Nitolbu għal familji Nsara sabiex jgħożżu r-rigal tat-tfal bħala vera barka


It-Tnejn, 15 ta’ Ġunju 2020: Omelija f’Quddiesa mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fil-Knisja Kolleġġjata ta’ San Lawrenz, il-Birgu …

Capture.PNGsss

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

L-istorja li smajna fl-Ewwel Qari llum tagħtina spunt ta’ riflessjoni profond fil-kuntest ta’ din iċ- ċelebrazzjoni kbira li qegħdin nagħmlu fil-200 sena, jew it-tieni ċentinarju, mit-twaqqif ta’ dan il-Kapitlu.

Ippermettuli l-ewwel nett insellem lill-mistednin distinti, Eċċellenzi, nirringrazzjakom ħafna tal-preżenza tagħkom hawnhekk illum. U għalkemm qegħdin ngħixu żminijiet partikolari ħafna, il-Mulej tana l-grazzja li llum nkunu nistgħu niltaqgħu bħala komunità, veru ristretta minħabba ċ-ċirkustanzi, imma għandna l-possibbiltà niċċelebraw l-Ewkaristija mill-ġdid f’din il-knisja kolleġġjata tant antika u tant għażiża.

L-Ewwel Qari (1 Slat 21:1-16) jagħtina traġedja, traġedja li fiha ingredjenti li niltaqgħu magħhom f’kull epoka: ir-regħba, l-inġustizzja, il-gidba, u l-qtil. L-Ewwel Qari jiġbor dawn it-traġedji f’narattiva waħda: ir-regħba ta’ Aħab is-sultan, l-għawi ta’ martu Ġeżabel, il-fatt li tipperswadi lin-nies ta’ bla kuxjenza li jakkużaw lil Nabot li kien innoċenti u jikkundannawh għall-mewt u joqtluh biex ir-re ikun jista’ joħodlu għalqa tad-dwieli.

U din it-traġedja ta’ din l-inġustizzja kbira sseħħ fil-kuntrast ta’ dan ir-raġel ġwejjed, Nabot, li l-għalqa tad-dwieli ma kinitx biss tfisser għalih ġnien li kien ta ħajtu imma kienet ukoll għalih il-patrimonju tal-familja tiegħu. L-innoċenza ta’ Nabot hija innoċenza li ma tinxtarax bil-flus. “Agħtini l-għalqa tiegħek tad-dwieli bil-flus kemm tiswa’ u jekk jidhirlek li jkun aħjar nagħtik għalqa oħra tad-dwieli flokha.” “Ma nagħtikx l-għalqa tiegħi tad-dwieli.” (1 Slat 21:6). Nabot ma riedx jinxtara. U r-re, għax kellu l-poter u kellu mara tgħawwih, uża l-poter tiegħu biex iwettaq inġustizzja kbira. Joqtol raġel innoċenti u l-għalqa tad-dwieli li ried, jakkwistaha xorta waħda.

Kull Kapitlu mwaqqaf mill-Knisja nifhem li għandu jkun risposta għal dawn il-passjonijiet kollha li n-narrattiva tal-lum tinsiġhom fi traġedja. Il-Kapitlu jrid ikun risposta għall-għerq ħażin tal-bniedem li jwassal għar-regħba, għall-kalunja, ghall-inġustizzja u għall-qtil. Il-fraternità bejn is-saċerdoti qiegħda hemm biex tagħti risposta pożittiva għal tant traġedji li jitnisslu fil-qalb tal-bniedem.

U llum aħna u niċċelebraw il-200 anniversarju tal-Kapitlu, nitolbu ’l Mulej biex isaffi l-memorja ta’ 200 sena ta’ fraternità saċerdotali u jagħmel minn dan il-Kapitlu risposta għal dak kollu negattiv li hemm barra u fil-qalb tagħna u li jagħti okkażjoni lis-saċerdoti li jkunu xhieda ta’ fraternità vera fejn il-massa komuni mhux għall-interessi tiegħi imma biex inkun nista’ ngħin il-foqra; biex ilsieni mhux biex nikkalunja lil xi ħadd jew inkisser lil sieħbi imma biex infaħħar lil Alla u ngħid kelma ta’ ġid. Biex dak kollu li jikber fil-qalb tiegħi ma jkunx seftur tal-inġustizzja imma jippromwovi l-ġustizzja soċjali għaliex il-kanonċi mhumiex nominati għal xi prestiġju fieragħ, vojt u battal imma biex ikunu qaddejja tal-kult u jitgħallmu x’jiġifieri taħsel is-saqajn ta’ xulxin.

Jekk il-Kapitlu jkun okkażjoni għal frugħa huwa dagħwa, huwa kontradizzjoni fih innifsu. Imma l-Kapitlu li huwa coetus sacerdotalis huwa grupp ta’ saċerdoti jiġbed il-qawwa spiritwali tiegħu mir-rakkont tal-aħħar ikla tal-Mulej, l-ikla li fiha l-Mulej mhux biss waqqaf is-saċerdozju imma tana wkoll il-kmandament tal-imħabba. “Ħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom, jien” (Ġw 13:34). Tana wkoll eżempju: hu li hu l-Mulej u s-Sid u l-Imgħallem li naħslu saqajn xulxin (Ġw 13:14).

X’jiġifieri meta Ġesù fl-Evanġelju tal-lum skont San Mattew jgħidilna biex il-ħażin ma niqfulux? Li aħna ma npattux il-ħażin bil-ħażen imma nirbħu lill-ħażin bit-tajjeb. Jekk xi ħadd jagħtik daqqa ta’ ħarta fuq ħaddejk tal-lemin, xi tfisser li ddawwarlu l-ieħor ukoll? (Mt 5:39). Li inti ma tpattihulux b’sens ta’ vendikazzjoni, li qalbek ma ssirx skjava ta’ rabja li permezz tagħha min irid jagħmillek il-ħsara jkun ħakmek. Meta inti min jagħmillek il-ħsara – jekk hi kelma ħażina, jekk hi kalunja, jekk hi vjolenza – fik ibejjed rabja li ma tinqata’ qatt minn qalbek, rebaħlek għamlek skjav tal-vjolenza tiegħu.

