IL-PAPA LJUN XIV
ANGELUS
Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 11 ta’ Ottubru, 2026
Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!
Fl-Evanġelju tal-lum Ġesù jitkellem dwar festa ta’ tieġ li wieħed re ħejja għal ibnu (cfr Mt 22,1-14). It-tieġ ta’ iben hu mument speċjali għal kull familja u dan il-missier hieni jrid jaqsam il-ferħ tiegħu ma’ kulħadd. Joffri festa u jistieden ħafna nies. Dwar dan, San Tumas ta’ Aquinu jgħid li min-natura tiegħu, it-tajjeb għandu t-tendenza li jixtered: Bonum dicitur diffusivum sui (Summa theologiae I, q. 5 a. 4, ad 2), u tixbiha tar-rakkont li għandna tkellimna, fil-kuntest partikolari tal-ħajja, dwar din ir-realtà. Meta tiġri xi ħaġa tajba, jixgħel dawl li jwasslek taqsam il-ferħ tiegħek mal-oħrajn.
Quddiem offerta tant sabiħa, però, minflok jingħaqdu fil-festa, il-mistednin jibqgħu lura u jippreferu jkomplu għaddejin bir-rutina normali tagħhom. Anzi, xi wħud jinnervjaw u jispiċċaw jinsultaw jew saħansitra joqtlu lill-messaġġiera tar-re. Sfortunatament jiġri dan ukoll: mhux dejjem it-tajjeb li noffru jkun mifhum, jingħata għarfien, ikun apprezzat, anzi, xi drabi jinftiehem ħażin u jkun miċħud. Iżda dan m’għandux jaqtgħalna qalbna. Quddiem ir-rifjut, ir-re ma jħassarx kollox u anqas jikkanċella l-festi, anzi, jiftaħ l-istedina tiegħu lil numru akbar ta’ persuni, billi jibgħat lill-qaddejja tiegħu biex isejħulhom minn mat-triq, ħalli l-ferħ tal-għarajjes isir don għal kulħadd.
F’dal-punt, insaqsu lilna nfusna: lil min jirrapreżentaw il-protagonsti ta’ din l-istorja? Fir-re, San Ġilormu jidentifika lill-Missier tas-Sema, l-għarus hu Ġesù u l-għarusa hi l-Knisja (cfr Commento a Matteo Libro III, cap. 22). Allura, fost il-protagonisti hemm aħna wkoll, magħżulin mill-Mulej biex naqsmu miegħu l-eżistenza tagħna u biex inwasslu l-ħajja flimkien miegħu. Il-festa tat-tieġ hi l-festa tagħna u s-sala tal-festa huma l-knejjes tagħna, djarna, il-postijiet fejn ngħixu, u li fihom, ta’ kuljum, Iben ir-Re, Ġesù Kristu, jirritorna biex jiddikjaralna mħabbtu u jistenna “l-iva” tagħna. Hemmhekk aħna niltaqgħu miegħu lebsin, bħall-għarusa, bil-libsa l-bajda tal-Magħmudija u mżejnin bil-ġahwar tal-opri tajba, li jqarrbuna lejn Alla u lejn xulxin. Allura, il-ferħ li nħabbru mhuwiex artifiċjali, imma profond, konkret, reali, sabiħ bħall-uċuħ tal-persuni li niltaqgħu magħhom, veru bħax-xogħol, bħat-tbissim, bħad-dmugħ, bħall-għafsa ta’ id xulxin, bħal-ġesti tajba ta’ jiemna. U huwa don ta’ Alla għas-salvazzjoni tad-dinja.
Għalhekk, nitolbu li Marija, Omm il-Mulej, biex tgħinna nisseddqu f’dal-ferħ u nħabbruh dejjem u kullimkien, bil-ġeneorżità, bil-kuraġġ u bil-fidi, anki fejn ma jkunx mifhum.
Wara l-Angelus
Għeżież ħuti,
ilbieraħ f’Mantova, kienet beatifikata Swor Maria Ignazia Isacchi, fundatriċi tal-Kongregazzjoni tas-Sorijiet Orsolini tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù. Bejn tmien is-seklu dsatax u l-ewwel għexieren tas-seklu għoxrin, kienet ingħatat b’karità kuraġġuża għall-għajnuna lil min fqir u fil-bżonn. Jalla l-eżempju tagħha jqanqal mill-ġdid fina l-ħerqa li fid-dinja nkunu xhieda tal-imħabba evanġelika għal kulħadd.
Il-gwerra li qed tifleġ lill-Ukrajna għadha ġġib magħha tbatija li qed tolqot ferm ‘l hinn mill-konfini tagħha, speċjalment fil-pajjiżi l-aktar foqra, fejn tant persuni jiddependu mill-importazzjoni taċ-ċereali. Nagħmel appell minn qigħ qalbi lill-partijiet fil-kunflitt biex iħallu jgħaddi bla xkiel it-trasport taċ-ċereali mill-Baħar l-Iswed. Il-ħobż ta’ kuljum ta’ miljuni ta’ persuni ma jistax jibqa’ ostaġġ tal-gwerra.
Illum fl-Italja hu l-Jum tal-Vittmi tal-inċidenti fuq ix-xogħol. Insellem lill-Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Invalidi fuq ix-Xogħol u ninkoraġġixxi kull sforz li jsir bi prevenzjoni għal dawn l-inċidenti.
Nagħti merħba minn qigħ qalbi lilkom ilkoll, Rumani u pellegrini!
Insellem lill-membri tal-Hermandad del Señor de los Milagros f’Ruma u lil kull min ħa sehem fil-purċissjoni bl-Ikona meqjuma tal-Kurċifiss. Grazzi tat-talb tagħkom bi tħejjija għaż-Żjara Pastorali li se nagħmel fil-Perù.
Nilqa’ bil-ferħ lill-fidili mill-Eparkija Greco-Cattolica minn Mukacevo, fl-Ukrajna, akkumpanjati mill-Isqof tagħhom; lill- Asociación de fieles Hakuna; las“Antiguas Alumnas Jesús Maria España”; il-kor u l-iskola tal-vuċi tal-Katidral ta’ Haarlem, fl-Olanda; u lill-fidili minn Vjenna. Insellem liż-żgħażagħ mill-vikarjat ta’ Chiaravalle, fid-djoċesi ta’ Senigallia; lis-soċi tal-AIDO provinċjali ta’ Belluno; lill-grupp “Ars Enotria: minn Cosenza; u lit-tim tal-futbol tan-nisa tal-Isptar ta’ Biella.
Għeżież, reċentement, waqt xi eżamijiet, it-tobba sabuli għoqda fil-pulmun. Tinsab fil-fażi tal-bidunett u lokalizzata. It-tobba jidhrilhom li aħjar isir intervent u għalhekk, fuq il-parir tagħhom iddeċidejt li nagħmel l-operazzjoni biex inneħħiha. Il-proċess hu programmat fil-jiem li ġejjin. Irroddilkom ħajr tal-qrubija spiritwali tagħkom u nafda ruħi fit-talb tagħkom.
Grazzi u l-Ħadd it-tajjeb!
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber
