mill-konverġenza tal-opinjonijiet azzjoni armonjuża. Din l-armonija tkun mistqarra fl-opra tal-UNESCO meta tissarraf f’leħen sinfoniku li l-għan tiegħu ikun il-ġid u l-kura tal-umanità. Fejn hemm l-armonija hemm intonazzjoni bejn id-diversi ilħna u għalhekk konkordja bejn in-nazzjonijiet li intom tirrappreżentaw.

Rigward dan, nixtieq nislet żewġ tixbihat mill-Bibbja, il-kbir kodiċi kulturali tal-umanità: it-torri ta’ Babel u l-pjazza ta’ Pentecoste. Qed nippreżentahomlkom bħala modi kif tiġi rrappreżentata l-għaqda tal-familja umana, li, llum ukoll, hija kontinwament imsejħa biex tagħraf id-direzzjoni u t-tifsira tal-istorja li qed tgħix fiha. Infatti, dawn ir-rakkonti bibliċi jirrakkuntaw żewġ għamliet soċjali li jgħinuna nirriflettu dwar iċ-ċirkustanzi tal-preżent.

It-Torri ta’ Babel jirrappreżenta għaqda imposta mid-dominanza (cfr Ġen 11,4). Fl-istess ħin din il-binja turi kif aktar ma’ l-poter jgħakkes, aktar jiddgħajjef, jikxef il-wiċċ diżuman tiegħu. Dan jidher fis-sofferenzi u l-inġustizzji kawża tad-dispotiżmu, kif ukoll fl-isfruttament li jferi s-soċjetà u l-ambjent. Kif tgħallimna l-istorja, bosta imperi ċċelebraw il-prepotenza tagħhom qabel ma tilfu saħħithom u ġġarfu bħat-torri. Ir-riżultat ta’ dis-suppervja, eżaltata u distruttiva, hi d-dispersjoni. Il-prużunzjoni li wieħed jipprova jsir Alla u li jjassar il-ġnus taħt madmad wieħed jissarraf f’konfużjoni ta’ lingwi u nuqqas ta’ fehim ġenerali. Minflok miss is-sema, kif ippretenda, it-torri ta’ Babel iġġarraf b’effett negattiv doppju. Bħalma l-għaqda li ried jimponi kienet sfurzata, bl-istess mod id-diversità li waslet wara t-tiġrif saret konflittwali. Illum, it-tentazzjoni ta’ Babel hi rrappreżentata minn tfittxija ta’ globalizzazzjoni bla fraternità, bil-kolonjaliżmu tar-regħba finanzjarja, bl-impożizzjonijiet ideoloġiċi, bil-kuntatti “bla rbit” li l-ħajja umana jirriduċuha f’oġġett ta’ kummerċ” (cfr Kummissjoni Teoloġika Internazzjonali, Quo vadis humanitas?, 42). Meta x-xjenza nfisha tisfa ridotta għal sempliċi teknika tal-poter, ma tibqax aktar ta’ servizz għall-persuna umana, minflok, tirriskja li tiddegrada l-frott tal-impenn.

Illum, b’mod partikolari, għandna f’idejna strumenti bil-ħila li f’ħakka t’għajn jgħaqqdu nies u kontinenti, u madankollu, qed nassistu għal forom ġodda ta’ iżolament, faqar materjali u abbandun. Il-komunikazzjoni saret ferm aktar mgħaġla, imma mhux neċessarjament aktar veritjiera, l-informazzjoni hi abbundanti, imma ma jfissrix li hi għerf. Fin-nuqqas ta’ deontoloġija kondiviża, il-varjetà tal-kanali tal-komunikazzjoni jirriskjaw li jimmoltiplikaw informazzjoni falza, jew li jużaw kliem li ma jfisser xejn u minflok jiffavorixxu d-djalogu, jostakolawh.