Jekk ma ngħixux il-kanonikat tagħna b’dan l-ispirtu, insiru parodija, tad-daħk, ridikoli. Il-Mulej jitlob minna li nkunu xhieda tal-imħabba tiegħu konkreta.

Il-Mulej qed jgħallimna liġi iebsa imma vera ta’ libertà. “U lil min irid itellgħek il-Qorti jeħodlok il-libsa, ħallilu wkoll il-mantar” (Mt 5:40). Imma din xi tfisser? Nitftakru li fl-aħħar ċena l-Mulej, li kien jaf min fejn ġie, hekk hemm fil-bidu tal-kapitlu 13 ta’ San Ġwann: “Hu li kien jaf minn fejn ġie”, min hu u fejn kien sejjer, “neħħa l-mantar, neża’ l-mantar tħażżem b’fardal u beda jaħsel riġlejn id-dixxipli tiegħu” (Ġw 13:4). Il-Mulej fil-misteru tal-inkarnazzjoni tiegħu, neża l-libsa tal-glorja tiegħu u ħaddan l-umanità tagħna. Imma ewl il-lejl qabel ma bata, neża’ l-mantar biex hu, li kien se jkun meħud il Qorti, mhux biss iħallina neħdulu l-libsa imma nneżżgħuh għarwien.

Ftakru meta tilbsu l-ilbies tagħkom li intom qaddejja ta’ min biex isalvana ħallina nneżżgħuh. Ftakru intom u tilbsu s-salib tad-deheb tagħkom li l-Mulej salvana minn fuq l-għuda tas-salib. Ftakru intom u tilbsu l-berettin tagħkom li l-Mulej xedddejnilu kuruna tax-xewk. Jekk aħna ma ngħixux il-kanonikat tagħna b’dan l-ispirtu, insiru parodija, tad-daħk, ridikoli. Il-Mulej jitlob minna li nkunu xhieda tal-imħabba tiegħu konkreta.

U l-glorja tal-Kapitlu tkun li dak kollu li hu l-patrimonju ta’ din il-parroċċa, jieħu ħsieb għaliex dan mhux tagħna imma huwa patrimonju tal-poplu għażiż tagħna u ta’ pajjiżna u r-responsabbiltà tal-Kapitlu hija li jħalliha dak li rċieva l-Knisja, il-patrimonju ta’ din il-kolleġġjata, aħjar milli sab. U jalla minn dawn il-ħitan tant għeżież, li fihom il-poplu Malti u l-Ordni ta’ San Ġwann għollew innijiet ta’ tifħir wara tant talb u biki, jalla dawn il-ħitan jibqgħu jkunu xhieda ta’ talb ħiereġ mill-qalb. Il-Mulej jagħtina li permezz tax-xhieda tagħkom, żgħażagħ fostna u fil-komunitajiet tagħna jitħajru jkunu saċerdoti.

Nitolbu li jkollna familji Nsara mimlija għożża, li għalihom id-don tal-ulied huwa veru rigal u barka u li ma jaqtgħu qatt mill-providenza tal-Mulej.

Jiena rrid insellem is-saċerdoti qaddisin, illum m’għadhomx magħna – għax issa għalikom nitkellmu wara – li taw eżempju. Ma nsemmix ismijiet imma intom tafu, il-poplu tagħna jaf liema huma s-saċerdoti li dejjem kont issibhom hawn lesti għall-qrar, biex jagħtu kelma ta’ faraġ. U huma wkoll il-glorja tal-Kapitlu.

Ma jistax ikun ma nsemmux it-tifkira glorjuża ta’ San Lawrenz levita martri. San Lawrenz imita lill-Mulej fil-misteru tal-qamħa li taqa’ fl-art u tmut imma ma tibqax weħidha, tagħmel ħafna frott. Hu u jitla’ fuq il-gradilja, San Lawrenz mhux biss il-mantar neħħewlu imma kull biċċa libsa li kellu fuqu u għeri, bħalma kien għeri l-Mulej tiegħu fuq is-salib, nxtewa għax qalbu kienet diġà nar iħeġġeġ bi mħabba għal Ġesù.

Jiena nitlob l-interċessjoni tal-martri glorjuż San Lawrenz għall-membru kollha ta’ din il-Kolleġġjata, għas-saċerdoti kollha li ħarġu minn din il-parroċċa u li jekk Alla jrid għad joħorġu minn din il-parroċċa. Imma kemm se jkollna żgħażagħ li jsiru kanonċi jiddependi mis-sagrament taż-żwieġ mhux mis-sagrament tal-Ordni. U għalhekk aħna u nħarsu lejn il-futur tal-Birgu, tajjeb infakkru dak li għamlu s-saċerdoti u li qegħdin jagħmlu, imma nitolbu wkoll li jkollna familji Nsara mimlija għożża, li għalihom id-don tal-ulied huwa veru rigal u barka u li ma jaqtgħu qatt mill-providenza tal-Mulej.

Ejjew nitolbu biex Alla li jagħti kas tat-tnehid tagħna li jitla’ minn dan it-tempju għażiż, joffrilna wkoll il-kelma tiegħu bħala fanal għal riġlejna u dawl fil-mogħdija tagħna.

✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: 1 Slaten 21, 1-16
Salm: 5, 2-3.5-6.7
Evanġelju: Mt 5, 38-42

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.