L-intelliġenza artifiċjali taggrava dil-problema: minkejja li dawn is-sistemi jikkorrelaw id-data, ma jistgħux iwieġbu l-mistoqsijiet dwar is-sens tal-eżistenza umana, li għandha għeruqha mħawlin fl-esperjenza tal-ħajja. Iżda l-bnedmin ma jistgħux jgħixu mingħajr sens. Is-sens hu l-ossiġinu tal-moħħ. Għalhekk, l-isfidi tal-komunikazzjoni, dejjem jibqgħu sfidi edukattivi, jimponu l-kwistjoni tal-verità bħala tema ta’ ġustizzja soċjali u ekwità storika. Din hi r-raġuni għala f’dan l-ambitu hi meħtieġa l-edukazzjoni, u jien nilqa’ favorevolment l-inizjattiva tal-UNESCO bil-programm tagħha ta’ “Alfabetizzazzjoni għall-medja u għall-informazzjoni”, li tippromwovi l-użu responsabbli tal-medja u tal-istrumenti diġitali.

Infatti, meta nieqes mill-verità, il-lingwaġġ jispiċċa lsir tal-loġika tal-vjolenza u tar-rieda arbitrarja tas-setgħanin. Hekk, l-oħrjan jisfaw esklużi f’isem il-profitt, u l-innoċenti jinqatlu f’isem il-libertà. Minflok jirrispetta l-liġi, min ikun fil-poter jinqeda bih meta jkun iservi l-interessi tiegħu u jinjoraha meta tkun ostaklu għalih, tant li saħansitra l-ġustizzja jittrattaha qiesha merċa li tinxtara jew tinbigħ. Jekk nammettu li l-korruzzjonin tal-liġi tibda mill-korruzzjoni tal-qalb, nistgħu napprezzaw il-fatt li kull xjenza tirriskja li titef is-sens jekk ma tirrispettax l-etika, u ma tibqax aktar isservi u tirrifletti d-dinjità umana.

Apropożitu ta’ dan, inħeġġeġ lill-komunità internazzjonali kollha kemm hi biex tagħti lit-tfal u ż-żgħażagħ attenzjoni speċjali. Fl-era diġitali, il-vulnerabbiltà tagħhom qatt m’għandha tkun okkażjoni ta’ sfruttament. Jalla dawn it-tekonoloġiji jgħinuhom biex jikbru, fil-formazzjoni u r-relazzjonijiet tagħhom, billi jħarsulhom il-libertà tal-ħsieb u tad-dixxerniment u jibqgħu dejjem ikunu ta’ servizz għad-dinjità tal-persuna umana.

Il-korruzzjoni tal-kultura li qed nitkellmu dwarha tkun mirhuna fil-pjazza ta’ Pentekoste. Hemmhekk, il-messaġġ tal-paċi jintlaqa’ bħala aħbar tajba mill-popli kollha. Din l-aħbar ixxandar il-qawmien ta’ Ġesù, jiġifieri r-rebħa tal-ħajja fuq il-mewt, is-salvazzjoni li tagħti t-tama lid-dinja. Fil-jum tal-Pentekoste l-pjazza ssir l-imkien fejn tkun iċċelebrata l-paċi li tfejjaq kull offiża lill-persuna umana. Kulħadd jisma’ l-messaġġ “bil-lingwa tiegħu” u l-komunjoni ma tfixkel bl-ebda mod id-diversità (cfr Atti 2,8). Għall-kuntrarju tippermetti li d-diversità tiffjorixxi bl-armonija tal-ilħna u tal-uċuħ. Fit-tħabbira tal-paċi, il-varjetà tal-kulturi ssi.r mezz ta’ verità universali. B’dan, it-tagħlim bibliku jurina t-triq li aħna lkoll infittxu: “dik l-għaqda li ma tneħħix id-differenzi iżda tivvalorizza l-istorja personali ta’ kull wieħed u waħda u l-kultura soċjali u reliġjuża ta’ kull poplu” (Omelija waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-bidu tal-Ministeru Petrin, 8 ta’ Mejju, 2025). Mhux il-prepotenza ta’ Babel iżda l-paċi ta’ Pentekoste tiffaċilita dil-komunjoni bejn il-popli kollha. Għalhekk, kull kultura tilħaq l-ogħla għerf tagħha meta tfittex il-paċi u l-ġid ta’ kulħadd, u b’hekk tagħti xhieda tat-tifsira awtentika tal-umanità tagħna.

Min jaħdem fil-kamp tal-edukazzjoni jaf li l-verità biss tagħmilna ħielsa. Min jgħallem u jagħmel ir-riċerka jaf li l-iżball jirrendina skjavi tal-injoranza u s-superstizzjoni. Kull darba li niltaqgħu ma’ xi ostaklu fil-missjoni tagħna, għandna niftakru li hawn art waħda għal kulħadd, u natura komuni umana. Il-bniedem ma nistgħux nifhmuh jekk nifirdu s-sħuħija tiegħu: il-ġisem mir-ruħ, il-ħajja personali mir-relazzjonijiet, ir-relazzjoni tagħna mal-oħrajn u mal-ambjent.Kollox jifforma parti mill-unità tal-eżistenza tagħna. Għalhekk, il-kultivazzjoni tal-art tinvolvi l-kultivazzjoni tal-umanità li tgħammar fiha. L-edukazzjoni u x-xjenza huma msejħa biex iwettqu dan il-kompitu. Fil-fatt, kif tgħallimna l-etimoloġija tat-terminu, kull kultura hija forma ta’ kultivazzjoni. Għalhekk, inġedded l-appell tal-Predeċessuri tiegħi  biex nikkuraw il-bniedem u l-ħolqien flimkien: il-Papa Benedittu XVI tkellem dwar il-ħtieġa ta’ ekoloġija tal-persuna umana, filwaqt li l-Papa Franġisku żviluppa l-perspettiva tal-ekoloġija integrali (cfr Benedittu XVI, Diskors lill-Parlament Federali, 22 ta’ Settembru 2011; Franġisku, Enċ. “Laudato si’”, 137–162).

Il-qies li bih nistgħu nkejlu dan l-impenn tagħna huwa l-attenzjoni u l-kura li nagħtu lill-aktar vulnerabbli u l-foqra: it-tfal fil-ġuf u dawk f’diversi żoni tal-gwerra, persuni b’diżabilità fiżika u intellettwali, l-anzjani, il-migranti u r-refuġjati. Dawn huma l-prova ewlenija ta’ dak li nsostnu dwar ir-rispett lejn id-dinjità umana, li l-ħarsien u l-promozzjoni tagħha jinvolvu wkoll il-ħolqien innifsu. B’kuntrast ma’ dan, hemm spinta biex nisfruttaw u nisirqu, bil-għan li nieħdu l-massimu minn kull ħlejqa ħajja, nikkunsmaw mingħajr ma nipproteġu u neqirdu mingħajr ma nikkultivaw. Għalhekk, il-kriżi ekoloġika attwali hija waħda antropoloġika; barra minn hekk, il-Knisja hija konvinta li kull kultura tħaddan fiha għerf li jimmatura fi ħdan ekosistema ta’ popli. Fil-fatt, l-ambjent naturali tal-persuna umana huwa s-soċjetà: mhux sempliċiment ambjent fiżiku, bħad-deżert jew l-oċean għall-annimali, iżda wieħed morali u relazzjonali. Fejn issaltan il-paċi soċjali, il-popli jirnexxu skont il-ġustizzja.

Bħala konsegwenza, l-UNESCO ssib is-sinteżi tal-missjonijiet edukattivi u xjentifiċi għoljin fil-ħidma paċenzjuża għall-bini tal-paċi. Quddiem il-ħafna kwistjonijiet kumplessi u urġenti ta’ żminijietna, id-dinja tħares lejn l-istituzzjonijiet internazzjonali b’sentimenti mħallta. Minn naħa waħda, huma msejħa biex jindirizzaw sfidi li ebda stat waħdu ma jista’ jiffaċċja. Min-naħa l-oħra, dawn l-istess istituzzjonijiet għaddejjin minn kriżi ta’ effikaċja, partikolarment meta d-djalogu jitqies bħala ostaklu għall-azzjoni aktar milli riżorsa għall-paċi, jew bħala forma ta’ ipokresija aktar milli opportunità biex infittxu flimkien il-ġid komuni. Quddiem tendenzi bħal dawn, irridu nseddqu virtù li llum hija rari daqskemm hi mixtieqa: il-fiduċja, il-fiduċja li d-differenzi mhux bilfors huma theddida, u l-fiduċja li djalogu sinċier jista’ jiġġenera ġid akbar minn dak li kwalunkwe individwu jista’ jikseb waħdu. Is-Santa Sede tixtieq tnissel din il-fiduċja fl-UNESCO, kif ukoll f’organizzazzjonijiet internazzjonali oħra, konxja li kull poplu għandu kontribut għani x’jaqsam fit-tfittxija għall-progress awtentiku li l-paċi biss tista’ tiggarantixxi. B’dan m’aħniex nipprietkaw xi ottimiżmu inġenwu li jinjora d-diffikultajiet, iżda pjuttost dwar li nipperseveraw fit-tama li t-tajjeb dejjem huwa possibbli. Kull tifel jew tifla li jitwieldu jġibu magħhom it-tama. Kull raġel jew mara li jiddedikaw ħajjithom għat-tfittxija tal-verità jwettqu att ta’ tama. Jalla l-UNESCO, għalhekk, tagħti xhieda ta’ din it-tama billi trawwem il-fehim fost in-nazzjonijiet permezz tad-djalogu bejn il-kulturi rispettivi tagħhom. Fil-fatt, aħna nemmnu li l-edukazzjoni hija l-għodda biex negħlbu l-biżgħat reċiproċi u li x-xjenza tista’ tkun ta’ servizz għall-ħajja ta’ kull bniedem, billi tiżra’ l-ħsad tajjeb tal-futur fil-preżent. Din il-fiduċja tmantni t-tama tagħna fil-karità, jiġifieri, fis-servizz għall-ġid tal-proxxmu: jekk ilkoll niddedikaw ruħna b’koerenza għall-umanità meraviljuża tagħna, saflaħħar il-paċi tkun tista’ tiffjorixxi.

F’din l-opra, il-kollaborazzjoni tat-tradizzjonijiet reliġjużi għandha rwol kulturalment neċessarju u insostitwibbli u r-reliġjonijiet jesprimu l-mistoqsijiet tagħna dwar l-oriġini u t-tmiem tal-ħajja, jelaboraw is-sens primarju u aħħari tal-ħajja riflessa fl-għażliet tal-ħajja ta’ kuljum. Infatti, meta l-bnedmin ta’ rieda tajba jorjentaw l-azzjonijiet tagħhom lejn Alla, il-pluraliżmu tal-kulturi ma jegħriqx fid-diżordni ta’ Babel. Minflok, l-umanità ssib ruħha impenjata fi tfittxija komuni għas-sens, orjentata lejn destin li mhuwiex il-mewt. Aħna m’aħniex mexjin lejn ix-xejn. Għalhekk, ir-ruħ umana, fir-relazzjoni tagħha ma’ Alla, tħoss b’intensità akbar is-sejħa biex tikkultiva l-paċi permezz ta’ alleanza bejn il-popli li jagħrfu lilhom infushom bħala wlied tal-istess Missier u bħala aħwa bejniethom.

Għaldaqstant nittama li din il-laqgħa tagħna ssaħħaħ l-impenn ta’ kulħadd biex jaħdem bla heda, sabiex inrawmu kuxjenza aktar ħajja, profonda u effettiva illi aħna niffurmaw parti minn umanità waħda. Rigward dan nixtieq nesprimi ringrazzjament sinċier lill-personnel kollu tal-UNESCO li b’kompetenza u dedikazzjonihu mogħti għal dil-missjoni tant għolja: il-bini tal-paċi billi jikkultiva kull forma ta’ arti u xjenza tal-umanità.Dan il-kliem nafdah f’idejkom ilkoll, f’idejn il-popli li tirrappreżentaw, u b’mod partikolari f’idejn iż-żgħażagħ. Fil-fatt, huma l-ġenerazzjonijiet il-ġodda li josservaw l-azzjonijiet tagħna mill-qrib nett. Hekk kif nappoġġjaw l-aspirazzjonijiet tagħhom għall-ġustizzja, nitlob, bi gratitudni u stima, abbundanza ta’ barkiet mingħand Alla, il-Ħallieq li jista’ kollox u li hu ħanin, fuqkom ilkoll u fuq in-nazzjonijiet tagħkom. Grazzi.

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading